(2) Id-direttivi li ġew adottati fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jikkontribwixxu għall-funzjonament tas-suq intern, jipprevedu livell għoli ta' protezzjoni għad-detenturi tad-drittijiet, jiffaċilitaw l-ikklerjar tad-drittijiet u joħolqu qafas li fih jista' jsir l-isfruttament ta' xogħlijiet u materjal protett ieħor.
Dak il-qafas legali armonizzat jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u jistimula l-innovazzjoni, il-kreattività, l-investiment u l-produzzjoni ta' kontenut ġdid, anki fl-ambjent diġitali, sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern.
Il-protezzjoni mogħtija minn dak il-qafas legali tikkontribwixxi wkoll għall-għanijiet tal-Unjoni ta' rispett u promozzjoni tad-diversità kulturali, filwaqt li fl-istess ħin tressaq il-wirt kulturali komuni Ewropew fuq quddiem nett.
L-Artikolu 167(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jirrikjedi li l-Unjoni tikkunsidra l-aspetti kulturali fl-azzjoni tagħha.
- = -
(3) L-iżviluppi teknoloġiċi mgħaġġla qed ikomplu jbiddlu l-mod kif ix-xogħlijiet u materjal protett ieħor jinħolqu, jiġu prodotti, distribwiti u sfruttati.
Qed ikomplu joħorġu mudelli kummerċjali ġodda u atturi ġodda.
Il-leġislazzjoni rilevanti teħtieġ tkun valida għall-futur sabiex ma tillimitax l-iżvilupp teknoloġiku.
L-għanijiet u l-prinċipji stabbiliti mill-Unjoni fil-qafas tad-drittijiet tal-awtur jibqgħu sodi.
Madankollu, għad hemm inċertezza legali, kemm għad-detenturi tad-drittijiet kif ukoll l-utenti, fir-rigward ta' ċerti użi, inkluż l-użu transfruntier ta' xogħlijiet u materjal ieħor fl-ambjent diġitali.
Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2015 bit-titolu “Lejn qafas tad-drittijiet tal-awtur aktar modern u Ewropew”, f'xi oqsma huwa meħtieġ li l-qafas tad-drittijiet tal-awtur attwali tal-Unjoni jiġi adattat u supplimentat, filwaqt li jinżamm livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet oħrajn.
Din id-Direttiva tipprevedi regoli biex jiġu adattati ċerti eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt tal-awtur u drittijiet relatati għall-ambjenti diġitali u transfruntiera, kif ukoll għal miżuri biex jiġu faċilitati ċerti prattiki ta' liċenzjar, b'mod partikolari imma mhux biss fir-rigward tat-tixrid tax-xogħlijiet li mhumiex fis-suq u materjal ieħor u d-disponibbiltà online ta' xogħlijiet awdjoviżivi fuq pjattaformi li joffru video-on-demand bil-ħsieb li jiġi żgurat aċċess aktar wiesgħa għall-kontenut.
Hija tinkludi wkoll regoli li jiffaċilitaw l-użu tal-kontenut fid-dominju pubbliku.
Sabiex jinkiseb il-funzjonament tajjeb u ġust tas-suq għad-drittijiet tal-awtur, jenħtieġ li jkun hemm ukoll regoli dwar id-drittijiet f'pubblikazzjonijiet, dwar l-użu ta' xogħlijiet jew materjal ieħor mill-fornituri ta' servizz online li jaħżnu u jagħtu aċċess għal kontenut imtella' tal-utent, dwar it-trasparenza ta' kuntratti tal-awturi u tal-artisti, dwar ir-remunerazzjoni tal-awturi u tal-artisti, kif ukoll mekkaniżmu għar-revoka tad-drittijiet li l-awturi u l-artisti jkunu ttrasferew fuq bażi esklussiva.
- = -
(5) Fl-oqsma tar-riċerka, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali, it-teknoloġiji diġitali jippermettu tipi ta' użi ġodda li mhumiex koperti b'mod ċar mir-regoli attwali tal-Unjoni dwar l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet.
Barra minn hekk, in-natura fakultattiva tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fid-Direttivi 96/9/KE, 2001/29/KE, u 2009/24/KE f'dawk l-oqsma jista' jkollhom impatt negattiv fuq il-funzjonament tas-suq intern.
Dan huwa partikolarment rilevanti fir-rigward ta' użi transfruntieri, li qed isiru dejjem aktar importanti fl-ambjent diġitali.
Għalhekk, eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti fil-liġi tal-Unjoni li huma rilevanti għar-riċerka xjentifika, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali jenħtieġ li jiġu vvalutati mill-ġdid fid-dawl ta' dawn l-użi l-ġodda.
Jenħtieġ li jiġu introdotti l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet obbligatorji għall-użu ta' teknoloġiji tal-estrazzjoni tat-test u tad-data, l-illustrazzjoni għat-tagħlim fl-ambjent diġitali u għall-preservazzjoni tal-wirt kulturali.
L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet eżistenti fil-liġi tal-Unjoni jenħtieġ li jibqgħu japplikaw, inkluż għall-estrazzjoni tat-test u tad-data, l-edukazzjoni u l-attivitajiet ta' preservazzjoni, sakemm dawn ma jillimitawx il-kamp ta' applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet obbligatorji previstii f'din id-Direttiva, li jeħtieġu li jiġu implimentati mill-Istati Membri fil-liġi nazzjonali tagħhom.
Jenħtieġ għalhekk li d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE jiġu emendati.
- = -
(8) Teknoloġiji ġodda jippermettu l-analiżi komputazzjonali awtomatizzata ta' informazzjoni f'forma diġitali, bħat-test, il-ħsejjes, l-immaġni jew id-data, ġeneralment magħrufa bħala l-estrazzjoni tat-testi u tad-data.
L-estrazzjoni tat-testi u tad-data tagħmel possibbli l-ipproċessar ta' ammonti kbar ta' informazzjoni bil-għan li jinkiseb għarfien ġdid u jiġu skoperti xejriet ġodda.
It-teknoloġiji tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data huma prevalenti fl-ekonomija diġitali, madankollu hemm rikonoxximent mifrux li l-estrazzjoni tat-testi u tad-data tista' tibbenefika b'mod partikolari lill-komunità tar-riċerka u b'hekk tappoġġa l-innovazzjoni.
Tali teknoloġiji huma ta' benefiċċju għall-universitajiet u organizzazzjonijiet ta' riċerka oħrajn, kif ukoll istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, minħabba li dawn jistgħu wkoll iwettqu riċerka fil-kuntest tal-attivitajiet ewlenin tagħhom.
Madankollu, fl-Unjoni, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet bħal dawn qed iħabbtu wiċċhom ma' inċertezza legali dwar sa fejn ikunu jistgħu jwettqu estrazzjoni tat-test u tad-data tal-kontenut.
F'ċerti każijiet, l-estrazzjoni tat-testi u tad-data tista' tinvolvi atti protetti bid-drittijiet tal-awtur, bid-dritt tal-bażi tad-data sui generis jew bit-tnejn, b'mod partikolari, ir-riproduzzjoni ta' xogħlijiet jew materjal ieħor, l-estrazzjoni tal-kontenut minn bażi tad-data jew it-tnejn, li tiġri pereżempju meta d-data tiġi normalizzata fil-proċess tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data.
Fejn ma tapplika l-ebda eċċezzjoni jew limitazzjoni, awtorizzazzjoni biex jitwettqu tali atti hija meħtieġa mid-detenturi tad-drittijiet.
- = -
(10) Il-liġi tal-Unjoni tipprevedi ċerti eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet li jkopru l-użi għal finijiet ta' riċerka xjentifika li jistgħu japplikaw għal atti ta' estrazzjoni tat-testi u tad-data.
Madankollu, dawn l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet huma fakultattivi u mhumiex kompletament adattati għall-użu ta' teknoloġiji fir-riċerka xjentifika.
Barra minn hekk, fejn ir-riċerkaturi jkollhom aċċess legali għal kontenut, pereżempju permezz ta' abbonamenti għal pubblikazzjonijiet jew liċenzji ta' aċċess miftuħ, it-termini tal-liċenzji jistgħu jeskludu l-estrazzjoni tat-testi u tad-data.
Peress li kulma jmur ir-riċerka qed issir dejjem aktar bl-għajnuna tat-teknoloġija diġitali, hemm riskju li l-pożizzjoni kompetittiva tal-Unjoni bħala qasam ta' riċerka se tbati jekk ma jittiħdux il-passi biex tiġi indirizzata l-inċertezza legali fir-rigward tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data.
- = -
(19) L-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva 2001/29/KE jippermetti lill-Istati Membri li jintroduċu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet ta' riproduzzjoni, komunikazzjoni lill-pubbliku u tqegħid għad-dispożizzjoni għall-pubbliku ta' xogħlijiet jew materjal ieħor b'tali mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jaċċessawhom minn post u ħin magħżul individwalment minnhom għall-iskop uniku ta' illustrazzjoni għat-tagħlim.
Barra minn hekk, l-Artikoli 6(2)(b) u 9(b) tad-Direttiva 96/9/KE jippermettu l-użu ta' bażi tad-data u l-estrazzjoni ta' parti sostanzjali tal-kontenut tagħha għall-finijiet ta' illustrazzjoni għat-tagħlim.
Il-kamp ta' applikazzjoni ta' dawk l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet kif japplikaw għall-użi diġitali mhuwiex ċar.
Barra minn hekk, hemm nuqqas ta' ċarezza dwar jekk dawn l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet japplikawx fejn it-tagħlim huwa pprovdut online u mill-bogħod.
Barra minn hekk, il-qafas legali eżistenti ma jipprevedix effett transfruntier.
Din is-sitwazzjoni tista' tfixkel l-iżvilupp ta' attivitajiet ta' tagħlim diġitalment appoġġati u t-tagħlim mill-bogħod.
Għalhekk, l-introduzzjoni ta' sistema ġdida ta' eċċezzjoni jew limitazzjoni obbligatorja hija meħtieġa biex jiġi żgurat li stabbilimenti edukattivi jibbenefikaw minn ċertezza legali sħiħa meta jużaw xogħlijiet jew materjal ieħor, f'attivitajiet ta' tagħlim diġitali inklużi dawk online u bejn il-fruntieri.
- = -
(20) Filwaqt li programmi ta' tagħlim mill-bogħod u ta' edukazzjoni transfruntiera huma fil-parti l-kbira żviluppati f'livell ta' edukazzjoni għolja, l-għodod u r-riżorsi diġitali qed jintużaw dejjem aktar fil-livelli edukattivi kollha, b'mod partikolari biex itejbu u jsaħħu l-esperjenza tat-tagħlim.
L-eċċezzjoni jew limitazzjoni previsti f'din id-Direttiva jenħtieġ li għalhekk jibbenefikaw lill-istabbilimenti edukattivi kollha rikonoxxuti mill-Istat Membru, inkluż dawk involuti fl-edukazzjoni primarja, sekondarja, vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja.
Dawn jenħtieġ li japplikaw biss sa fejn l-użi jkunu ġustifikati mill-iskop mhux kummerċjali tal-attività ta' tagħlim partikolari.
L-istruttura organizzattiva u l-mezzi ta' ffinanzjar ta' stabbiliment edukattiv jenħtieġ li ma jkunux il-fatturi deċiżivi biex jiddeterminaw l-attività hijiex ta' natura mhux kummerċjali.
- = -
(21) L-eċċezzjoni jew limitazzjoni prevista f'din id-Direttiva għall-iskop uniku ta' illustrazzjoni għat-tagħlim jenħtieġ li jinftiehmu bħala li jkopru l-użi diġitali ta' xogħlijiet jew materjal ieħor biex isostnu, isaħħu jew jikkumplimentaw it-tagħlim, inklużi attivitajiet ta' tagħlim.
Id-distribuzzjoni ta' software permess skont dik l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni jenħtieġ li tkun limitata għat-trażmissjoni diġitali ta' software.
Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-kunċett ta' illustrazzjoni jkun għalhekk jimplika l-użu biss ta' partijiet jew siltiet ta' xogħlijiet, li jenħtieġ li ma jissostitwixxix ix-xiri ta' materjal primarjament maħsub għas-suq edukattiv.
Meta jimplimentaw l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jispeċifikaw, għat-tipi differenti ta' xogħlijiet jew materjal ieħor, b'mod ibbilanċjat, il-proporzjon ta' xogħol jew materjal ieħor li jista' jintuża għall-iskop uniku ta' illustrazzjoni għat-tagħlim.
Użi permessi taħt l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni jenħtieġ li jinftiehmu bħala dawk li jkopru l-ħtiġijiet speċifiċi tal-aċċessibbiltà għal persuni b'diżabbiltà fil-kuntest ta' illustrazzjoni għat-tagħlim.
- = -
(22) L-użu tax-xogħlijiet jew materjal ieħor taħt l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni għall-fini uniku ta' illustrazzjoni għat-tagħlim previst f'din id-Direttiva jenħtieġ li jkun biss fil-kuntest ta' attivitajiet ta' għoti u teħid ta' tagħlim imwettqa taħt ir-responsabbiltà ta' stabbilimenti edukattivi, inkluż matul l-eżamijiet jew attivitajiet ta' tagħlim li jsiru barra mill-bini tal-istabbilimenti edukattivi, pereżempju f'mużew, librerija jew istituzzjoni oħra tal-wirt kulturali, u jenħtieġ li jkun limitat għal dak li huwa meħtieġ għall-iskop ta' attivitajiet bħal dawn.
L-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni jenħtieġ li jkopru kemm l-użi ta' xogħlijiet jew ta' materjal ieħor li jkunu saru fil-klassi jew f'postijiet oħra permezz ta' mezzi diġitali, pereżempju whiteboards elettroniċi jew tagħmir diġitali li jistgħu jkunu konnessi mal-Internet, kif ukoll użi magħmula mill-bogħod permezz ta' ambjenti elettroniċi siguri, bħal fil-kuntest ta' korsijiet online jew aċċess għal materjal ta' tagħlim li jikkumplimenta kors partikolari.
Ambjenti elettroniċi siguri jenħtieġ li jinftiehmu bħala ambjenti diġitali ta' għoti u teħid ta' tagħlim li l-aċċess għalih ikun limitat għall-persunal tat-tagħlim tal-istabbiliment edukattiv u għat-tfal tal-iskola jew l-istudenti li jkunu rreġistrati fi programm ta' studju, b'mod partikolari permezz ta' proċeduri ta' awtentikazzjoni xierqa inklużi awtentikazzjonijiet ibbażati fuq passwords.
- = -
(23) Arranġamenti differenti, ibbażati fuq l-implimentazzjoni tal-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni prevista fid-Direttiva 2001/29/KE jew fuq ftehimiet ta' liċenzjar li jkopru aktar użi, huma fis-seħħ f'għadd ta' Stati Membri sabiex jiġi ffaċilitat l-użu edukattiv ta' xogħlijiet u materjal ieħor.
Arranġamenti bħal dawn normalment ikunu ġew żviluppati wara li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet edukattivi u livelli differenti ta' edukazzjoni.
Filwaqt li huwa essenzjali li jiġu armonizzati l-kamp ta' applikazzjoni obbligatorju ta' eċċezzjoni jew limitazzjoni fir-rigward ta' użi u attivitajiet ta' tagħlim diġitali transfruntier, l-arranġamenti għall-implimentazzjoni jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, sakemm dawn ma jfixklux l-applikazzjoni effettiva tal-eċċezzjoni jew limitazzjoni jew użi transfruntieri.
L-Istati Membri jenħtieġ li pereżempju jibqgħu liberi li jirrikjedu li l-użu ta' xogħlijiet jew materjal ieħor jirrispettaw id-drittijiet morali tal-awturi u l-artisti.
Dan jenħtieġ li jippermetti lill-Istati Membri li jibnu fuq l-arranġamenti eżistenti konklużi fil-livell nazzjonali.
B'mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jissuġġettaw l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni jew limitazzjoni, b'mod sħiħ jew parzjalment, id-disponibbiltà ta' liċenzji adatti, li tkopri mill-inqas l-istess użu bħal dawk permessi taħt din l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni.
L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li fejn il-liċenzji jkopru biss parzjalment l-użi permessi skont l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni, l-użi l-oħrajn kollha jibqgħu soġġetti għall-eċċezzjoni jew għal-limitazzjoni.
- = -
(24) L-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jipprevedu li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu kumpens ġust għall-użi diġitali tax-xogħlijiet tagħhom jew ta' materjal ieħor taħt l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni previsti f'din id-Direttiva għall-illustrazzjoni għal tagħlim.
Fl-istabbiliment tal-livell possibbli ta' kumpens ġust, jenħtieġ li jitqiesu kif dovut, fost l-oħrajn, l-għanijiet edukattivi tal-Istati Membri u l-ħsara lid-detenturi tad-drittijiet.
L-Istati Membri li jiddeċiedu li jipprevedu kumpens ġust jenħtieġ li jinkoraġġixxu l-użu ta' sistemi, li ma joħolqux piż amministrattiv għall-istabbilimenti edukattivi.
- = -
(25) L-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali huma involuti fil-preservazzjoni tal-kollezzjonijiet tagħhom għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Att ta' preservazzjoni ta' biċċa xogħol jew ta' materjal ieħor fil-kollezzjoni ta' istituzzjoni tal-wirt kulturali jista' jirrikjedi riproduzzjoni u konsegwentement jirrikjedi l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet rilevanti.
It-teknoloġiji diġitali joffru modi ġodda biex jiġi ppreservat il-wirt kulturali li jinsab f'dawk il-kollezzjonijiet, iżda dawn joħolqu wkoll sfidi ġodda.
Minħabba dawn l-isfidi l-ġodda, jenħtieġ li l-qafas legali eżistenti jiġi adattat billi tkun prevista eċċezzjoni obbligatorja għad-dritt ta' riproduzzjoni sabiex ikunu permessi tali atti ta' preservazzjoni minn tali istituzzjonijiet.
- = -
(28) L-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali mhux neċessarjament ikollhom il-mezzi tekniċi jew il-kompetenza esperta biex iwettqu l-atti meħtieġa biex jippreservaw il-kollezzjonijiet tagħhom huma stess, b'mod partikolari fl-ambjent diġitali, u għalhekk jistgħu jirrikorru għall-assistenza ta' istituzzjonijiet kulturali oħrajn u partijiet terzi oħrajn għal dak l-iskop. Taħt l-eċċezzjoni għall-finijiet ta' preservazzjoni previsti minn din id-Direttiva, l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jenħtieġ li jitħallew jiddependu fuq partijiet terzi li jaġixxu f'isimhom u taħt ir-responsabbiltà tagħhom, inklużi dawk li huma bbażati fi Stati Membri oħrajn, biex isiru l-kopji.
- = -
(37) Wara li qieset il-varjetà ta' xogħlijiet u materjal ieħor f'kollezzjonijiet ta' istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, huwa importanti li l-mekkaniżmi ta' liċenzjar u l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni previsti minn din id-Direttiva jkunu disponibbli u jistgħu jintużaw fil-prattika għal tipi differenti ta' xogħlijiet u materjal ieħor, inklużi ritratti, software, fonogrammi, xogħlijiet awdjoviżivi u xogħlijiet tal-arti uniċi, inkluż fejn qatt ma kienu kummerċjalment disponibbli.
Xogħlijiet li qatt ma kienu fis-suq jistgħu jinkludu posters, fuljetti, ġurnali tat-trunċieri jew xogħlijiet awdjoviżivi tad-dilettanti, iżda wkoll xogħlijiet mhux ippubblikati jew materjal ieħor, mingħajr preġudizzju għal restrizzjonijiet legali oħra applikabbli, bħal regoli nazzjonali dwar id-drittijiet morali.
Meta xogħol jew materjal ieħor ikun disponibbli f'xi waħda mill-verżjonijiet differenti tiegħu, bħal edizzjonijiet sussegwenti ta' xogħlijiet letterarji u qtugħ alternattiv ta' xogħlijiet ċinematografiċi, jew fi kwalunkwe waħda mill-manifestazzjonijiet differenti tiegħu, bħal formati diġitali u stampati tal-istess xogħol, dak ix-xogħol jew materjal ieħor jenħtieġ li ma jitqisux bħala mhux fis-suq.
Min-naħa l-oħra, id-disponibbiltà kummerċjali tal-adattamenti, inklużi verżjonijiet lingwistiċi oħra jew adattamenti awdjoviżivi ta' xogħol letterarju, jenħtieġ li ma tipprekludix xogħol jew materjal ieħor milli jitqies bħala mhux fis-suq f'lingwa partikolari.
Sabiex jiġu riflessi l-ispeċifiċitajiet tat-tipi differenti ta' xogħlijiet u materjal ieħor fir-rigward ta' mezzi ta' pubblikazzjoni u distribuzzjoni u biex ikun faċilitat l-użu ta' dawn il-mekkaniżmi, rekwiżiti u proċeduri speċifiċi jaf mnejn jiġu stabbiliti għall-applikazzjoni prattika ta' dawk il-mekkaniżmi ta' liċenzjar, bħal rekwiżit li jkun għadda ċertu perijodu ta' żmien mill-ewwel disponibbiltà kummerċjali tax-xogħol jew materjal ieħor.
Huwa xieraq li l-Istati Membri jikkonsultaw lid-detenturi tad-drittijiet, lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali u lill-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv meta jistabbilixxu tali rekwiżiti u proċeduri.
- = -
(46) Minħabba l-importanza dejjem akbar tal-kapaċità li jiġu offruti skemi ta' liċenzjar flessibbli fl-era diġitali, u l-użu dejjem akbar ta' skemi bħal dawn, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jipprevedu mekkaniżmi ta' liċenzjar li jippermettu lill-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv jikkonkludu liċenzji, fuq bażi volontarja, irrispettivament minn jekk id-detenturi tad-drittijiet kollha jkunux awtorizzaw lill-organizzazzjoni kkonċernata biex tagħmel dan.
L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-kapaċità li jżommu u jintroduċu mekkaniżmi bħal dawn skont it-tradizzjonijiet, il-prattiki jew iċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom, soġġetti għas-salvagwardji previsti minn din id-Direttiva u f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni.
Tali mekkaniżmijenħtieġ li jkollhom effett biss fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-liġi tal-Unjoni.
L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-flessibbiltà li jagħżlu t-tip speċifiku ta' mekkaniżmu li jippermetti li liċenzji għal xogħlijiet jew materjal ieħor jestendu għad-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet li ma jkunux awtorizzaw lill-organizzazzjoni li tikkonkludi l-ftehim, dment li tali mekkaniżmu jkun f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, inklużi mar-regoli dwar il-ġestjoni tad-drittijiet kollettivi previsti fid-Direttiva 2014/26/UE.
B'mod partikolari, tali mekkaniżmi jenħtieġ li jiżguraw ukoll li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/26/UE japplika għad-detenturi tad-drittijiet li mhumiex membri tal-organizzazzjoni li tikkonkludi l-ftehim.
Tali mekkaniżmi jistgħu jinkludu l-liċenzjar kollettiv estiż, mandati legali u preżunzjonijiet ta' rappreżentazzjoni.
Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva rigward il-liċenzjar kollettiv jenħtieġ li ma jaffettwawx il-kapaċità eżistenti tal-Istati Membri li japplikaw immaniġġjar kollettiv obbligatorju tad-drittijiet jew mekkaniżmi oħrajn ta' liċenzjar kollettiv b'effett estiż, bħal dak inkluż fl-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE (12).
- = -
(53) L-għeluq tat-terminu ta' protezzjoni ta' xogħol jinvolvi d-dħul ta' dak ix-xogħol fid-dominju pubbliku u t-tmiem tad-drittijiet li l-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur tipprovdi għal dak ix-xogħol.
Fil-qasam tal-arti viżiva, iċ-ċirkolazzjoni tar-riproduzzjonijiet leali ta' xogħlijiet fid-dominju pubbliku tikkontribwixxi għall-aċċess għall-kultura u l-promozzjoni tagħha, u l-aċċess għall-wirt kulturali.
Fl-ambjent diġitali, il-protezzjoni ta' tali riproduzzjonijiet permezz tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati hija inkonsistenti mat-tmiem tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tax-xogħlijiet.
Barra minn hekk, id-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur li jirregolaw il-protezzjoni ta' tali riproduzzjonijiet iwasslu għal inċertezza legali u jaffettwaw it-tixrid transfruntier ta' xogħlijiet tal-arti viżiva fid-dominju pubbliku. Ċerti riproduzzjonijiet ta' xogħlijiet tal-arti viżiva fid-dominju pubbliku jenħtieġ, għalhekk, li ma jkunux protetti bid-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati.
Dan kollu jenħtieġ li ma jżommx lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali milli jbigħu r-riproduzzjonijiet, bħal kartolini.
- = -
(54) Stampa libera u pluralista hija essenzjali biex ikun żgurat ġurnaliżmu ta' kwalità u l-aċċess taċ-ċittadini għall-informazzjoni.
Din tagħti kontribut fundamentali għal dibattitu pubbliku u għall-funzjonament tajjeb ta' soċjetà demokratika.
Id-disponibbiltà wiesgħa ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa online wasslet għall-ħolqien ta' servizzi online ġodda, bħal aggregaturi tal-aħbarijiet jew servizzi ta' monitoraġġ tal-midja, li għalihom l-użu mill-ġdid ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa jikkostitwixxi parti importanti mill-mudelli tan-negozju tagħhom u sors ta' dħul.
Il-pubblikaturi ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa qed jaffaċċjaw problemi fil-liċenzjar għall-użu online tal-pubblikazzjonijiet tagħhom lill-fornituri ta' dawk it-tipi ta' servizzi, u b'hekk isir aktar diffiċli għalihom biex jirkupraw l-investimenti tagħhom.
Fin-nuqqas ta' rikonoxximent ta' pubblikaturi ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa bħala detenturi tad-drittijiet, il-liċenzjar u l-infurzar tad-drittijiet fil-pubblikazzjonijiet tal-istampa rigward użi online mill-fornituri ta' servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni fl-ambjent diġitali huma ta' spiss kumplessi u ineffiċjenti.
- = -