search


keyboard_tab Diritto d'autore 2019/0790 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2019/0790 MT cercato: 'mingħajr' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


index mingħajr:


whereas mingħajr:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 867

 

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“organizzazzjoni ta' riċerka” tfisser università, inklużi l-libreriji tagħha, istitut tar-riċerka jew kwalunkwe entità oħra, li l-għan primarju tagħha huwa li twettaq riċerka xjentifika jew li torganizza attivitajiet edukattivi li jinvolvu wkoll t-twettiq ta' riċerka xjentifika:

(a)

fuq bażi mhux għall-profitt jew billi tinvesti mill-ġdid il-profitti kollha tagħha ta' riċerka xjentifika; jew

(b)

skont missjoni ta' interess pubbliku rikonoxxuta minn Stat Membru;

b'tali mod li l-aċċess għar-riżultati ġġenerati minn tali riċerka xjentifika ma jistgħux jitgawdew fuq bażi preferenzjali minn impriża li teżerċita influwenza deċiżiva fuq din l-organizzazzjoni;

(2)

“l-estrazzjoni tat-test u tad-data” tfisser kwalunkwe teknika analitika awtomatizzata li għandha l-għan li tanalizza t-test u d-data f'forma diġitali biex tiġi ġġenerata informazzjoni, li tinkludi iżda mhijiex limitata għal, mudelli, xejriet u korrelazzjonijiet

(3)

“istituzzjoni tal-wirt kulturali” tfisser librerija jew mużew aċċessibbli għall-pubbliku, arkivju jew istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku jew awdjo;

(4)

“pubblikazzjoni tal-istampa” tfisser kollezzjoni magħmula fil-parti l-kbira minn xogħlijiet letterarji ta' natura ġurnalistika, iżda li tista' tinkludi wkoll xogħlijiet jew materjal ieħor, u li:

(a)

tikkostitwixxi komponent individwali f'perjodiku jew f'pubblikazzjoni aġġornata regolarment taħt titlu wieħed, bħal f'gazzetta jew f'rivista ta' interess ġenerali jew speċjali;

(b)

għandha l-għan li tipprovdi lill-pubbliku ġenerali b'informazzjoni b'rabta ma' aħbarijiet jew suġġetti oħra; u

(c)

hija ppubblikata fi kwalunkwe mezz tax-xandir taħt l-inizjattiva, ir-responsabbiltà editorjali u l-kontroll ta' fornitur ta' servizz.

Pubblikazzjonijiet perjodiċi li huma ppubblikati għal skopijiet xjentifiċi jew akkademiċi, bħal ġurnali xjentifiċi, mhumiex pubblikazzjonijiet tal-istampa skont din id-Direttiva;

(5)

“servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” tfisser servizz skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva (UE) 2015/1535;

(6)

“fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online” tfisser fornitur ta' servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li l-iskop prinċipali jew wieħed mill-iskopijiet prinċipali tiegħu huwa li jaħżen u jagħti aċċess lill-pubbliku għal ammont sinifikanti ta' xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materjal ieħor protett mtellgħin mill-utenti tiegħu, li s-servizz jorganizza u jippromwovi għal skopijiet ta' qligħ.

Il-fornituri ta' servizz, bħal enċiklopediji online mingħajr skopijiet ta' qligħ, repożitorji edukattivi u xjentifiċi mingħajr skopijiet ta' qligħ, pjattaformi ta' żvilupp ta' software u ta' kondiviżjoni b'sors miftuħ, fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi kif definiti fid-Direttiva (UE) 2018/1972, swieq online u servizzi tal-cloud għan-negozju u servizzi cloud li jippermettu lill-utenti jtellgħu kontenut għall-użu tagħhom stess mhumiex “fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online” fis-sens ta' din id-Direttiva.

TITOLU II

MIŻURI LI JADATTAW L-EĊĊEZZJONIJIET U L-LIMITAZZJONIJIET GĦALL-AMBJENT DIĠITALI U TRANSFRUNTIER.

Artikolu 12

Ħruġ kollettiv ta' liċenzji b'effett estiż

1.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu, sa fejn jikkonċerna l-użu fit-territorju tagħhom u soġġett għas-salvagwardji previsti minn dan l-Artikolu, li fejn organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv, li hija soġġetta għar-regoli nazzjonali tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/26/UE, f'konformità mal-mandati tagħha mingħand id-detenturi tad-drittijiet, tidħol fi ftehim ta' liċenzjar għall-isfruttament ta' xogħlijiet jew materjal ieħor:

(a)

tali ftehim jista' jiġi estiż biex japplika għad-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet li ma jkunux awtorizzaw lil dik l-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv biex tirrappreżentahom permezz ta' assenjazzjoni, liċenzja jew kwalunkwe arranġament kuntrattwali ieħor; jew,

(b)

fir-rigward ta' tali ftehim, l-organizzazzjoni għandha mandat legali jew hija preżunta li tirrappreżenta d-detenturi tad-drittijiet li m'awtorizzawx lill-organizzazzjoni kif xieraq.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mekkaniżmu ta' liċenzjar imsemmi fil-paragrafu 1 jiġi applikat biss f'oqsma ta' użu definiti sew, fejn il-ksib ta' awtorizzazzjonijiet mid-detenturi tad-drittijiet fuq bażi individwali ikun tipikament oneruż u mhux prattiku sal-punt li jnaqqas il-probabbiltà li ssir it-tranżazzjoni ta' liċenzjar meħtieġa, minħabba n-natura tal-użu jew tat-tipi ta' xogħlijiet jew materjal ieħor ikkonċernati, u għandhom jiżguraw li tali mekkaniżmu ta' liċenzjar jissalvagwardja l-interessi leġittimi tad-detenturi tad-drittijiet.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jipprovdu s-salvagwardji li ġejjin:

(a)

l-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv hija, abbażi ta' mandati tagħha, biżżejjed rappreżentattiva tad-detenturi tad-drittijiet fit-tip ta' xogħlijiet jew materjal ieħor u tad-drittijiet li huma s-suġġett tal-liċenzja, għall-Istat Membru rilevanti;

(b)

id-detenturi tad-drittijiet kollha huma ggarantiti trattament ugwali, inkluż f'dak li għandu x'jaqsam mat-termini tal-liċenzja;

(c)

id-detenturi tad-drittijiet li ma jkunux awtorizzaw l-organizzazzjoni li tagħti l-liċenzja jistgħu fi kwalunkwe ħin faċilment u effettivament jeskludu x-xogħlijiet jew materjal ieħor tagħhom mill-mekkaniżmu ta' liċenzjar stabbilit skont dan l-Artikolu; u

(d)

miżuri ta' pubbliċità xierqa huma meħuda, li jibdew minn perijodu raġonevoli qabel ma x-xogħlijiet jew materjal ieħor jintużaw taħt il-liċenzja, biex jinfurmaw lid-detenturi tad-drittijiet dwar il-kapaċitàtal-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv li toħroġ liċenzja għal xogħlijiet jew materjal ieħor, u dwar li l-ħruġ ta' liċenzji li jsir f'konformità ma' dan l-Artikolu, u dwar l-għażliet disponibbli għad-detenturi tad-drittijiet kif imsemmija fil-punt (c). Il-miżuri ta' pubbliċità għandhom ikunu effikaċi mingħajr il-ħtieġa li jinfurmaw lil kull detentur tad-drittijiet individwalment.

4.   Dan l-Artikolu ma jaffettwax l-applikazzjoni ta' mekkaniżmi ta' liċenzjar kollettivi b'effett estiż f'konformità ma' dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Unjoni, inklużi dispożizzjonijiet li jippermettu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet.

Dan l-Artikolu m'għandux japplika għall-immaniġġjar kollettiv obbligatorju tad-drittijiet.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/26/UE għandu japplika għall-mekkaniżmu ta' liċenzjar previst minn dan l-Artikolu.

5.   Meta Stat Membru jipprevedi fil-liġi nazzjonali tiegħu għal mekkaniżmu ta' liċenzjar f'konformità ma' dan l-Artikolu, dak l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi li tikkorrispondi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali, dwar l-għanijiet u t-tipi ta' liċenzji li jistgħu jiġu introdotti skont dawk id-dispożizzjonijiet, dwar id-dettalji ta' kuntatt ta' organizzazzjonijiet li joħorġu l-liċenzji skont dak il-mekkaniżmu tal-liċenzjar, u dwar il-mezzi li bihom tista' tinkiseb l-informazzjoni dwar il-liċenzjar u dwar l-għażliet disponibbli għad-detenturi tad-drittijiet kif imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik l-informazzjoni.

6.   Abbażi tal-informazzjoni li waslet skont il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, u tad-diskussjonijiet fil-kumitat ta' kuntatt stabbilit fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2001/29/KE, il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mill-10 ta' April 2021, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-użu fl-Unjoni tal-mekkaniżmi ta' liċenzjar imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-impatt tagħhom fuq il-liċenzjar u d-detenturi tad-drittijiet, inklużi d-detenturi tad-drittijiet li mhumiex membri tal-organizzazzjoni li tagħti l-liċenzji ew li huma ċittadini jew residenti fi Stat Membru ieħor, l-effikaċja tagħhom biex jiffaċilitaw it-tixrid tal-kontenut kulturali, u l-impatt tagħhom fuq is-suq intern, inkluż il-forniment transfruntier tas-servizzi u l-kompetizzjoni transfruntiera. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposta leġislattiva, fosthom fir-rigward tal-effett transfruntier ta' tali mekkaniżmi nazzjonali.

KAPITOLU 3

L-aċċess għal xogħlijiet awdjoviżivi fuq pjattaformi tal-video-on-demand u d-disponibbiltà tagħhom

Artikolu 16

Talbiet għal kumpens ġust

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li meta l-awtur ikun ittrasferixxa jew illiċenzja d-dritt lil pubblikatur, tali trasferiment jew liċenzja jikkostitwixxu bażi ġuridika suffiċjenti biex il-pubblikatur ikun intitolat għal sehem mill-kumpens għall-użu tax-xogħlijiet li saru skont eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt trasferit jew liċenzjat.

L-ewwel paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti eżistenti u futuri fl-Istati Membri f'dak li jikkonċerna d-drittijiet ta' self pubbliku.

KAPITOLU 2

Ċerti użi ta' kontenut protett minn servizzi online

Artikolu 17

L-użu ta' kontenut protett minn fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jagħmel att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku jew f'att ta' disponibbiltà għall-pubbliku għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva meta jagħti aċċess pubbliku għal xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materjal protett ieħor imtella' mill-utenti tiegħu.

Fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għandu għaldaqstant jikseb awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29/KE, pereżempju billi jikkonkludi ftehim ta' liċenzjar, sabiex jikkomunika lill-pubbliku jew jagħmel disponibbli lill-pubbliku xogħlijiet jew materjal ieħor.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, fejn fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jikseb awtorizzazzjoni, pereżempju billi jikkonkludi ftehim ta' liċenzjar, dik l-awtorizzazzjoni għandha tkopri wkoll atti mwettqa mill-utenti ta' servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29/KE meta ma jkunux qed jaġixxu fuq bażi kummerċjali jew fejn l-attività tagħhom ma tiġġenerax dħul sinifikanti.

3.   Meta fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jagħmel att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku jew għad-disponibbiltà tagħhom lill-pubbliku skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, il-limitazzjoni ta' responsabbiltà stabbilita fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE m'għandhiex tapplika għas-sitwazzjonijiet koperti minn dan l-Artikolu.

L-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu m'għandux jaffettwa l-possibbiltà tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE għal dawk il-fornituri ta' servizz għal finijiet li jaqgħu barra l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

4.   Jekk ma tingħata l-ebda awtorizzazzjoni, il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għandhom ikunu responsabbli għal atti ta' komunikazzjoni mhux awtorizzati lill-pubbliku, inkluż li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, ta' xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur u materjal ieħor, sakemm il-fornituri ta' servizz ma jurux li huma:

(a)

għamlu l-aħjar sforzi biex jiksbu awtorizzazzjoni, u

(b)

f'konformità mal-istandards għoljin ta' diliġenza professjonali tal-industrija, għamlu l-aħjar sforzi biex jiżguraw li ma kienx hemm disponibbli xogħlijiet speċifiċi u materjal ieħor li għalihom id-detenturi tad-drittijiet ikunu pprovdew l-informazzjoni rilevanti u neċessarja lill-fornituri ta' servizz; u fi kwalunkwe każ,

(c)

aġixxew malajr, malli rċevew notifika sostanzjata biżżejjed mid-detenturi tad-drittijiet, biex jiddiżattivaw l-aċċess għal, jew ineħħu, mis-siti web tagħhom ix-xogħlijiet jew materjal ieħor notifikati, u għamlu l-aħjar sforzi biex jipprevjenu kwalunkwe upload futur tagħhom skont il-punt (b).

5.   Meta jkun irid jiġi ddeterminat jekk il-fornitur ta' -servizz huwiex konformi mal-obbligi tiegħu skont il-paragrafu 4, u fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità, għandhom, fost oħrajn, jitqiesu l-elementi li ġejjin:

(a)

it-tip, l-udjenza u d-daqs tas-servizz u t-tip ta' xogħlijiet jew materjal ieħor imtella' mill-utenti tas-servizz; u

(b)

id-disponibbiltà ta' mezzi xierqa u effikaċi u l-ispiża tagħhom għall-fornituri ta' servizz.

6.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, fir-rigward ta' fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online ġodda li s-servizzi tagħhom kienu disponibbli għall-pubbliku fl-Unjoni għal inqas minn tliet snin u li għandhom fatturat annwali ta' inqas minn EUR 10 miljun, ikkalkolat f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (20), il-kundizzjonijiet taħt ir-reġim ta' responsabbiltà stabbilit fil-paragrafu 4 huma limitati għall-konformità mal-punt (a) tal-paragrafu 4 u li jaġixxu malajr, malli jirċievu avviż sostanzjat biżżejjed, biex jiddiżattivaw l-aċċess għax-xogħlijiet jew għal materjal ieħor notifikati jew li jneħħu dawk ix-xogħlijiet jew materjal ieħor mis-siti web tagħhom..

Meta l-għadd medju ta' viżitaturi uniċi ta' kull xahar ta' tali fornituri ta' servizz jaqbeż il-5 miljuni, ikkalkolat abbażi tas-sena kalendarja preċedenti, għandhom juru wkoll li għamlu l-aħjar sforzi biex jipprevjenu uploads ulterjuri tax-xogħlijiet u ta' materjal ieħor notifikati li għalihom id-detenturi tad-drittijiet ipprovdew informazzjoni rilevanti u neċessarja.

7.   Il-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet m'għandhiex tirriżulta fil-prevenzjoni tad-disponibbiltà ta' xogħlijiet jew materjal ieħor imtella' mill-utenti li ma jiksrux id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, inkluż fejn tali xogħlijiet jew materjal ieħor ikunu koperti minn eċċezzjoni jew limitazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti f'kull Stat Membru jkunu jistgħu jserrħu fuq kwalunkwe mill-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet eżistenti li ġejjin meta jtellgħu u jagħmlu disponibbli l-kontenut iġġenerat mill-utenti dwar is-servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online:

(a)

kwotazzjoni, kritika jew riċensjoni;

(b)

użu għal skop ta' karikatura, parodija jew pastiċċ;

8.   L-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu m'għandhiex twassal għal obbligu ġenerali ta' monitoraġġ.

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jipprovdu lid-detenturi tad-drittijiet, fuq talba tagħhom, b'informazzjoni adegwata dwar il-funzjonament tal-prattiki tagħhom fir-rigward tal-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 u, fejn jiġu konklużi ftehimiet ta' liċenzjar bejn il-fornituri ta' servizz u d-detenturi tad-drittijiet, informazzjoni dwar l-użu tal-kontenut kopert mill-ftehimiet.

9.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal- kontenut online jistabbilixxu mekkaniżmu effettiv u rapidu għat-tressiq tal-ilmenti u ta' rimedju li jkun disponibbli għall-utenti tas-servizzi tagħhom f'każ ta' tilwim dwar id-diżattivazzjoni tal-aċċess għal, jew it-tneħħija ta', xogħlijiet jew materjal ieħor imtella' minnhom.

Fejn id-detenturi tad-drittijiet jitolbu li l-aċċess għax-xogħlijiet speċifiċi jew materjal ieħor tagħhom jiġi diżattivat jew li dawk ix-xogħlijiet jew materjal ieħor jitneħħew, dawn għandhom jiġġustifikaw debitament ir-raġunijiet għat-talbiet tagħhom. L-ilmenti mressqa taħt il-mekkaniżmu previst fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu pproċessati mingħajr dewmien żejjed, u d-deċiżjonijiet biex jiġi diżattivat jew jitneħħa l-aċċess għall-kontenut imtella' għandhom ikunu soġġetti għal rieżami minn bniedem. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-mekkaniżmi ta' rimedju alternattivi jkunu disponibbli għas-soluzzjoni tat-tilwim. Tali mekkaniżmi għandhom jippermettu li t-tilwim jiġi solvut b'mod imparzjali u m'għandhomx iċaħħdu lill-utent mill-protezzjoni legali mogħtija mil-liġi nazzjonali, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-utenti li jkollhom rikors għal rimedji ġudizzjarji effiċjenti. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti jkollhom aċċess għal qorti jew awtorità ġudizzjarja rilevanti oħra biex isostnu l-użu ta' eċċezzjoni jew limitazzjoni għar-regoli tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati.

Din id-Direttiva bl-ebda mod m'għandha taffettwa l-użi leġittimi, bħalma huma l-użi taħt l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet previsti mil-liġi tal-Unjoni, u m'għandha twassal għall-ebda identifikazzjoni tal-utenti individwali u lanqas għall-ipproċessar tad-data personali, ħlief skont id-Direttiva 2002/58/KE u r-Regolament (UE) 2016/679.

Il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għandhom jinfurmaw lill-utenti fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom li jistgħu jużaw xogħlijiet u materjal ieħor taħt eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati previsti mil-liġi tal-Unjoni.

10.   Sa mis-6 ta' Ġunju 2019 il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha torganizza djalogi mal-partijiet ikkonċernati biex jiġu diskussi l-aħjar prattiki għall-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet. Il-Kummissjoni għandha, b'konsultazzjoni mal-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online, id-detenturi tad-drittijiet, l-organizzazzjonijiet tal-utenti u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, u filwaqt li tqis ir-riżultati tad-djalogi mal-partijiet ikkonċernati, toħroġ gwida dwar l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, b'mod partikolari rigward il-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 4. Meta jiġu diskussi l-aħjar prattiki, għandha titqies, fost l-oħrajn, il-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali u l-użu tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet. Għall-fini tad-djalogi mal-partijiet ikkonċernati, l-organizzazzjonijiet tal-utenti għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni adegwata mill-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online dwar il-funzjonament tal-prattiki tagħhom fir-rigward tal-paragrafu 4.

KAPITOLU 3

Emunerazzjoni ġusta fil-kuntratti ta' sfruttament ta' awturi u artisti

Artikolu 24

Emendi għad-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE

1.   Id-Direttiva 96/9/KE hija emendata kif ġej:

(a)

Fl-Artikolu 6(2), il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

meta jsir użu għall-fini biss ta' illustrazzjoni għal tagħlim jew riċerka xjentifika, sakemm ikun indikat l-oriġini tal-materjal u kemm ikun ġustifikat għall-fini mhux kummerċjali maħsub għalih;, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti mid-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(*1)  Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).”."

(b)

Fl-Artikolu 9, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

fil-każ ta' estrazzjoni għall-finijiet ta' illustrazzjoni għal tagħlim jew riċerka xjentifika, sakemm ikun indikat l-oriġini tal-materjal u sakemm ikun ġustifikat għall-fini mhux kummerċjali maħsub għalih, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti mid-Direttiva (UE) 2019/790;”

2.   Id-Direttiva 2001/29/KE hija emendata kif ġej:

(a)

Fl-Artikolu 5(2), il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

“(c)

rigward l-atti speċifiċi ta' riproduzzjoni magħmula minn libreriji, stabbilimenti edukattivi jew mużewijiet jew arkivji li għandhom aċċess mill-pubbliku, li mhumiex għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti mid-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2);

(*2)  Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).”."

(b)

Fl-Artikolu 5(3), il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

użu għall-iskop uniku ta' illustrazzjoni għat-tagħlim jew riċerka xjentifika, kemm-il darba s-sors, inkluż l-isem tal-awtur, tkun indikata, sakemm ma jinstabx li jkun impossibbli u sa fejn ikun ġustifikat li jintlaħaq mill-iskop mhux kummerċjali, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti mid-Direttiva (UE) 2019/790;”

(c)

Fl-Artikolu 12(4), jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(e)

li jeżamina l-impatt tat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/790 dwar il-funzjonament tas-suq intern u biex jiġu enfasizzati kwalunkwe diffikultajiet fit-traspożizzjoni;

(f)

biex jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni dwar żviluppi rilevanti fil-leġislazzjoni u fil-każistika, kif ukoll fuq l-applikazzjoni prattika tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jimplimentaw id-Direttiva (UE) 2019/790;

(g)

biex jiddiskuti kwalunkwe mistoqsija oħra li tirriżulta mill-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/790.”.

Artikolu 26

Applikazzjoni fiż-żmien

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika fir-rigward tax-xogħlijiet u materjal ieħor kollha li huma protetti mil-liġi nazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, fi jew wara s-7 ta' Ġunju 2021.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe att konkluż u kwalunkwe dritt miksub qabel is-7 ta' Ġunju 2021.


whereas









keyboard_arrow_down