search


keyboard_tab Diritto d'autore 2019/0790 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2019/0790 MT cercato: 'ieħor' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


index ieħor:


whereas ieħor:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 1294

 

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli li għandhom l-għan li jkomplu jarmonizzaw il-liġi tal-Unjoni applikabbli għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari l-użi diġitali u transfruntieri tal-kontenut protett. Id-Direttiva tistabbilixxi wkoll regoli dwar l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, dwar il-faċilitazzjoni tal-liċenzji, kif ukoll regoli li għandhom l-għan li jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq għall-isfruttament tad-drittijiet u materjal ieħor.

2.   Ħlief għall-każi msemmija fl-Artikolu 24, din id-Direttiva għandha tħalli kif inhuma u m'għandha bl-ebda mod taffettwa r-regoli eżistenti stabbiliti fid-direttivi li bħalissa huma fis-seħħ f'dan il-qasam, b'mod partikolari d-Direttivi 96/9/KE, 2000/31/KE, 2001/29/KE, 2006/115/KE, 2009/24/KE, 2012/28/UE u 2014/26/UE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“organizzazzjoni ta' riċerka” tfisser università, inklużi l-libreriji tagħha, istitut tar-riċerka jew kwalunkwe entità oħra, li l-għan primarju tagħha huwa li twettaq riċerka xjentifika jew li torganizza attivitajiet edukattivi li jinvolvu wkoll t-twettiq ta' riċerka xjentifika:

(a)

fuq bażi mhux għall-profitt jew billi tinvesti mill-ġdid il-profitti kollha tagħha ta' riċerka xjentifika; jew

(b)

skont missjoni ta' interess pubbliku rikonoxxuta minn Stat Membru;

b'tali mod li l-aċċess għar-riżultati ġġenerati minn tali riċerka xjentifika ma jistgħux jitgawdew fuq bażi preferenzjali minn impriża li teżerċita influwenza deċiżiva fuq din l-organizzazzjoni;

(2)

“l-estrazzjoni tat-test u tad-data” tfisser kwalunkwe teknika analitika awtomatizzata li għandha l-għan li tanalizza t-test u d-data f'forma diġitali biex tiġi ġġenerata informazzjoni, li tinkludi iżda mhijiex limitata għal, mudelli, xejriet u korrelazzjonijiet

(3)

“istituzzjoni tal-wirt kulturali” tfisser librerija jew mużew aċċessibbli għall-pubbliku, arkivju jew istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku jew awdjo;

(4)

“pubblikazzjoni tal-istampa” tfisser kollezzjoni magħmula fil-parti l-kbira minn xogħlijiet letterarji ta' natura ġurnalistika, iżda li tista' tinkludi wkoll xogħlijiet jew materjal ieħor, u li:

(a)

tikkostitwixxi komponent individwali f'perjodiku jew f'pubblikazzjoni aġġornata regolarment taħt titlu wieħed, bħal f'gazzetta jew f'rivista ta' interess ġenerali jew speċjali;

(b)

għandha l-għan li tipprovdi lill-pubbliku ġenerali b'informazzjoni b'rabta ma' aħbarijiet jew suġġetti oħra; u

(c)

hija ppubblikata fi kwalunkwe mezz tax-xandir taħt l-inizjattiva, ir-responsabbiltà editorjali u l-kontroll ta' fornitur ta' servizz.

Pubblikazzjonijiet perjodiċi li huma ppubblikati għal skopijiet xjentifiċi jew akkademiċi, bħal ġurnali xjentifiċi, mhumiex pubblikazzjonijiet tal-istampa skont din id-Direttiva;

(5)

“servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” tfisser servizz skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva (UE) 2015/1535;

(6)

“fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online” tfisser fornitur ta' servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li l-iskop prinċipali jew wieħed mill-iskopijiet prinċipali tiegħu huwa li jaħżen u jagħti aċċess lill-pubbliku għal ammont sinifikanti ta' xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materjal ieħor protett mtellgħin mill-utenti tiegħu, li s-servizz jorganizza u jippromwovi għal skopijiet ta' qligħ.

Il-fornituri ta' servizz, bħal enċiklopediji online mingħajr skopijiet ta' qligħ, repożitorji edukattivi u xjentifiċi mingħajr skopijiet ta' qligħ, pjattaformi ta' żvilupp ta' software u ta' kondiviżjoni b'sors miftuħ, fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi kif definiti fid-Direttiva (UE) 2018/1972, swieq online u servizzi tal-cloud għan-negozju u servizzi cloud li jippermettu lill-utenti jtellgħu kontenut għall-użu tagħhom stess mhumiex “fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online” fis-sens ta' din id-Direttiva.

TITOLU II

MIŻURI LI JADATTAW L-EĊĊEZZJONIJIET U L-LIMITAZZJONIJIET GĦALL-AMBJENT DIĠITALI U TRANSFRUNTIER.

Artikolu 3

Estrazzjoni tat-test u tad-data għal skopijiet ta' riċerka xjentifika

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu eċċezzjoni għad-drittijiet previsti mill-Artikolu 5(a) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29/KE, u l-Artikolu 15(1) ta' din id-Direttiva għar-riproduzzjonijiet u estrazzjonijiet magħmula minn organizzazzjonijiet ta' riċerka u istituzzjonijiet tal-wirt kulturali sabiex iwettqu, għall-fini tar-riċerka xjentifika, estrazzjoni tat-test u tad-data ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li għalih għandhom aċċess legali.

2.   Kopji ta' xogħlijiet jew materjal ieħor magħmulin f'konformità mal-paragrafu 1 għandhom jinħażnu b'livell xieraq ta' sigurtà u jistgħu jinżammu għall-finijiet ta' riċerka xjentifika, inkluż għall-verifika tar-riżultati tar-riċerka.

3.   Id-detenturi tad-drittijiet għandhom jitħallew japplikaw miżuri biex tkun żgurata s-sigurtà u l-integrità tan-netwerks u l-bażijiet tad-data fejn huma ospitati ix-xogħlijiet jew materjal ieħor. Dawn il-miżuri m'għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

4.   L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lid-detenturi tad-drittijiet, lill-organizzazzjonijiet ta' riċerka u lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali biex jiddefinixxi l-aqwa prassi miftiehma dwar l-applikazzjoni tal-obbligu u tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 2 u 3 rispettivament.

Artikolu 5

L-użu ta' xogħlijiet u materjal ieħor f'attivitajiet ta' tagħlim diġitali u transfruntier

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet previsti mill-Artikolu 5(a), (b), (d) u (e) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE, l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29/KE, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/24/KE u l-Artikolu 15(1) ta' din id-Direttiva sabiex jippermettu l-użu diġitali ta' xogħlijiet u materjal ieħor għall-iskop uniku ta' illustrazzjoni għat-tagħlim, sa fejn ikun ġustifikat li jintlaħaq mill-iskop mhux kummerċjali, bil-kundizzjoni li tali l-użu:

(a)

isir fi taħt ir-responsabbiltà ta' stabbiliment edukattiv, fil-binjiet tiegħu jew f'postijiet oħra, jew permezz ta' netwerk elettroniku sigur, aċċessibbli biss mill-istabbilimenti edukattivi tal-istudenti u l-għalliema; u

(b)

ikun akkumpanjat bl-indikazzjoni tas-sors, inkluż l-isem tal-awtur, sakemm dan ma jkunx sar impossibbli.

2.   Minkejja l-Artikolu 7(1), l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni adottata skont il-paragrafu 1 ma tapplikax jew ma tapplikax fir-rigward ta' użi jew tipi speċifiċi ta' xogħlijiet jew materjal ieħor, bħal materjal li huwa prinċipalment maħsub għas-suq tal-edukazzjoni jew partituri, sal-punt li liċenzji adegwati li jawtorizzaw l-atti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u li jkopru l-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet tal-istabbilimenti edukattivi ikunu disponibbli faċilment fis-suq.

L-Istati Membri li jiddeċiedu li jagħmlu użu mill-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-liċenzji li jawtorizzaw l-atti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu huma disponibbli u viżibbli b'mod adatt għall-istabbilimenti edukattivi.

3.   L-użu ta' xogħlijiet u materjal ieħor għall-iskop uniku ta' illustrazzjoni għat-tagħlim permezz ta' ambjenti elettroniċi sikuri li jkunu ttieħdu f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati skont dan l-Artikolu għandhom jitqiesu bħala li jseħħu biss fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit l-istabbiliment edukattiv.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu kumpens ġust għad-detenturi tad-drittijiet għall-użu tax-xogħlijiet jew ta' materjal ieħor protetti tagħhom skont il-paragrafu 1.

Artikolu 6

Preservazzjoni tal-wirt kulturali

L-Istati Membri għandhom jipprevedu eċċezzjoni għad-drittijiet previsti mill- Artikolu 5(a) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29/KE, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2009/24/KE u l-Artikolu 15(1) ta' din id-Direttiva, sabiex jippermettu li l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jagħmlu kopji ta' kwalunkwe xogħol jew materjal ieħor li huma permanentement fil-kollezzjonijiet tagħhom, f'kull forma jew mezz, għall-finijiet tal-preservazzjoni ta' tali xogħlijiet jew materjal ieħor u sa fejn meħtieġ għal tali preservazzjoni.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet komuni

1.   Kwalunkwe dispożizzjoni kuntrattwali kuntrarja għall-eċċezzjonijiet previsti mill-Artikoli 3, 5 u 6 m'għandhiex tkun eżegwibbli.

2.   L-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29/KE għandu japplika għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti minn dan it-Titolu. L-ewwel, it-tielet u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2001/29/KE għandhom japplikaw għall-Artikoli 3 sa 6 ta' din id-Direttiva.

TITOLU III

MIŻURI BIEX JITTEJBU L-PRATTIKI TA' LIĊENZJAR U JIŻGURAW L-AĊĊESS USA' GĦALL-KONTENUT

KAPITOLU 1

Xogħlijiet u materjal ieħor li mhumiex fis-suq

Artikolu 8

L-użu ta' xogħlijiet u materjal ieħor li mhumiex fis-suq minn istituzzjonijiet tal-wirt kulturali

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li meta organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv, f'konformità mal-mandati tagħha mid-detenturi tad-drittijiet, tista' tikkonkludi liċenzja mhux esklużiva għal skopijiet mhux kummerċjali ma' istituzzjoni tal-wirt kulturali għar-riproduzzjoni, id-distribuzzjoni, il-komunikazzjoni lill-pubbliku u t-tqegħid għad-disponibbiltà tal-pubbliku ta' xogħlijiet li mhumiex fis-suq jew materjal ieħor li jkunu permanentement fil-kollezzjoni tal-istituzzjoni, irrispettivament minn jekk id-detenturi tad-drittijiet kollha koperti mil-liċenzja ikunux taw mandat lill-organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv, bil-kundizzjoni li:

(a)

l-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv għandha, abbażi ta' mandati tagħha, li jirrappreżentaw b'mod suffiċjenti lid-detenturi tad-drittijiet fit-tip rilevanti ta' xogħlijiet jew materjal ieħor u tad-drittijiet li huma s-suġġett tal-liċenzja; u

(b)

id-detenturi tad-drittijiet kollha huma ggarantiti trattament ugwali f'dak li għandu x'jaqsam mat-termini tal-liċenzja.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet previsti mill-Artikolu 5(a) (b), (d) u (e) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE, l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29/KE, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/24/KE, u l-Artikolu 15(1) ta' din id-Direttiva, bil-għan li jippermettu lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, jagħmlu, għal skopijiet mhux kummerċjali, xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq u li jinsabu fil-kollezzjonijiet tagħhom disponibbli, bil-kundizzjoni li:

(a)

jiġi indikat l-isem tal-awtur jew kwalunkwe detentur tad-dritt identifikabbli ieħor, sakemm dan ma jinstabx li jkun impossibbli; u

(b)

dawn ix-xogħlijiet jew materjal ieħor huma disponibbli fuq siti web mhux kummerċjali.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni previsti fil-paragrafu 2 japplikaw biss għal tipi ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li għalihom ma teżisti l-ebda organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv li tissodisfa l-kundizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-detenturi tad-drittijiet kollha jistgħu, fi kwalunkwe ħin, b'mod faċli u effikaċi, jeskludu x-xogħlijiet jew materjal ieħor tagħhom mill-mekkaniżmu ta' liċenzjar stabbilit fil-paragrafu 1 jew mill-applikazzjoni tal-eċċezzjoni jew tal-limitazzjoni previsti fil-paragrafu 2, jew b'mod ġenerali jew f'każijiet speċifiċi, fosthom wara l-konklużjoni ta' liċenzja jew wara l-bidu tal-użu kkonċernat.

5.   Xogħol jew materjal ieħor għandhom jitqiesu li mhumiex fis-suq meta ikun jista' jiġi preżunt in bona fede li x-xogħol jew materjal ieħor sħaħ ma jkunux disponibbli għall-pubbliku permezz tal-mezzi tas-soltu tal-kummerċ, wara li jkun sar sforz raġonevoli biex jiġi ddeterminat jekk huwiex disponibbli għall-pubbliku.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu rekwiżiti speċifiċi, bħad-data tal-iskadenza, biex jiddeterminaw jekk ix-xogħlijiet u materjal ieħor jistgħux jiġu lliċenzjati skont il-paragrafu 1 jew jekk jintużawx skont l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni prevista fil-paragrafu 2. Tali rekwiżiti m'għandhomx jestendu lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u raġonevoli, u m'għandhomx jipprekludu li jkun jista' jiġi ddeterminat li sett ta' xogħlijiet jew materjal ieħor bħala entità sħiħa mhuwiex fis-suq, meta huwa raġonevoli li jiġi preżunt li x-xogħlijiet jew materjal ieħor mhumiex fis-suq.

6.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-liċenzji imsemmija fil-paragrafu 1 jitfittxu minn organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv li hija rappreżentattiva tal-Istat Membru fejn hija stabbilita l-istituzzjoni tal-wirt kulturali.

7.   Dan l-Artikolu m'għandux japplika għal settijiet ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq jekk, abbażi tal-isforz raġonevoli msemmi fil-paragrafu 5, ikun hemm evidenza li tali settijiet jikkonsistu l-aktar f':

(a)

xogħlijiet jew materjal ieħor, ħlief għal xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi, li ġew ippubblikati għall-ewwel darba jew, fin-nuqqas ta' pubblikazzjoni, li xxandar għall-ewwel darba f'pajjiż terz;

(b)

xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi, li l-produtturi tagħhom għandhom il-kwartieri ġenerali jew ir-residenza abitwali tagħhom f'pajjiż terz; jew

(c)

ix-xogħlijiet jew materjal ieħor ta' ċittadini ta' pajjiż terz, meta wara sforz raġonevoli l-ebda Stat Membru jew pajjiż terz ma setgħa jiġi determinat skont il-punti (a) u (b).

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, dan l-Artikolu għandu japplika fejn l-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv tkun rappreżentattiva biżżejjed fis-sens tat-tifsira tal-punt (a) tal-paragrafu 1, tad-detenturi tad-dritt tal-pajjiż terz rilevanti.

Artikolu 9

Każijiet transfruntiera

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liċenzji mogħtija f'konformità mal-Artikolu 8 jistgħu jippermettu l-użu ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq min-naħa tal-istituzzjoni tal-wirt kulturali fi kwalunkwe Stat Membru.

2.   L-użu ta' xogħlijiet u materjal ieħor skont l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 8(2) għandu jitqies li jseħħ biss fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-istituzzjoni tal-wirt kulturali li tkun qed tagħmel użu minnu.

Artikolu 10

Miżuri ta' pubbliċità

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, l-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv jew l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti għall-iskopijiet ta' identifikazzjoni ta' xogħlijiet u materjal ieħor li mhumiex fis-suq koperti minn liċenzja mogħtija skont l-Artikolu 8(1), jew użati taħt l-eċċezzjoni jew limitazzjoni previsti fl-Artikolu 8(2), kif ukoll l-informazzjoni dwar il-għażliet disponibbli għad-detenturi tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 8(4), u, malli tkun disponibbli u fejn rilevanti, l-informazzjoni dwar il-partijiet għal-liċenzja, it-territorji koperti u l-użi, tkun permanentement, faċilment u effettivament disponibbli f'portal pubbliku online wieħed minn tal-anqas sitt xhur qabel ma x-xogħlijiet u materjal ieħor jiġu distribwiti, ikkomunikati lill-pubbliku jew magħmula disponibbli lill-pubbliku f'konformità mal-liċenzja jew taħt eċċezzjoni jew limitazzjoni.

Il-portal għandu jiġi stabbilit u amministrat mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea skont ir-Regolament (UE) Nru 386/2012.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, jekk meħtieġ għas-sensibilizzazzjoni ġenerali tad-detenturi tad-drittijiet, jittieħdu miżuri ta' pubbliċità xierqa addizzjonali rigward il-kapaċità għall-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv li jilliċenzjaw xogħlijiet jew materjal ieħor skont l-Artikolu 8, il-liċenzji mogħtija, l-użi skont l-eċċezzjoni jew limitazzjoni previsti mill-Artikolu 8(2) u l-għażliet disponibbli għad-detenturi tad-drittijiet kif imsemmija fl-Artikolu 8(4).

Il-miżuri ta' pubbliċità xierqa msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jittieħdu fl-Istat Membru fejn tintalab il-liċenzja skont l-Artikolu 8(1) jew, għal użi taħt l-eċċezzjoni jew limitazzjoni previsti fl-Artikolu 8(2), fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-istituzzjoni tal-wirt kulturali. Jekk ikun hemm evidenza, bħall-oriġini tax-xogħlijiet jew materjal ieħor, li tissuġġerixxi li s-sensibilizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tista' ssir b'mod aktar effiċjenti fi Stati Membri oħra jew f'pajjiżi terzi, tali miżuri ta' pubbliċità għandhom ikopru wkoll lil dawk l-Istati Membri u pajjiżi terzi.

Artikolu 12

Ħruġ kollettiv ta' liċenzji b'effett estiż

1.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu, sa fejn jikkonċerna l-użu fit-territorju tagħhom u soġġett għas-salvagwardji previsti minn dan l-Artikolu, li fejn organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv, li hija soġġetta għar-regoli nazzjonali tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/26/UE, f'konformità mal-mandati tagħha mingħand id-detenturi tad-drittijiet, tidħol fi ftehim ta' liċenzjar għall-isfruttament ta' xogħlijiet jew materjal ieħor:

(a)

tali ftehim jista' jiġi estiż biex japplika għad-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet li ma jkunux awtorizzaw lil dik l-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv biex tirrappreżentahom permezz ta' assenjazzjoni, liċenzja jew kwalunkwe arranġament kuntrattwali ieħor; jew,

(b)

fir-rigward ta' tali ftehim, l-organizzazzjoni għandha mandat legali jew hija preżunta li tirrappreżenta d-detenturi tad-drittijiet li m'awtorizzawx lill-organizzazzjoni kif xieraq.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mekkaniżmu ta' liċenzjar imsemmi fil-paragrafu 1 jiġi applikat biss f'oqsma ta' użu definiti sew, fejn il-ksib ta' awtorizzazzjonijiet mid-detenturi tad-drittijiet fuq bażi individwali ikun tipikament oneruż u mhux prattiku sal-punt li jnaqqas il-probabbiltà li ssir it-tranżazzjoni ta' liċenzjar meħtieġa, minħabba n-natura tal-użu jew tat-tipi ta' xogħlijiet jew materjal ieħor ikkonċernati, u għandhom jiżguraw li tali mekkaniżmu ta' liċenzjar jissalvagwardja l-interessi leġittimi tad-detenturi tad-drittijiet.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jipprovdu s-salvagwardji li ġejjin:

(a)

l-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv hija, abbażi ta' mandati tagħha, biżżejjed rappreżentattiva tad-detenturi tad-drittijiet fit-tip ta' xogħlijiet jew materjal ieħor u tad-drittijiet li huma s-suġġett tal-liċenzja, għall-Istat Membru rilevanti;

(b)

id-detenturi tad-drittijiet kollha huma ggarantiti trattament ugwali, inkluż f'dak li għandu x'jaqsam mat-termini tal-liċenzja;

(c)

id-detenturi tad-drittijiet li ma jkunux awtorizzaw l-organizzazzjoni li tagħti l-liċenzja jistgħu fi kwalunkwe ħin faċilment u effettivament jeskludu x-xogħlijiet jew materjal ieħor tagħhom mill-mekkaniżmu ta' liċenzjar stabbilit skont dan l-Artikolu; u

(d)

miżuri ta' pubbliċità xierqa huma meħuda, li jibdew minn perijodu raġonevoli qabel ma x-xogħlijiet jew materjal ieħor jintużaw taħt il-liċenzja, biex jinfurmaw lid-detenturi tad-drittijiet dwar il-kapaċitàtal-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv li toħroġ liċenzja għal xogħlijiet jew materjal ieħor, u dwar li l-ħruġ ta' liċenzji li jsir f'konformità ma' dan l-Artikolu, u dwar l-għażliet disponibbli għad-detenturi tad-drittijiet kif imsemmija fil-punt (c). Il-miżuri ta' pubbliċità għandhom ikunu effikaċi mingħajr il-ħtieġa li jinfurmaw lil kull detentur tad-drittijiet individwalment.

4.   Dan l-Artikolu ma jaffettwax l-applikazzjoni ta' mekkaniżmi ta' liċenzjar kollettivi b'effett estiż f'konformità ma' dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Unjoni, inklużi dispożizzjonijiet li jippermettu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet.

Dan l-Artikolu m'għandux japplika għall-immaniġġjar kollettiv obbligatorju tad-drittijiet.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/26/UE għandu japplika għall-mekkaniżmu ta' liċenzjar previst minn dan l-Artikolu.

5.   Meta Stat Membru jipprevedi fil-liġi nazzjonali tiegħu għal mekkaniżmu ta' liċenzjar f'konformità ma' dan l-Artikolu, dak l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi li tikkorrispondi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali, dwar l-għanijiet u t-tipi ta' liċenzji li jistgħu jiġu introdotti skont dawk id-dispożizzjonijiet, dwar id-dettalji ta' kuntatt ta' organizzazzjonijiet li joħorġu l-liċenzji skont dak il-mekkaniżmu tal-liċenzjar, u dwar il-mezzi li bihom tista' tinkiseb l-informazzjoni dwar il-liċenzjar u dwar l-għażliet disponibbli għad-detenturi tad-drittijiet kif imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik l-informazzjoni.

6.   Abbażi tal-informazzjoni li waslet skont il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, u tad-diskussjonijiet fil-kumitat ta' kuntatt stabbilit fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2001/29/KE, il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mill-10 ta' April 2021, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-użu fl-Unjoni tal-mekkaniżmi ta' liċenzjar imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-impatt tagħhom fuq il-liċenzjar u d-detenturi tad-drittijiet, inklużi d-detenturi tad-drittijiet li mhumiex membri tal-organizzazzjoni li tagħti l-liċenzji ew li huma ċittadini jew residenti fi Stat Membru ieħor, l-effikaċja tagħhom biex jiffaċilitaw it-tixrid tal-kontenut kulturali, u l-impatt tagħhom fuq is-suq intern, inkluż il-forniment transfruntier tas-servizzi u l-kompetizzjoni transfruntiera. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposta leġislattiva, fosthom fir-rigward tal-effett transfruntier ta' tali mekkaniżmi nazzjonali.

KAPITOLU 3

L-aċċess għal xogħlijiet awdjoviżivi fuq pjattaformi tal-video-on-demand u d-disponibbiltà tagħhom

Artikolu 15

Il-protezzjoni tal-pubblikazzjonijiet tal-istampa fir-rigward tal-użi online

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-pubblikaturi ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa stabbiliti fi Stat Membru bid-drittijiet previsti mill-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29/KE dwar l-użu online tal-pubblikazzjonijiet stampati tagħhom min-naħa ta' fornituri ta' servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni.

Id-drittijiet previsti fl-ewwel subparagrafu m'għandhomx japplikaw għall-użi privati jew mhux kummerċjali ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa minn utenti individwali.

Il-protezzjoni mogħtija taħt l-ewwel subparagrafu m'għandhiex tapplika għal atti ta' hyperlinking.

Id-drittijiet previsti fl-ewwel subparagrafu m'għandhomx japplikaw fir-rigward tal-użu ta' kliem individwali jew siltiet qosra ħafna ta' pubblikazzjoni tal-istampa.

2.   Id-drittijiet previsti fil-paragrafu 1 għandhom iħallu kif inhuma u m'għandhom bl-ebda mod jaffettwaw kwalunkwe dritt previst mil-liġi tal-Unjoni lill-awturi u lil detenturi oħra tad-drittijiet, fir-rigward ta' xogħolhom u materjal ieħor inklużi f'pubblikazzjoni tal-istampa. Id-drittijiet previsti fil-paragrafu 1 ma għandhomx jiġu invokati kontra dawn l-awturi u detenturi tad-drittijiet oħra u, b'mod partikolari, ma għandhomx jiġu miċħuda mid-dritt tagħhom li jisfruttaw ix-xogħlijiet tagħhom u materjal ieħor indipendentement mill-pubblikazzjoni tal-istampa, li jkunu jinstabu fihom.

Meta xogħol jew materjal ieħor ikunu inkorporati f'pubblikazzjoni tal-istampa fuq il-bażi ta' liċenzja mhux esklużiva, id-drittijiet previsti fil-paragrafu 1 ma għandhomx jiġu invokati biex jipprojbixxu l-użu min-naħa ta' utenti awtorizzati oħra. Id-drittijiet previsti fil-paragrafu 1 ma għandhomx jiġu invokati biex jipprojbixxu l-użu ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li l-protezzjoni għalihom tkun skadiet.

3.   L-Artikoli 5 sa 8 tad-Direttiva 2001/29/KE, id-Direttiva 2012/28/UE u d-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) għandhom japplikaw mutatis mutandis fir-rigward tad-drittijiet previsti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

4.   Id-drittijiet previsti fil-paragrafu 1 għandhom jiskadu sentejn wara li l-pubblikazzjoni tal-istampa tkun ġiet ippubblikata. Dak it-terminu għandu jiġi kkalkulat mill-1 ta' Jannar tas-sena ta' wara d-data li fiha ġiet ippubblikata dik il-pubblikazzjoni.

Il-paragrafu 1 m'għandux japplika għal pubblikazzjonijiet tal-istampa ppubblikati għall-ewwel darba qabel is-6 ta' Ġunju 2019..

5.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li awturi ta' xogħlijiet inkorporati f'pubblikazzjoni tal-istampa jirċievu sehem xieraq mid-dħul li l-pubblikaturi tal-istampa jirċievu għall-użu tal-pubblikazzjonijiet tal-istampa tagħhom minn fornituri ta' servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni.

Artikolu 17

L-użu ta' kontenut protett minn fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jagħmel att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku jew f'att ta' disponibbiltà għall-pubbliku għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva meta jagħti aċċess pubbliku għal xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materjal protett ieħor imtella' mill-utenti tiegħu.

Fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għandu għaldaqstant jikseb awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29/KE, pereżempju billi jikkonkludi ftehim ta' liċenzjar, sabiex jikkomunika lill-pubbliku jew jagħmel disponibbli lill-pubbliku xogħlijiet jew materjal ieħor.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, fejn fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jikseb awtorizzazzjoni, pereżempju billi jikkonkludi ftehim ta' liċenzjar, dik l-awtorizzazzjoni għandha tkopri wkoll atti mwettqa mill-utenti ta' servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29/KE meta ma jkunux qed jaġixxu fuq bażi kummerċjali jew fejn l-attività tagħhom ma tiġġenerax dħul sinifikanti.

3.   Meta fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jagħmel att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku jew għad-disponibbiltà tagħhom lill-pubbliku skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, il-limitazzjoni ta' responsabbiltà stabbilita fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE m'għandhiex tapplika għas-sitwazzjonijiet koperti minn dan l-Artikolu.

L-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu m'għandux jaffettwa l-possibbiltà tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE għal dawk il-fornituri ta' servizz għal finijiet li jaqgħu barra l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

4.   Jekk ma tingħata l-ebda awtorizzazzjoni, il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għandhom ikunu responsabbli għal atti ta' komunikazzjoni mhux awtorizzati lill-pubbliku, inkluż li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, ta' xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur u materjal ieħor, sakemm il-fornituri ta' servizz ma jurux li huma:

(a)

għamlu l-aħjar sforzi biex jiksbu awtorizzazzjoni, u

(b)

f'konformità mal-istandards għoljin ta' diliġenza professjonali tal-industrija, għamlu l-aħjar sforzi biex jiżguraw li ma kienx hemm disponibbli xogħlijiet speċifiċi u materjal ieħor li għalihom id-detenturi tad-drittijiet ikunu pprovdew l-informazzjoni rilevanti u neċessarja lill-fornituri ta' servizz; u fi kwalunkwe każ,

(c)

aġixxew malajr, malli rċevew notifika sostanzjata biżżejjed mid-detenturi tad-drittijiet, biex jiddiżattivaw l-aċċess għal, jew ineħħu, mis-siti web tagħhom ix-xogħlijiet jew materjal ieħor notifikati, u għamlu l-aħjar sforzi biex jipprevjenu kwalunkwe upload futur tagħhom skont il-punt (b).

5.   Meta jkun irid jiġi ddeterminat jekk il-fornitur ta' -servizz huwiex konformi mal-obbligi tiegħu skont il-paragrafu 4, u fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità, għandhom, fost oħrajn, jitqiesu l-elementi li ġejjin:

(a)

it-tip, l-udjenza u d-daqs tas-servizz u t-tip ta' xogħlijiet jew materjal ieħor imtella' mill-utenti tas-servizz; u

(b)

id-disponibbiltà ta' mezzi xierqa u effikaċi u l-ispiża tagħhom għall-fornituri ta' servizz.

6.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, fir-rigward ta' fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online ġodda li s-servizzi tagħhom kienu disponibbli għall-pubbliku fl-Unjoni għal inqas minn tliet snin u li għandhom fatturat annwali ta' inqas minn EUR 10 miljun, ikkalkolat f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (20), il-kundizzjonijiet taħt ir-reġim ta' responsabbiltà stabbilit fil-paragrafu 4 huma limitati għall-konformità mal-punt (a) tal-paragrafu 4 u li jaġixxu malajr, malli jirċievu avviż sostanzjat biżżejjed, biex jiddiżattivaw l-aċċess għax-xogħlijiet jew għal materjal ieħor notifikati jew li jneħħu dawk ix-xogħlijiet jew materjal ieħor mis-siti web tagħhom..

Meta l-għadd medju ta' viżitaturi uniċi ta' kull xahar ta' tali fornituri ta' servizz jaqbeż il-5 miljuni, ikkalkolat abbażi tas-sena kalendarja preċedenti, għandhom juru wkoll li għamlu l-aħjar sforzi biex jipprevjenu uploads ulterjuri tax-xogħlijiet u ta' materjal ieħor notifikati li għalihom id-detenturi tad-drittijiet ipprovdew informazzjoni rilevanti u neċessarja.

7.   Il-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet m'għandhiex tirriżulta fil-prevenzjoni tad-disponibbiltà ta' xogħlijiet jew materjal ieħor imtella' mill-utenti li ma jiksrux id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, inkluż fejn tali xogħlijiet jew materjal ieħor ikunu koperti minn eċċezzjoni jew limitazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti f'kull Stat Membru jkunu jistgħu jserrħu fuq kwalunkwe mill-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet eżistenti li ġejjin meta jtellgħu u jagħmlu disponibbli l-kontenut iġġenerat mill-utenti dwar is-servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online:

(a)

kwotazzjoni, kritika jew riċensjoni;

(b)

użu għal skop ta' karikatura, parodija jew pastiċċ;

8.   L-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu m'għandhiex twassal għal obbligu ġenerali ta' monitoraġġ.

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jipprovdu lid-detenturi tad-drittijiet, fuq talba tagħhom, b'informazzjoni adegwata dwar il-funzjonament tal-prattiki tagħhom fir-rigward tal-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 u, fejn jiġu konklużi ftehimiet ta' liċenzjar bejn il-fornituri ta' servizz u d-detenturi tad-drittijiet, informazzjoni dwar l-użu tal-kontenut kopert mill-ftehimiet.

9.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal- kontenut online jistabbilixxu mekkaniżmu effettiv u rapidu għat-tressiq tal-ilmenti u ta' rimedju li jkun disponibbli għall-utenti tas-servizzi tagħhom f'każ ta' tilwim dwar id-diżattivazzjoni tal-aċċess għal, jew it-tneħħija ta', xogħlijiet jew materjal ieħor imtella' minnhom.

Fejn id-detenturi tad-drittijiet jitolbu li l-aċċess għax-xogħlijiet speċifiċi jew materjal ieħor tagħhom jiġi diżattivat jew li dawk ix-xogħlijiet jew materjal ieħor jitneħħew, dawn għandhom jiġġustifikaw debitament ir-raġunijiet għat-talbiet tagħhom. L-ilmenti mressqa taħt il-mekkaniżmu previst fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu pproċessati mingħajr dewmien żejjed, u d-deċiżjonijiet biex jiġi diżattivat jew jitneħħa l-aċċess għall-kontenut imtella' għandhom ikunu soġġetti għal rieżami minn bniedem. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-mekkaniżmi ta' rimedju alternattivi jkunu disponibbli għas-soluzzjoni tat-tilwim. Tali mekkaniżmi għandhom jippermettu li t-tilwim jiġi solvut b'mod imparzjali u m'għandhomx iċaħħdu lill-utent mill-protezzjoni legali mogħtija mil-liġi nazzjonali, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-utenti li jkollhom rikors għal rimedji ġudizzjarji effiċjenti. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti jkollhom aċċess għal qorti jew awtorità ġudizzjarja rilevanti oħra biex isostnu l-użu ta' eċċezzjoni jew limitazzjoni għar-regoli tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati.

Din id-Direttiva bl-ebda mod m'għandha taffettwa l-użi leġittimi, bħalma huma l-użi taħt l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet previsti mil-liġi tal-Unjoni, u m'għandha twassal għall-ebda identifikazzjoni tal-utenti individwali u lanqas għall-ipproċessar tad-data personali, ħlief skont id-Direttiva 2002/58/KE u r-Regolament (UE) 2016/679.

Il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għandhom jinfurmaw lill-utenti fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom li jistgħu jużaw xogħlijiet u materjal ieħor taħt eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati previsti mil-liġi tal-Unjoni.

10.   Sa mis-6 ta' Ġunju 2019 il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha torganizza djalogi mal-partijiet ikkonċernati biex jiġu diskussi l-aħjar prattiki għall-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet. Il-Kummissjoni għandha, b'konsultazzjoni mal-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online, id-detenturi tad-drittijiet, l-organizzazzjonijiet tal-utenti u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, u filwaqt li tqis ir-riżultati tad-djalogi mal-partijiet ikkonċernati, toħroġ gwida dwar l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, b'mod partikolari rigward il-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 4. Meta jiġu diskussi l-aħjar prattiki, għandha titqies, fost l-oħrajn, il-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali u l-użu tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet. Għall-fini tad-djalogi mal-partijiet ikkonċernati, l-organizzazzjonijiet tal-utenti għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni adegwata mill-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online dwar il-funzjonament tal-prattiki tagħhom fir-rigward tal-paragrafu 4.

KAPITOLU 3

Emunerazzjoni ġusta fil-kuntratti ta' sfruttament ta' awturi u artisti

Artikolu 18

Prinċipju ta' remunerazzjoni xierqa u proporzjonata

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn l-awturi u l-artisti jagħtu liċenzja jew jittrasferixxu d-drittijiet esklużivi tagħhom għall-isfruttament tax-xogħlijiet jew ta' materjal ieħor tagħhom, ikunu intitolati li jirċievu remunerazzjoni xierqa u proporzjonata.

2.   Fl-implimentazzjoni fil-liġi nazzjonali tall-prinċipju stabbilit fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jużaw mekkaniżmi differenti u jqisu l-prinċipju tal-libertà kuntrattwali u bilanċ ġust tad-drittijiet u l-interessi.

Artikolu 22

Dritt ta' revoka

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta awtur jew artist ikun illiċenzja jew ittrasferixxa d-drittijiet tiegħu f'xogħol jew materjal protett ieħor fuq bażi esklużiva, l-awtur jew l-artist jistgħu jirrevokaw kompletament jew parzjalment il-liċenzja jew it-trasferiment ta' drittijiet fejn ikun hemm nuqqas ta' sfruttament tax-xogħol jew ta' materjal protett ieħor.

2.   Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mekkaniżmu ta' revoka previst fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu previsti mil-liġi nazzjonali b'kont meħud ta' dawn li ġejjin:

(a)

l-ispeċifiċitajiet tas-setturi differenti u t-tipi differenti ta' xogħlijiet u spettakli; u

(b)

fejn xogħol jew materjal ieħor ikun fih il-kontribut ta' aktar minn awtur jew artist wieħed, l-importanza relattiva tal-kontributi individwali u l-interessi leġittimi tal-awturi u l-artisti kollha affettwati mill-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' revoka min-naħa ta' awtur jew artist individwali.

L-Istati Membri jistgħu jeskludu xogħlijiet jew materjal ieħor mill-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' revoka jekk dawn ix-xogħlijiet jew materjal ieħor normalment ikun fihom kontributi minn diversi awturi jew artisti.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-mekkaniżmu ta' revoka jista' japplika biss f'perijodu ta' żmien speċifiku, fejn tali restrizzjoni tkun debitament ġustifikata mill-ispeċifiċitajiet tas-settur, jew tat-tip ta' xogħol jew ta' materjal ieħor ikkonċernat.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li awturi jew artisti jistgħu jagħżlu li jtemmu l-esklużività tal-kuntratt minflok jirrevokaw il-liċenzja jew it-trasferiment tad-drittijiet.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li r-revoka prevista mill-paragrafu 1 tista' tiġi eżerċitata biss wara żmien raġonevoli wara l-konklużjoni tal-liċenzja jew tat-trasferiment tad-drittijiet. L-awtur jew l-artist għandu jinnotifika lill-persuna li lilha ġew liċenzjati jew trasferiti d-drittijiet u jistabbilixxi data ta' skadenza xierqa sa meta għandu jsir l-isfruttament tad-drittijiet liċenzjati jew trasferiti. Wara l-għeluq ta' dik id-data ta' skadenza, l-awtur jew l-artist jista' jagħżel li jtemm l-esklużività tal-kuntratt minflok jirrevoka l-liċenzja jew it-trasferiment tad-drittijiet.

4.   Il-paragrafu 1 m'għandux japplika jekk in-nuqqas ta' sfruttament ikun l-aktar minħabba ċirkostanzi li l-awtur jew l-artist jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jirrimedjaw.

5.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li kull dispożizzjoni kuntrattwali li tidderoga mill-mekkaniżmu ta' revoka prevista fil-paragrafu 1 hija infurzabbli biss jekk tkun ibbażata fuq ftehim ta' negozjar kollettiv.

Artikolu 26

Applikazzjoni fiż-żmien

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika fir-rigward tax-xogħlijiet u materjal ieħor kollha li huma protetti mil-liġi nazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, fi jew wara s-7 ta' Ġunju 2021.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe att konkluż u kwalunkwe dritt miksub qabel is-7 ta' Ġunju 2021.

Artikolu 32

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' April 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 27.

(2)  ĠU C 207, 30.6.2017, p. 80.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' April 2019.

(4)  Id-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta' databases (ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20).

(5)  Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).

(7)  Id-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar dritt ta' kiri u dritt ta' self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 28).

(8)  Id-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter (ĠU L 111, 5.5.2009, p. 16)..

(9)  Id-Direttiva 2012/28/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ċerti użi permessi ta' xogħlijiet orfni (ĠU L 299, 2012.10.27, p. 5).

(10)  Id-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta' liċenzji multiterritorjali ta' drittijiet f'xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 72).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 386/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' April 2012 li permezz tiegħu l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) jiġi fdat b'ċerti kompiti relatati mal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż it-tlaqqigħ ta' rappreżentanti mis-settur pubbliku u privat bħala Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (ĠU L 129, 16.5.2012, p. 1).

(12)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta' Settembru 1993 dwar il-kordinazzjoni ta' ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma' drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU L 248, 6.10.1993, p. 15).

(13)  Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

(14)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(15)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) ( ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(17)  Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6).

(18)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(19)  Id-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2017 dwar ċerti użi permessi ta' ċerti xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 242, 20.9.2017, p. 6).

(20)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).


whereas









keyboard_arrow_down