(25) L-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali huma involuti fil-preservazzjoni tal-kollezzjonijiet tagħhom għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Att ta' preservazzjoni ta' biċċa xogħol jew ta' materjal ieħor fil-kollezzjoni ta' istituzzjoni tal-wirt kulturali jista' jirrikjedi riproduzzjoni u konsegwentement jirrikjedi l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet rilevanti.
It-teknoloġiji diġitali joffru modi ġodda biex jiġi ppreservat il-wirt kulturali li jinsab f'dawk il-kollezzjonijiet, iżda dawn joħolqu wkoll sfidi ġodda.
Minħabba dawn l-isfidi l-ġodda, jenħtieġ li l-qafas legali eżistenti jiġi adattat billi tkun prevista eċċezzjoni obbligatorja għad-dritt ta' riproduzzjoni sabiex ikunu permessi tali atti ta' preservazzjoni minn tali istituzzjonijiet.
- = -
(37) Wara li qieset il-varjetà ta' xogħlijiet u materjal ieħor f'kollezzjonijiet ta' istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, huwa importanti li l-mekkaniżmi ta' liċenzjar u l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni previsti minn din id-Direttiva jkunu disponibbli u jistgħu jintużaw fil-prattika għal tipi differenti ta' xogħlijiet u materjal ieħor, inklużi ritratti, software, fonogrammi, xogħlijiet awdjoviżivi u xogħlijiet tal-arti uniċi, inkluż fejn qatt ma kienu kummerċjalment disponibbli.
Xogħlijiet li qatt ma kienu fis-suq jistgħu jinkludu posters, fuljetti, ġurnali tat-trunċieri jew xogħlijiet awdjoviżivi tad-dilettanti, iżda wkoll xogħlijiet mhux ippubblikati jew materjal ieħor, mingħajr preġudizzju għal restrizzjonijiet legali oħra applikabbli, bħal regoli nazzjonali dwar id-drittijiet morali.
Meta xogħol jew materjal ieħor ikun disponibbli f'xi waħda mill-verżjonijiet differenti tiegħu, bħal edizzjonijiet sussegwenti ta' xogħlijiet letterarji u qtugħ alternattiv ta' xogħlijiet ċinematografiċi, jew fi kwalunkwe waħda mill-manifestazzjonijiet differenti tiegħu, bħal formati diġitali u stampati tal-istess xogħol, dak ix-xogħol jew materjal ieħor jenħtieġ li ma jitqisux bħala mhux fis-suq.
Min-naħa l-oħra, id-disponibbiltà kummerċjali tal-adattamenti, inklużi verżjonijiet lingwistiċi oħra jew adattamenti awdjoviżivi ta' xogħol letterarju, jenħtieġ li ma tipprekludix xogħol jew materjal ieħor milli jitqies bħala mhux fis-suq f'lingwa partikolari.
Sabiex jiġu riflessi l-ispeċifiċitajiet tat-tipi differenti ta' xogħlijiet u materjal ieħor fir-rigward ta' mezzi ta' pubblikazzjoni u distribuzzjoni u biex ikun faċilitat l-użu ta' dawn il-mekkaniżmi, rekwiżiti u proċeduri speċifiċi jaf mnejn jiġu stabbiliti għall-applikazzjoni prattika ta' dawk il-mekkaniżmi ta' liċenzjar, bħal rekwiżit li jkun għadda ċertu perijodu ta' żmien mill-ewwel disponibbiltà kummerċjali tax-xogħol jew materjal ieħor.
Huwa xieraq li l-Istati Membri jikkonsultaw lid-detenturi tad-drittijiet, lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali u lill-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv meta jistabbilixxu tali rekwiżiti u proċeduri.
- = -
(38) Meta jiġi ddeterminat jekk ix-xogħlijiet jew materjal ieħor humiex barra mis-suq, jenħtieġ li jkun meħtieġ sforz raġonevoli biex tiġi vvalutata d-disponibbiltà tagħhom għall-pubbliku fil-kanali tas-soltu tal-kummerċ, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tax-xogħol jew materjal ieħor jew tas-sett partikolari ta' xogħlijiet jew materjal ieħor.
L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu liberi li jiddeterminaw l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet biex isir dak l-isforz raġonevoli.
L-isforz raġonevoli jenħtieġ li ma jkollux għalfejn jinvolvi azzjoni ripetuta tul iż-żmien iżda jenħtieġ madankollu li jqis ukoll kwalunkwe evidenza faċilment aċċessibbli tad-disponibbiltà imminenti ta' xogħlijiet jew materjal ieħor fil-kanali tas-soltu tal-kummerċ.
Valutazzjoni ta' xogħol b'xogħol jenħtieġ li tkun meħtieġa biss fejn dak jitqies raġonevoli fid-dawl tad-disponibbiltà ta' informazzjoni rilevanti, il-probabbiltà ta' disponibbiltà kummerċjali u l-ispiża tat-tranżazzjoni mistennija.
Il-verifika tad-disponibbiltà ta' xogħol jew materjal ieħor jenħtieġ li normalment isseħħ fl-Istat Membru fejn l-istituzzjoni tal-wirt kulturali tkun stabbilita, sakemm il-verifika bejn il-fruntieri ma tkunx ikkunsidrata raġonevoli, pereżempju f'każijiet fejn ikun hemm informazzjoni faċilment disponibbli li xogħol letterarju ġie ppubblikat għall-ewwel darba f'verżjoni lingwistika partikolari fi Stat Membru ieħor.
F'ħafna każijiet, l-istatus bħala “mhux fis-suq” ta' sett ta' xogħlijiet jew materjal ieħor jista' jiġi ddeterminat permezz ta' mekkaniżmu proporzjonat, bħall-kampjunar.
Id-disponibbiltà limitata ta' xogħol jew materjal ieħor, bħad-disponibbiltà tiegħu fi ħwienet ta' oġġetti użati, jew il-possibbiltà teoretika li tista' tinkiseb liċenzja għal xogħol jew materjal ieħor jenħtieġ li ma titqisx bħala disponibbiltà għall-pubbliku fil-kanali tas-soltu tal-kummerċ.
- = -
(56) Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, huwa meħtieġ li jiġi definit il-kunċett ta' pubblikazzjoni tal-istampa sabiex ikopri biss pubblikazzjonijiet ġurnalistiċi, ippubblikati fi kwalunkwe mezz tax-xandir, inkluż fuq il-karta, fil-kuntest ta' attività ekonomika li tikkostitwixxi forniment ta' servizzi taħt il-liġi tal-Unjoni.
Il-pubblikazzjonijiet tal-istampa li jenħtieġ li jiġu koperti jinkludu, pereżempju, gazzetti ta' kuljum, rivisti ta' kull ġimgħa jew ta' kull xahar ta' interess ġenerali jew speċjali, inklużi rivisti abbażi ta' abbonament jew siti tal-Internet tal-aħbarijiet.
Il-pubblikazzjonijiet tal-istampa jinkludu l-aktar xogħlijiet letterarji iżda qed jinkludu dejjem aktar tipi oħra ta' xogħlijiet u materjal ieħor, b'mod partikolari ritratti u filmati.
Pubblikazzjonijiet perjodiċi ppubblikati għal skopijiet xjentifiċi jew akkademiċi, bħal ġurnali xjentifiċi, jenħtieġ li ma jkunux koperti mill-protezzjoni mogħtija lil pubblikazzjonijiet tal-istampa skont din id-Direttiva.
Jenħtieġ li dik il-protezzjoni lanqas ma tapplika għal siti tal-Internet, bħal blogs, li jipprovdu informazzjoni bħala parti minn attività li ma ssirx taħt l-inizjattiva, ir-responsabbiltà editorjali u l-kontroll tal-fornitur ta' servizz, bħal pubblikatur tal-aħbarijiet.
- = -
(58) L-użi ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa minn fornituri ta' servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni jistgħu jikkonsistu fl-użu ta' pubblikazzjonijiet jew oġġetti sħaħ iżda wkoll ta' partijiet ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa.
Użi bħal dawn ta' partijiet minn pubblikazzjonijiet tal-istampa kisbu wkoll rilevanza ekonomika.
Fl-istess ħin, l-użu ta' kliem individwali jew siltiet qosra ħafna ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa minn fornituri ta' servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni jista' ma jdgħajjifxl-investimenti li jsiru mill-pubblikaturi tal-pubblikazzjonijiet tal-istampa fil-produzzjoni tal-kontenut.
Għalhekk, huwa xieraq li jiġi previst li l-użu ta' kliem individwali jew siltiet qosra ħafna ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa jenħtieġ li ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni tad-drittijiet previsti f'din id-Direttiva.
Filwaqt li jitqiesu l-aggregazzjoni massiva u l-użu ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa minn fornituri ta' servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, huwa importanti li l-esklużjoni ta' estratti qosra ħafna tiġi interpretata b'tali mod li ma taffettwax l-effettività tad-drittijiet previsti f'din id-Direttiva.
- = -
(66) Filwaqt li jitqies il-fatt li l-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jagħtu aċċess għal kontenut li ma jkunx imtella' minnhom iżda mill-utenti tagħhom, huwa xieraq li jiġi previst mekkaniżmu speċifiku ta' responsabbiltà għall-finijiet ta' din id-Direttiva għall-każijiet fejn ma tkun ingħatat l-ebda awtorizzazzjoni.
Jenħtieġ li dak ikun mingħajr preġudizzju għar-rimedji skont il-liġi nazzjonali għal każijiet oħra għajr ir-responsabbiltà għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur u għall-possibbiltà li l-qrati nazzjonali jew l-awtoritajiet amministrattivi jkunu jistgħu joħorġu inġunzjonijiet f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.
B'mod partikolari, ir-reġim speċifiku applikabbli għall-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online b'fatturat annwali ta' inqas minn EUR 10 miljun, li l-għadd medju ta' viżitaturi uniċi fix-xahar fl-Unjoni ma jaqbiżx 5 miljuni, jenħtieġ li ma jaffettwax id-disponibbiltà ta' rimedji skont il-liġi tal-Unjoni u nazzjonali.
Meta ma tkun ingħatat l-ebda awtorizzazzjoni lill-fornituri ta' servizz, jenħtieġ li huma jagħmlu ħilithom kollha skont standards tal-industrija għoljin ta' diliġenza professjonali biex jevitaw id-disponibbiltà fuq is-servizzi tagħhom ta' xogħlijiet u materjal ieħor mhux awtorizzati, kif identifikat mid-detenturi tad-drittijiet rilevanti.
Għal dak l-għan, id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li jipprovdu lill-fornituri ta' servizz bl-informazzjoni rilevanti u neċessarja li tqis, fost fatturi oħra, id-daqs tad-detenturi tad-drittijiet u t-tip ta' xogħlijiet u materjal ieħor tagħhom.
Jenħtieġ li l-passi meħuda mill-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online b'kooperazzjoni mad-detenturi tad-drittijiet ma jwasslux biex jipprevjenu d-disponibbiltà ta' kontenut mingħajr ksur, inkluż xogħlijiet jew materjal protett ieħor koperti minn ftehim ta' liċenzjar, jew eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati.
Passi meħuda minn tali fornituri ta' servizz, għalhekk, jenħtieġ li ma jaffettwawx lill-utenti li qed jużaw is-servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online i sabiex itellgħu u jaċċessaw b'mod legali l-informazzjoni dwar tali servizzi.
- = -
(67) B'mod simili għall-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/26/UE, din id-Direttiva tipprevedi regoli fir-rigward ta' servizzi online ġodda.
Ir-regoli previsti f'din id-Direttiva huma maħsuba biex iqisu l-każ speċifiku ta' kumpanniji ġodda li jaħdmu bl-uploads tal-utenti biex jiżviluppaw mudelli ġodda ta' negozju.
Jenħtieġ li r-reġim modifikat applikabbli għal fornituri ta' servizz ġdid b'fatturat u udjenza żgħar ikun ta' benefiċċju għal negozji ġenwinament ġodda, u għalhekk jenħtieġ li ma jibqax japplika tliet snin wara li s-servizzi tagħhom saru disponibbli online għall-ewwel darba fl-Unjoni.
Dak ir-reġim jenħtieġ li ma jiġix abbużat b'arranġamenti li għandhom l-għan li jestendu l-benefiċċji tiegħu wara l-ewwel tliet snin.
B'mod partikolari, jenħtieġ li ma japplikax għal servizzi maħluqa ġodda jew għal servizzi pprovduti taħt isem ġdid iżda li qed iwettqu l-attività ta' fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online diġà eżistenti li ma setax jew ma jibqax jibbenefika minn dak ir-reġim.
- = -
(69) Fejn il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jiksbu awtorizzazzjonijiet, inkluż permezz ta' ftehimiet ta' liċenzjar, għall-użu fuq is-servizz tagħhom ta' kontenut imtella' mill-utenti tas-servizz, dawk l-awtorizzazzjonijiet jenħtieġ li jkopru wkoll l-atti rilevanti għad-drittijiet tal-awtur fir-rigward ta' uploads mill-utenti fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni mogħtija lill-fornituri ta' servizz, iżda biss f'każijiet fejn dawk l-utenti jaġixxu għal finijiet mhux kummerċjali, bħall-kondiviżjoni tal-kontenut tagħhom mingħajr skop ta' qligħ, jew fejn id-dħul iġġenerat mill-uploads tagħhom mhuwiex sinifikanti fir-rigward tal-atti rilevanti għad-drittijiet tal-awtur tal-utenti koperti minn tali awtorizzazzjonijiet.
Fejn id-detenturi tad-drittijiet ikunu awtorizzaw b'mod espliċitu lill-utenti biex itellgħu u jagħmlu disponibbli xogħlijiet jew materjal ieħor dwar servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online, l-att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku tal-fornitur ta' servizz huwa awtorizzat fil-kamp ta' applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni mogħtija mid-detentur tad-drittijiet.
Madankollu, jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda preżunzjoni favur il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online li l-utenti tagħhom ikunu approvaw id-drittijiet rilevanti kollha.
- = -
(73) Jenħtieġ li r-remunerazzjoni tal-awturi u l-artisti għandha tkun xierqa u proporzjonata mal-valur ekonomiku attwali jew potenzjali tad-drittijiet liċenzjati jew trasferiti, filwaqt li jitqies il-kontribut tal-awtur jew tal-artist għax-xogħol globali jew materjal ieħor u ċ-ċirkostanzi l-oħra kollha tal-każ, bħall-prattiki tas-suq jew l-isfruttament effettiv tax-xogħol. Ħlas ta' somma f'daqqa jista' wkoll jikkostitwixxi ħlas proporzjonat iżda jenħtieġ li dan ma jkunx ir-regola.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-libertà li jiddefinixxu każijiet speċifiċi għall-applikazzjoni ta' ħlas ta' somom f'daqqa, filwaqt li jqisu l-ispeċifiċitajiet ta' kull settur.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jimplimentaw il-prinċipju ta' remunerazzjoni xierqa u proporzjonata permezz tal-mekkaniżmi differenti eżistenti jew li għadhom kif ġew introdotti, li jistgħu jinkludu negozjar kollettiv u mekkaniżmi oħra, dment li tali mekkaniżmi jkunu konformi mal-liġi applikabbli tal-Unjoni.
- = -
(75) Peress li l-awturi u l-artisti aktarx li jkunu fil-pożizzjoni kuntrattwali l-aktar dgħajfa huma jagħtu liċenzji jew jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom, huma jkollhom bżonn informazzjoni biex jivvalutaw il-valur ekonomiku kontinwu tad-drittijiet tagħhom, meta mqabbla mar-remunerazzjoni li jirċievu għal-liċenzja tagħhom jew għat-trasferiment, iżda ħafna drabi jaffaċċjaw nuqqas ta' trasparenza.
Għaldaqstant, l-iskambju ta' informazzjoni adegwata u preċiża mill-kontropartijiet kuntrattwali tagħhom jew is-suċċessuri tagħhom fit-titolu huwa importanti għat-trasparenza u l-bilanċ tas-sistema li tirregola r-remunerazzjoni tal-awturi u l-artisti.
Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tkun aġġornata biex tippermetti aċċess għal data riċenti, rilevanti għall-isfruttament tax-xogħol jew tal-prestazzjoni u komprensiva b'tali mod li tkopri s-sorsi kollha ta' dħul rilevanti għall-każ, inkluż, fejn applikabbli, id-dħul mill-merchandising.
Sakemm l-isfruttament ikun għadu għaddej, il-kontropartijiet kuntrattwali tal-awturi u l-artisti jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni disponibbli lilhom dwar il-modi kollha ta' sfruttament u dwar id-dħul rilevanti kollu madwar id-dinja b'regolarità li tkun xierqa fis-settur rilevanti, iżda minn tal-inqas kull sena.
Jenħtieġ li l-informazzjoni tiġi pprovduta b'mod li jinftiehem mill-awtur jew mill-artist u għandha tippermetti l-valutazzjoni effikaċi tal-valur ekonomiku tad-drittijiet ikkonċernati.
Jenħtieġ li, madankollu, l-obbligu tat-trasparenza japplika biss fejn huma kkonċernati d-drittijiet tad-drittijiet rilevanti.
L-ipproċessar tad-data personali, bħad-dettalji ta' kuntatt u l-informazzjoni dwar ir-remunerazzjoni, li huma meħtieġa biex l-awturi u l-artisti jinżammu infurmati fir-rigward tal-isfruttament tax-xogħlijiet u l-wirjiet tagħhom, jenħtieġ li jsir tal-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/679.
- = -
(76) Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni relatata mal-isplużjoni tingħata debitament lill-awturi u lill-artisti wkoll f'każijiet fejn id-drittijiet ikunu ġew subliċenzjati lil partijiet oħra li jisfruttaw id-drittijiet, din id-Direttiva tintitola lill-awturi u lill-artisti biex jitolbu informazzjoni rilevanti addizzjonali dwar l-isfruttament tad-drittijiet, f'każijiet fejn l-ewwel kontroparti kuntrattwali tkun ipprovdiet l-informazzjoni disponibbli għalihom, iżda dik l-informazzjoni ma tkunx biżżejjed biex tivvaluta l-valur ekonomiku tad-drittijiet tagħhom.
Dik it-talba jenħtieġ li ssir jew direttament lis-subdetenturi jew permezz tal-kontropartijiet kuntrattwali tal-awturi u l-artisti.
L-awturi u l-artisti u l-kontropartijiet kuntrattwali tagħhom jenħtieġ li jkunu jistgħu jaqblu li jżommu kunfidenzjali l-informazzjoni kondiviża, iżda l-awturi u l-artisti jenħtieġ li dejjem ikunu jistgħu jużaw l-informazzjoni kondiviża bil-għan li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont din id-Direttiva.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għażla, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, li jipprevedu miżuri ulterjuri li jiżguraw it-trasparenza għall-awturi u l-artisti.
- = -
(83) Minħabba li l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-modernizzazzjoni ta' ċerti aspetti tal-qafas tad-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni biex jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi u mezzi ġodda ta' distribuzzjoni ta' kontenut protett fis-suq intern, ma jistax jinkiseb sew mill-Istati Membri iżda jista', minħabba l-iskala, l-effetti u d-dimensjoni transfruntiera tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE.
F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan.
- = -