search


keyboard_tab Diritto d'autore 2019/0790 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2019/0790 MT Art. 17 . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


index :


whereas :


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 427

 

Artikolu 17

L-użu ta' kontenut protett minn fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jagħmel att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku jew f'att ta' disponibbiltà għall-pubbliku għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva meta jagħti aċċess pubbliku għal xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materjal protett ieħor imtella' mill-utenti tiegħu.

Fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għandu għaldaqstant jikseb awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29/KE, pereżempju billi jikkonkludi ftehim ta' liċenzjar, sabiex jikkomunika lill-pubbliku jew jagħmel disponibbli lill-pubbliku xogħlijiet jew materjal ieħor.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, fejn fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jikseb awtorizzazzjoni, pereżempju billi jikkonkludi ftehim ta' liċenzjar, dik l-awtorizzazzjoni għandha tkopri wkoll atti mwettqa mill-utenti ta' servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29/KE meta ma jkunux qed jaġixxu fuq bażi kummerċjali jew fejn l-attività tagħhom ma tiġġenerax dħul sinifikanti.

3.   Meta fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jagħmel att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku jew għad-disponibbiltà tagħhom lill-pubbliku skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, il-limitazzjoni ta' responsabbiltà stabbilita fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE m'għandhiex tapplika għas-sitwazzjonijiet koperti minn dan l-Artikolu.

L-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu m'għandux jaffettwa l-possibbiltà tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE għal dawk il-fornituri ta' servizz għal finijiet li jaqgħu barra l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

4.   Jekk ma tingħata l-ebda awtorizzazzjoni, il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għandhom ikunu responsabbli għal atti ta' komunikazzjoni mhux awtorizzati lill-pubbliku, inkluż li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, ta' xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur u materjal ieħor, sakemm il-fornituri ta' servizz ma jurux li huma:

(a)

għamlu l-aħjar sforzi biex jiksbu awtorizzazzjoni, u

(b)

f'konformità mal-istandards għoljin ta' diliġenza professjonali tal-industrija, għamlu l-aħjar sforzi biex jiżguraw li ma kienx hemm disponibbli xogħlijiet speċifiċi u materjal ieħor li għalihom id-detenturi tad-drittijiet ikunu pprovdew l-informazzjoni rilevanti u neċessarja lill-fornituri ta' servizz; u fi kwalunkwe każ,

(c)

aġixxew malajr, malli rċevew notifika sostanzjata biżżejjed mid-detenturi tad-drittijiet, biex jiddiżattivaw l-aċċess għal, jew ineħħu, mis-siti web tagħhom ix-xogħlijiet jew materjal ieħor notifikati, u għamlu l-aħjar sforzi biex jipprevjenu kwalunkwe upload futur tagħhom skont il-punt (b).

5.   Meta jkun irid jiġi ddeterminat jekk il-fornitur ta' -servizz huwiex konformi mal-obbligi tiegħu skont il-paragrafu 4, u fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità, għandhom, fost oħrajn, jitqiesu l-elementi li ġejjin:

(a)

it-tip, l-udjenza u d-daqs tas-servizz u t-tip ta' xogħlijiet jew materjal ieħor imtella' mill-utenti tas-servizz; u

(b)

id-disponibbiltà ta' mezzi xierqa u effikaċi u l-ispiża tagħhom għall-fornituri ta' servizz.

6.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, fir-rigward ta' fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online ġodda li s-servizzi tagħhom kienu disponibbli għall-pubbliku fl-Unjoni għal inqas minn tliet snin u li għandhom fatturat annwali ta' inqas minn EUR 10 miljun, ikkalkolat f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (20), il-kundizzjonijiet taħt ir-reġim ta' responsabbiltà stabbilit fil-paragrafu 4 huma limitati għall-konformità mal-punt (a) tal-paragrafu 4 u li jaġixxu malajr, malli jirċievu avviż sostanzjat biżżejjed, biex jiddiżattivaw l-aċċess għax-xogħlijiet jew għal materjal ieħor notifikati jew li jneħħu dawk ix-xogħlijiet jew materjal ieħor mis-siti web tagħhom..

Meta l-għadd medju ta' viżitaturi uniċi ta' kull xahar ta' tali fornituri ta' servizz jaqbeż il-5 miljuni, ikkalkolat abbażi tas-sena kalendarja preċedenti, għandhom juru wkoll li għamlu l-aħjar sforzi biex jipprevjenu uploads ulterjuri tax-xogħlijiet u ta' materjal ieħor notifikati li għalihom id-detenturi tad-drittijiet ipprovdew informazzjoni rilevanti u neċessarja.

7.   Il-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet m'għandhiex tirriżulta fil-prevenzjoni tad-disponibbiltà ta' xogħlijiet jew materjal ieħor imtella' mill-utenti li ma jiksrux id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, inkluż fejn tali xogħlijiet jew materjal ieħor ikunu koperti minn eċċezzjoni jew limitazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti f'kull Stat Membru jkunu jistgħu jserrħu fuq kwalunkwe mill-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet eżistenti li ġejjin meta jtellgħu u jagħmlu disponibbli l-kontenut iġġenerat mill-utenti dwar is-servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online:

(a)

kwotazzjoni, kritika jew riċensjoni;

(b)

użu għal skop ta' karikatura, parodija jew pastiċċ;

8.   L-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu m'għandhiex twassal għal obbligu ġenerali ta' monitoraġġ.

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jipprovdu lid-detenturi tad-drittijiet, fuq talba tagħhom, b'informazzjoni adegwata dwar il-funzjonament tal-prattiki tagħhom fir-rigward tal-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 u, fejn jiġu konklużi ftehimiet ta' liċenzjar bejn il-fornituri ta' servizz u d-detenturi tad-drittijiet, informazzjoni dwar l-użu tal-kontenut kopert mill-ftehimiet.

9.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal- kontenut online jistabbilixxu mekkaniżmu effettiv u rapidu għat-tressiq tal-ilmenti u ta' rimedju li jkun disponibbli għall-utenti tas-servizzi tagħhom f'każ ta' tilwim dwar id-diżattivazzjoni tal-aċċess għal, jew it-tneħħija ta', xogħlijiet jew materjal ieħor imtella' minnhom.

Fejn id-detenturi tad-drittijiet jitolbu li l-aċċess għax-xogħlijiet speċifiċi jew materjal ieħor tagħhom jiġi diżattivat jew li dawk ix-xogħlijiet jew materjal ieħor jitneħħew, dawn għandhom jiġġustifikaw debitament ir-raġunijiet għat-talbiet tagħhom. L-ilmenti mressqa taħt il-mekkaniżmu previst fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu pproċessati mingħajr dewmien żejjed, u d-deċiżjonijiet biex jiġi diżattivat jew jitneħħa l-aċċess għall-kontenut imtella' għandhom ikunu soġġetti għal rieżami minn bniedem. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-mekkaniżmi ta' rimedju alternattivi jkunu disponibbli għas-soluzzjoni tat-tilwim. Tali mekkaniżmi għandhom jippermettu li t-tilwim jiġi solvut b'mod imparzjali u m'għandhomx iċaħħdu lill-utent mill-protezzjoni legali mogħtija mil-liġi nazzjonali, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-utenti li jkollhom rikors għal rimedji ġudizzjarji effiċjenti. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti jkollhom aċċess għal qorti jew awtorità ġudizzjarja rilevanti oħra biex isostnu l-użu ta' eċċezzjoni jew limitazzjoni għar-regoli tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati.

Din id-Direttiva bl-ebda mod m'għandha taffettwa l-użi leġittimi, bħalma huma l-użi taħt l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet previsti mil-liġi tal-Unjoni, u m'għandha twassal għall-ebda identifikazzjoni tal-utenti individwali u lanqas għall-ipproċessar tad-data personali, ħlief skont id-Direttiva 2002/58/KE u r-Regolament (UE) 2016/679.

Il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għandhom jinfurmaw lill-utenti fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom li jistgħu jużaw xogħlijiet u materjal ieħor taħt eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati previsti mil-liġi tal-Unjoni.

10.   Sa mis-6 ta' Ġunju 2019 il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha torganizza djalogi mal-partijiet ikkonċernati biex jiġu diskussi l-aħjar prattiki għall-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet. Il-Kummissjoni għandha, b'konsultazzjoni mal-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online, id-detenturi tad-drittijiet, l-organizzazzjonijiet tal-utenti u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, u filwaqt li tqis ir-riżultati tad-djalogi mal-partijiet ikkonċernati, toħroġ gwida dwar l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, b'mod partikolari rigward il-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 4. Meta jiġu diskussi l-aħjar prattiki, għandha titqies, fost l-oħrajn, il-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali u l-użu tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet. Għall-fini tad-djalogi mal-partijiet ikkonċernati, l-organizzazzjonijiet tal-utenti għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni adegwata mill-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online dwar il-funzjonament tal-prattiki tagħhom fir-rigward tal-paragrafu 4.

KAPITOLU 3

Emunerazzjoni Ä¡usta fil-kuntratti ta' sfruttament ta' awturi u artisti


whereas









keyboard_arrow_down