(6) Dawn l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti f'din id-Direttiva għandhom l-għan li jiksbu bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-interessi tal-awturi u detenturi oħra tad-drittijiet, minn naħa, u dawk tal-utenti min-naħa l-oħra.
Dawn jistgħu jiġu applikati biss f'ċerti każijiet speċjali li ma jkunux konfliġġenti mal-isfruttament normali tax-xogħol jew tal-materjal protett ieħor u li ma jippreġudikawx l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet b'mod li ma jkunx raġonevoli.
- = -
(14) L-organizzazzjonijiet ta' riċerka u l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, inklużi l-persuni marbuta magħhom, jenħtieġ li jkunu koperti mill-eċċezzjoni tal-estrazzjoni tat-test u tad-data fir-rigward tal-kontenut li jkollhom aċċess legali għalih.
L-aċċess legali jenħtieġ li jinftiehem bħala li jkopri l-aċċess għal kontenut ibbażat fuq il-politika ta' aċċess miftuħ jew permezz ta' arranġamenti kuntrattwali bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-organizzazzjonijiet ta' riċerka jew l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, bħal abbonamenti, jew permezz ta' mezzi legali oħrajn.
Pereżempju, f'każijiet ta' abbonamenti meħudin minn organizzazzjonijiet ta' riċerka jew istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, il-persuni marbuta magħhom u koperti minn dawk l-abbonamenti jenħtieġ li jitqiesu li għandhom aċċess legali.
L-aċċess legali jenħtieġ li jkopri wkoll l-aċċess għall-kontenut li huwa disponibbli b'mod liberu online.
- = -
(15) L-organizzazzjonijiet ta' riċerka u l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jistgħu, f'ċerti każijiet, pereżempju għal verifika sussegwenti tar-riżultati tar-riċerka xjentifika, ikollhom bżonn iżommu l-kopji li jkunu saru taħt l-eċċezzjoni għall-finijiet tat-twettiq tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data.
F'każijiet bħal dawn, il-kopji jenħtieġ li jinħażnu f'ambjent sikur.
L-Istati Membri jenħtieġ li jiddeċiedu, fil-livell nazzjonali u wara diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, dwar arranġamenti speċifiċi ulterjurii għaż-żamma tal-kopji, inkluża l-kapaċità li jinħatru korpi fdati bil-għan li jinħażnu dawn il-kopji.
Sabiex ma tiġix ristretta bla bżonn l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni, tali arranġamenti jenħtieġ li jkunu proporzjonati u limitati għal dak li huwa meħtieġ għaż-żamma tal-kopji b'mod sikur u għall-prevenzjoni ta' użi mhux awtorizzati.
Jenħtieġ li użi għall-fini ta' riċerka xjentifika, għajr l-estrazzjoni tat-testi u tad-data, bħar-rieżami xjentifika bejn il-pari u r-riċerka konġunta, jibqgħu koperti, fejn applikabbli, bl-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni previsti fl-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva 2001/29/KE.
- = -
(19) L-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva 2001/29/KE jippermetti lill-Istati Membri li jintroduċu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet ta' riproduzzjoni, komunikazzjoni lill-pubbliku u tqegħid għad-dispożizzjoni għall-pubbliku ta' xogħlijiet jew materjal ieħor b'tali mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jaċċessawhom minn post u ħin magħżul individwalment minnhom għall-iskop uniku ta' illustrazzjoni għat-tagħlim.
Barra minn hekk, l-Artikoli 6(2)(b) u 9(b) tad-Direttiva 96/9/KE jippermettu l-użu ta' bażi tad-data u l-estrazzjoni ta' parti sostanzjali tal-kontenut tagħha għall-finijiet ta' illustrazzjoni għat-tagħlim.
Il-kamp ta' applikazzjoni ta' dawk l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet kif japplikaw għall-użi diġitali mhuwiex ċar.
Barra minn hekk, hemm nuqqas ta' ċarezza dwar jekk dawn l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet japplikawx fejn it-tagħlim huwa pprovdut online u mill-bogħod.
Barra minn hekk, il-qafas legali eżistenti ma jipprevedix effett transfruntier.
Din is-sitwazzjoni tista' tfixkel l-iżvilupp ta' attivitajiet ta' tagħlim diġitalment appoġġati u t-tagħlim mill-bogħod.
Għalhekk, l-introduzzjoni ta' sistema ġdida ta' eċċezzjoni jew limitazzjoni obbligatorja hija meħtieġa biex jiġi żgurat li stabbilimenti edukattivi jibbenefikaw minn ċertezza legali sħiħa meta jużaw xogħlijiet jew materjal ieħor, f'attivitajiet ta' tagħlim diġitali inklużi dawk online u bejn il-fruntieri.
- = -
(30) L-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jenħtieġ li jibbenefikaw minn qafas ċar għad-diġitizzazzjoni u t-tixrid, inkluż bejn il-fruntieri, ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li jitqiesu li mhumiex fis-suq għall-finijiet ta' din id-Direttiva.
Madankollu, il-karatteristiċi partikolari tal-kollezzjonijiet ta' xogħlijiet li mhumiex fis-suq jew materjal ieħor, flimkien mal-ammont ta' xogħlijiet u materjal ieħor involut fil-proġetti ta' diġitizzazzjoni tal-massa, ifissru li l-awtorizzazzjoni minn qabel mid-detenturi tad-drittijiet individwali tista' tkun diffiċli ħafna.
Dan jista' jkun minħabba, pereżempju, l-età tax-xogħlijiet jew materjal ieħor, il-valur kummerċjali limitat tagħhom jew il-fatt li dawn qatt ma kienu maħsuba għall-użu kummerċjali jew li qatt ma kienu kummerċjalment sfruttati.
Għaldaqstant hu meħtieġ li jiġu previsti miżuri li jiffaċilitaw ċerti użi ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq li jinsabu permanentement f'kollezzjonijiet ta' istituzzjonijiet tal-wirt kulturali.
- = -
(33) L-Istati Membri jenħtieġ li, fil-qafas previst f'din id-Direttiva, ikollhom il-flessibbiltà li jagħżlu t-tip speċifiku ta' mekkaniżmu ta' liċenzjar, bħal liċenzjar kollettiv estiż jew preżunzjonijiet ta' rappreżentazzjoni, li jistabbilixxu għall-użu ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq mill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, bi qbil mat-tradizzjonijiet legali, il-prattiki jew iċ-ċirkustanzi tagħhom.
L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom ukoll flessibbiltà biex jiddeterminaw ir-rekwiżiti għall-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv biex ikunu rappreżentattivi b'mod suffiċjenti, sakemm dik id-determinazzjoni tkun ibbażata fuq għadd sinifikanti ta' detenturi tad-drittijiet fit-tip rilevanti ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li jkun ta mandat li jippermetti l-liċenzjar tat-tip rilevanti tal-użu.
L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu liberi li jistabbilixxu regoli speċifiċi applikabbli għal każijiet fejn aktar minn organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv waħda tkun rappreżentattiva għax-xogħlijiet jew materjal ieħor rilevanti, li tkun teħtieġ, pereżempju, liċenzji konġunti jew ftehim bejn l-organizzazzjonijiet rilevanti.
- = -
(38) Meta jiġi ddeterminat jekk ix-xogħlijiet jew materjal ieħor humiex barra mis-suq, jenħtieġ li jkun meħtieġ sforz raġonevoli biex tiġi vvalutata d-disponibbiltà tagħhom għall-pubbliku fil-kanali tas-soltu tal-kummerċ, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tax-xogħol jew materjal ieħor jew tas-sett partikolari ta' xogħlijiet jew materjal ieħor.
L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu liberi li jiddeterminaw l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet biex isir dak l-isforz raġonevoli.
L-isforz raġonevoli jenħtieġ li ma jkollux għalfejn jinvolvi azzjoni ripetuta tul iż-żmien iżda jenħtieġ madankollu li jqis ukoll kwalunkwe evidenza faċilment aċċessibbli tad-disponibbiltà imminenti ta' xogħlijiet jew materjal ieħor fil-kanali tas-soltu tal-kummerċ.
Valutazzjoni ta' xogħol b'xogħol jenħtieġ li tkun meħtieġa biss fejn dak jitqies raġonevoli fid-dawl tad-disponibbiltà ta' informazzjoni rilevanti, il-probabbiltà ta' disponibbiltà kummerċjali u l-ispiża tat-tranżazzjoni mistennija.
Il-verifika tad-disponibbiltà ta' xogħol jew materjal ieħor jenħtieġ li normalment isseħħ fl-Istat Membru fejn l-istituzzjoni tal-wirt kulturali tkun stabbilita, sakemm il-verifika bejn il-fruntieri ma tkunx ikkunsidrata raġonevoli, pereżempju f'każijiet fejn ikun hemm informazzjoni faċilment disponibbli li xogħol letterarju ġie ppubblikat għall-ewwel darba f'verżjoni lingwistika partikolari fi Stat Membru ieħor.
F'ħafna każijiet, l-istatus bħala “mhux fis-suq” ta' sett ta' xogħlijiet jew materjal ieħor jista' jiġi ddeterminat permezz ta' mekkaniżmu proporzjonat, bħall-kampjunar.
Id-disponibbiltà limitata ta' xogħol jew materjal ieħor, bħad-disponibbiltà tiegħu fi ħwienet ta' oġġetti użati, jew il-possibbiltà teoretika li tista' tinkiseb liċenzja għal xogħol jew materjal ieħor jenħtieġ li ma titqisx bħala disponibbiltà għall-pubbliku fil-kanali tas-soltu tal-kummerċ.
- = -
(41) Jenħtieġ li informazzjoni dwar l-użu kurrenti u futur ta' xogħlijiet li mhumiex fis-suq u materjal ieħor min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali abbażi ta' din id-Direttiva u l-arranġamenti fis-seħħ għad-detenturi tad-drittijiet kollha, biex tkun eskluża l-applikazzjoni ta' liċenzji jew tal-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni għax-xogħlijiet tagħhom jew materjal ieħor, tingħata pubbliċità xierqa kemm qabel kif ukoll matul l-użu permezz ta' liċenzja jew permezz tal-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni, kif xieraq.
Tali għoti ta' pubbliċità huwa partikolarment importanti meta l-użu jsir bejn il-fruntieri fis-suq intern.
Għaldaqstant huwa f'loku li jkun previst il-ħolqien ta' portal online uniku li jkun aċċessibbli pubblikament sabiex l-Unjoni tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku għal perijodu raġonevoli ta' żmien qabel ma jseħħ l-użu.
Tali portal jenħtieġ li jiffaċilita għad-detenturi tad-drittijiet li jeskludu l-applikazzjoni tal-liċenzji jew għall-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni għax-xogħlijiet jew materjal ieħor tagħhom.
Skont ir-Regolament (UE) Nru 386/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea huwa fdat b'ċerti kompiti u attivitajiet, iffinanzjati bl-użu tal-mezzi baġitarji proprji tiegħu u bil-għan li jiffaċilita u jappoġġa l-attivitajiet ta' awtoritajiet nazzjonali, tas-settur privat u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-ġlieda kontra, inkluż il-prevenzjoni ta', ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.
Huwa għalhekk xieraq li jiġi invokat dak l-Uffiċċju biex jiġi stabbilit u mmaniġġjat il-portal li jagħmel tali informazzjoni disponibbli.
- = -
(42) Sabiex jiġi żgurat li l-mekkaniżmi ta' liċenzjar stabbiliti minn din id-Direttiva għal xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq ikunu rilevanti u jiffunzjonaw kif suppost, li d-detenturi tad-drittijiet jiġu protetti b'mod adegwat, li l-liċenzji jiġu ppubbliċizzati kif xieraq u li tiġi prevista ċ-ċertezza legali fir-rigward tar-rappreżentanza tal-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv u l-kategorizzazzjoni tax-xogħlijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jrawmu djalogu speċifiku għas-settur bejn il-partijiet ikkonċernati.
- = -
(43) Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva biex ikun iffaċilitat il-liċenzjar kollettiv tad-drittijiet f'xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq li huma permanentement fil-kollezzjonijiet ta' istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għall-użu ta' tali xogħlijiet jew materjal ieħor taħt eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet previsti fil-liġi tal-Unjoni jew taħt liċenzji oħra b'effett estiż, meta tali liċenzjar ma jkunx ibbażat fuq l-istatus bħala “mhux fis-suq” ta' xogħlijiet koperti jew materjal ieħor.
Dawk il-miżuri jenħtieġ li jkunu wkoll mingħajr preġudizzju għall-mekkaniżmi nazzjonali għall-użu ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq abbażi ta' liċenzji bejn l-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv u l-utenti għajr l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali.
- = -
(52) Sabiex ikun iffaċilitat il-liċenzjar ta' drittijiet f'xogħlijiet awdjoviżivi għal servizzi video-on-demand, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu meħtieġa jipprevedu mekkaniżmu ta' negozjar li jippermetti lill-partijiet interessati li jixtiequ jikkonkludu ftehim sabiex iserrħu fuq l-għajnuna ta' korp imparzjali jew ta' medjatur wieħed jew aktar.
Għal dak il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu permessi jistabbilixxu korp ġdid jew jiddependu fuq wieħed eżistenti li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-Direttiva.
L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jaħtru korp jew medjatur kompetenti wieħed jew aktar.
Il-korp jew il-medjatur jenħtieġ li jiltaqgħu mal-partijiet u jgħinu fin-negozjati billi jagħtu pariri professjonali, imparzjali u esterni.
Fejn negozjat jinvolvi partijiet minn Stati Membri differenti u fejn dawk il-partijiet jiddeċiedu li jserrħu fuq il-mekkaniżmu ta' negozjar, il-partijiet jenħtieġ li jaqblu bejniethom minn qabel dwar l-Istat Membru kompetenti.
Il-korp jew il-medjaturi jistgħu jiltaqgħu mal-partijiet biex jiffaċilitaw il-bidu tan-negozjati jew matul in-negozjati biex jiffaċilitaw il-konklużjoni ta' ftehim.
Il-parteċipazzjoni f'dak il-mekkaniżmu ta' negozjar u l-konklużjoni sussegwenti ta' ftehimiet jenħtieġ li jkunu volontarji u jenħtieġ li ma jaffettwawx il-libertà kuntrattwali tal-partijiet.
L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu liberi li jiddeċiedu dwar il-funzjonament speċifiku tal-mekkaniżmu ta' negozjar, inkluż iż-żmien u d-durata tal-għajnuna għan-negozjati u tal-ġarr tal-ispejjeż.
L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-piżijiet amministrattivi u finanzjarji jibqgħu proporzjonati biex jiggarantixxu l-effiċjenza tal-mekkaniżmu ta' negozjar.
Mingħajr ma dan ikun obbligu għalihom, l-Istati Membri jenħtieġ li jħeġġu d-djalogu bejn l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi.
- = -
(53) L-għeluq tat-terminu ta' protezzjoni ta' xogħol jinvolvi d-dħul ta' dak ix-xogħol fid-dominju pubbliku u t-tmiem tad-drittijiet li l-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur tipprovdi għal dak ix-xogħol.
Fil-qasam tal-arti viżiva, iċ-ċirkolazzjoni tar-riproduzzjonijiet leali ta' xogħlijiet fid-dominju pubbliku tikkontribwixxi għall-aċċess għall-kultura u l-promozzjoni tagħha, u l-aċċess għall-wirt kulturali.
Fl-ambjent diġitali, il-protezzjoni ta' tali riproduzzjonijiet permezz tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati hija inkonsistenti mat-tmiem tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tax-xogħlijiet.
Barra minn hekk, id-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur li jirregolaw il-protezzjoni ta' tali riproduzzjonijiet iwasslu għal inċertezza legali u jaffettwaw it-tixrid transfruntier ta' xogħlijiet tal-arti viżiva fid-dominju pubbliku. Ċerti riproduzzjonijiet ta' xogħlijiet tal-arti viżiva fid-dominju pubbliku jenħtieġ, għalhekk, li ma jkunux protetti bid-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati.
Dan kollu jenħtieġ li ma jżommx lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali milli jbigħu r-riproduzzjonijiet, bħal kartolini.
- = -
(59) Il-protezzjoni mogħtija lill-pubblikaturi ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa permezz ta' din id-Direttiva jenħtieġ li ma taffettwax id-drittijiet tal-awturi u detenturi oħra tad-drittijiet fix-xogħlijiet u materjal ieħor inkorporati hemmhekk, inkluż fir-rigward sa fejn l-awturi u d-detenturi tad-drittijiet oħra jistgħu jisfruttaw ix-xogħlijiet jew materjal ieħor tagħhom indipendentement mill-pubblikazzjoni tal-istampa, li fihom huma inkorporati.
Għaldaqstant, il-pubblikaturi ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa jenħtieġ li ma jkunux jistgħu jinvokaw il-protezzjoni li ngħataw skont din id-Direttiva kontra l-awturi u detenturi oħra tad-drittijiet jew kontra utenti awtorizzati oħra tal-istess xogħlijiet jew materjal ieħor.
Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal arranġamenti kuntrattwali konklużi bejn il-pubblikaturi ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa, fuq naħa, u l-awturi u detenturi oħra tad-drittijiet, fuq in-naħa l-oħra.
L-awturi li x-xogħlijiet tagħhom huma inkorporati f'pubblikazzjoni tal-istampa jenħtieġ li jkunu intitolati għal sehem xieraq tad-dħul li l-pubblikaturi tal-istampa jirċievu għall-użu tal-pubblikazzjonijiet tal-istampa tagħhom minn fornituri ta' servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni.
Jenħtieġ li dak ikun mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali dwar is-sjieda jew l-eżerċizzju tad-drittijiet fil-kuntest ta' kuntratti ta' impjieg, sakemm tali liġijiet ikunu konformi mal-liġi tal-Unjoni.
- = -
(60) Il-pubblikaturi, inklużi dawk ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa, kotba jew pubblikazzjonijiet xjentifiċi u pubblikazzjonijiet tal-mużika, ta' spiss joperaw fuq il-bażi tat-trasferiment tad-drittijiet tal-awtur permezz ta' ftehim kuntrattwali jew dispożizzjonijiet statutorji.
F'dak il-kuntest, il-pubblikaturi jagħmlu investiment bl-għan li jisfruttaw ix-xogħlijiet li jinsabu fil-pubblikazzjonijiet tagħhom u jistgħu f'ċerti każijiet jiġu mċaħħda mid-dħul meta tali xogħlijiet jintużaw skont l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet bħal dawk għall-ikkupjar privat u r-reprografija, inklużi l-iskemi nazzjonali eżistenti korrispondenti għar-reprografija fl-Istati Membri, jew taħt skemi ta' self pubbliku.
F'ħafna Stati Membri, il-kumpens għall-użi taħt dawn l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet jinqasam bejn l-awturi u l-pubblikaturi.
Sabiex titqies din is-sitwazzjoni u biex tittejjeb iċ-ċertezza legali għall-partijiet kollha kkonċernati, din id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri li għandhom fis-seħħ skemi eżistenti għall-kondiviżjoni ta' kumpens bejn l-awturi u l-pubblikaturi biex iżommuhom.
Dak huwa partikolarment importanti għall-Istati Membri li kellhom tali mekkaniżmi għall-kondiviżjoni ta' kumpens qabel it-12 ta' Novembru 2015, għalkemm fi Stati Membri oħra, il-kumpens mhuwiex kondiviż u dovut biss lill-awturi f'konformità mal-politiki kulturali nazzjonali.
Filwaqt li din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika b'mod mhux diskriminatorju għall-Istati Membri kollha, jenħtieġ li tirrispetta t-tradizzjonijiet f'dan il-qasam u ma tobbligax lill-Istati Membri li attwalment m'għandhomx dawn l-iskemi ta' kondiviżjoni ta' kumpens biex jintroduċuhom.
Jenħtieġ li hija ma taffettwax l-arranġamenti eżistenti jew dawk futuri fl-Istati Membri rigward ir-remunerazzjoni fil-kuntest tas-self pubbliku.
- = -
(61) Matul dawn is-snin reċenti, il-funzjonament tas-suq tal-kontenut online sar iktar kumpless. Is-servizzi online tal-kondiviżjoni tal-kontenut li jipprovdu aċċess għal ammont kbir ta' kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur imtella' mill-utenti tagħhom saru sors ewleni ta' aċċess għall-kontenut online.
Is-servizzi online huma mezz kif jingħata aċċess usa' għal xogħlijiet kulturali u kreattivi u jiġu offruti opportunitajiet kbar biex l-industriji kulturali u kreattivi jiżviluppaw mudelli kummerċjali ġodda.
Madankollu, għalkemm huma jippermettu d-diversità u l-faċilità tal-aċċess għall-kontenut, huma jiġġeneraw ukoll kontestazzjonijiet meta kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur jittella' mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tad-detenturi tad-drittijiet.
Teżisti inċertezza legali dwar jekk il-fornituri ta' tali servizzi jinvolvux ruħhom f'atti rilevanti għad-drittijiet tal-awtur u jekk hemmx bżonn li jiksbu awtorizzazzjonijiet mid-detenturi tad-drittijiet għall-kontenut imtella' mill-utenti tagħhom li ma jkollhomx id-drittijiet rilevanti fil-kontenut imtella', mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fil-liġi tal-Unjoni.
Dik l-inċertezza taffettwa l-kapaċità tad-detenturi tad-drittijiet li jiddeterminaw jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, ix-xogħlijiet u materjal ieħor tagħhom jintużawx kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jiksbu remunerazzjoni xierqa għal tali użu.
Għalhekk huwa importanti li jitrawwem l-iżvilupp tas-suq tal-liċenzjar bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online.
Dawn il-ftehimiet ta' liċenzjar jenħtieġ li jkunu ġusti u jżommu bilanċ raġonevoli bejn iż-żewġ partijiet.
Id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li jiksbu remunerazzjoni xierqa għall-użu tax-xogħlijiet u ta' materjal ieħor tagħhom.
Madankollu, billi l-libertà kuntrattwali jenħtieġ li ma tiġix affettwata minn dawk id-dispożizzjonijiet, id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li ma jkunux obbligati jagħtu awtorizzazzjoni jew jikkonkludu ftehimiet ta' liċenzjar.
- = -
(68) Il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jenħtieġ li jkunu trasparenti mad-detenturi tad-drittijiet fir-rigward tal-passi meħuda fil-kuntest tal-kooperazzjoni.
Peress li azzjonijiet varji jistgħu jitwettqu mill-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online, jenħtieġ li huma jipprovdu lid-detenturi tad-drittijiet, fuq it-talba tad-detenturi tad-drittijiet, b'informazzjoni adegwata dwar it-tip ta' azzjonijiet meħuda u l-mod ta' kif jiġu imwettqa.
Tali informazzjoni jenħtieġ li tkun speċifika biżżejjed biex tipprovdi biżżejjed trasparenza lid-detenturi tad-drittijiet, mingħajr ma taffettwa s-sigrieti kummerċjali tal-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online.
Madankollu, jenħtieġ li l-fornituri ta' servizz ma jkunux meħtieġa jipprovdu lid-detenturi tad-drittijiet b'informazzjoni dettaljata u individwalizzata għal kull xogħol jew materjal ieħor identifikat.
Jenħtieġ li dak ikun mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti kuntrattwali, li jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi dwar l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta meta jiġu konklużi ftehimiet bejn il-fornituri ta' servizz u d-detenturi tad-drittijiet.
- = -
(70) Jenħtieġ li l-passi li jittieħdu mill-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online f'kooperazzjoni ma' detenturi tad-drittijiet ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur, inkluż, b'mod partikolari, dawk li jiggarantixxu l-libertà tal-espressjoni tal-utenti.
Jenħtieġ li l-utenti jitħallew itellgħu u jagħmlu disponibbli kontenut iġġenerat mill-utenti għall-iskopijiet speċifiċi ta' kwotazzjoni, kritika, riċensjoni, karikatura, parodija jew pastiċċ.
Dak huwa partikolarment importanti għall-finijiet li jinstab bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-arti, u d-dritt għall-proprjetà, inkluża l-proprjetà intellettwali.
Jenħtieġ li dawk l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet, għalhekk, isiru obbligatorji sabiex jiġi żgurat li l-utenti jirċievu protezzjoni uniformi fl-Unjoni.
Huwa importanti li jiġi żgurat li fornituri ta' servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online joperaw mekkaniżmu effikaċi għat-tressiq tal-ilmenti u ta' rimedju sabiex jappoġġaw l-użu għal tali skopijiet speċifiċi.
- = -
(71) Mill-aktar fis possibbli wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, torganizza djalogi bejn il-partijiet ikkonċernati biex tiżgura applikazzjoni uniformi tal-obbligu ta' kooperazzjoni bejn il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet u sabiex jiġu stabbiliti l-aħjar prattiki f'dak li jikkonċerna l-istandards tal-industrija xierqa ta' diliġenza professjonali.
Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-utenti u l-fornituri tat-teknoloġija, u tqis l-iżviluppi fis-suq.
Jenħtieġ li l-organizzazzjonijiet tal-utenti jkollhom ukoll aċċess għall-informazzjoni dwar azzjonijiet imwettqa minn fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online biex jimmaniġġjaw il-kontenut online.
- = -
(77) Meta jimplimentaw l-obbligu tat-trasparenza previst f'din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw l-ispeċifiċitajiet tad-diversi setturi ta' kontenut, bħal dawk tas-settur tal-mużika, is-settur awdjoviżiv u s-settur tal-pubblikazzjoni, u jenħtieġ li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jkunu involuti meta jkunu qed jiddeċiedudwar tali obbligi speċifiċi għas-settur Meta rilevanti, jenħtieġ li s-sinifikat tal-kontribut tal-awturi u l-artisti għax-xogħol jew il-prestazzjoni globali jiġi kkunsidrat ukoll.
In-negozjar kollettiv jenħtieġ li jiġi kkunsidrat bħala alternattiva għall-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jintlaħaq ftehim dwar it-trasparenza.
Tali ftehimiet jenħtieġ li jiżguraw li l-awturi u l-artisti jkollhom l-istess livell, jew livell ogħla, ta' trasparenza bħar-rekwiżiti minimi previsti minn din id-Direttiva.
Biex il-prattiki eżistenti tar-rappurtar ikunu jistgħu jiġu adattati għall-obbligi tat-trasparenza, jenħtieġ li jiġi previst perijodu tranżitorju.
Jenħtieġ li ma jkunx neċessarju li jiġi applikat l-obbligu tat-trasparenza fir-rigward ta' ftehimiet konklużi bejn id-detentur tad-dritt u l-organizzazzjonijiet tal-immaniġġjar kollettiv, entitajiet ta' ġestjoni indipendenti jew entitajiet oħra soġġetti għar-regoli nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 2014/26/UE, bħal dawk l-organizzazzjonijiet jew entitajiet li diġà huma soġġetti għall-obbligi tat-trasparenza skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/26/UE.
L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/26/UE japplika għal organizzazzjonijiet li jimmaniġġjaw id-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati f'isem aktar minn detentur tad-drittijiet wieħed għall-benefiċċju kollettiv ta' dawk id-detenturi tad-drittijiet.
Madankollu, jenħtieġ li l-ftehimiet innegozjati individwalment konklużi bejn id-detenturi tad-drittijiet u dawk tal-kontropartijiet kuntrattwali tagħhom li jaġixxu fl-interess tagħhom stess ikunu soġġetti għall-obbligu ta' trasparenza previst minn din id-Direttiva.
- = -
(81) Id-dispożizzjonijiet rigward it-trasparenza, il-mekkaniżmi ta' aġġustament tal-kuntratt u l-proċeduri alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim stabbiliti f'din id-Direttiva jenħtieġ li jkunu ta' natura mandatorja, u l-partijiet jenħtieġ li ma jkunux jistgħu jidderogaw minn dawk id-dispożizzjonijiet, kemm jekk fil-kuntratti bejn l-awturi, l-artisti u l-kontropartijiet kuntrattwali tagħhom, jew fi ftehimiet bejn dawk il-kontropartijiet u partijiet terzi, bħal ftehimiet ta' nondivulgazzjoni.
B'konsegwenza ta' dan, jenħtieġ li l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) japplikaw bl-effett li meta l-elementi l-oħra kollha rilevanti għas-sitwazzjoni fil-mument tal-għażla tal-liġi applikabbli jkunu jinsabu fi Stat Membru wieħed jew aktar, l-għażla tal-partijiet dwar il-liġi applikabbli minbarra dik ta' Stat Membru ma tippreġudikax l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rigward it-trasparenza, il-mekkaniżmi ta' aġġustament tal-kuntratt u l-proċeduri alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim stabbiliti f'din id-Direttiva, kif implimentat fl-Istat Membru tal-forum.
- = -
(86) F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (18), l-Istati Membri ntrabtu li, f'każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali.
Rigward din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trażmissjoni ta' dawn id-dokumenti hija ġustifikata,
- = -