search


keyboard_tab Data Act 2023/2854 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2854 MT Art. 33 . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index :


whereas :


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 311

 

Artikolu 33

Rekwiżiti essenzjali dwar l-interoperabbiltà tad-data, tal-mekkaniżmi tal-kondiviżjoni tad-data kif ukoll tal-ispazji komuni Ewropej tad-data

1.   Il-parteċipanti fl-ispazji tad-data li joffru data jew servizzi tad-data lil parteċipanti oħra għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali li ġejjin biex jiffaċilitaw l-interoperabbiltà tad-data, tal-mekkaniżmi u tas-servizzi tal-kondiviżjoni tad-data kif ukoll tal-ispazji komuni Ewropej tad-data li huma oqfsa interoperabbli speċifiċi għall-iskop jew għas-settur jew transsettorjali għal standards u prattiki komuni għall-kondiviżjoni jew għall-ipproċessar konġunt tad-data għal, fost l-oħrajn, l-iżvilupp ta' prodotti u servizzi ġodda, riċerka xjentifika jew inizjattivi tas-soċjetà ċivili:

(a)

il-kontenut tas-sett tad-data, ir-restrizzjonijiet fuq l-użu, il-liċenzji, il-metodoloġija tal-ġbir tad-data, il-kwalità tad-data u l-inċertezza għandhom ikunu deskritti b'mod suffiċjenti, fejn applikabbli, f'format li jinqara minn magna, biex jippermettu lir-riċevitur isib, jaċċessa u juża d-data;

(b)

l-istrutturi tad-data, il-formati tad-data, il-vokabularji, l-iskemi ta' klassifikazzjoni, it-tassonomiji u l-listi tal-kodiċijiet, fejn disponibbli, għandhom jiġu deskritti b'mod disponibbli pubblikament u konsistenti;

(c)

il-mezzi tekniċi għall-aċċess għad-data, bħall-interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, u t-termini tal-użu u l-kwalità tas-servizz tagħhom għandhom jiġu deskritti b'mod suffiċjenti biex jippermettu l-aċċess u t-trażmissjoni awtomatiċi tad-data bejn il-partijiet, inkluż kontinwament, f'tniżżil massiv jew f'ħin reali, f'format li jinqara minn magna fejn dan huwa teknikament fattibbli u ma jostakolax il-funzjonament tajjeb tal-prodott konness;

(d)

fejn applikabbli, il-mezzi li jippermettu l-interoperabbiltà tal-għodod għall-awtomatizzazzjoni tal-eżekuzzjoni tal-ftehimiet tal-kondiviżjoni tad-data, bħal kuntratti intelliġenti għandhom jiġu pprovduti.

Ir-rekwiżiti jista' jkollhom natura ġenerika jew jistgħu jikkonċernaw setturi speċifiċi, filwaqt li jqisu bis-sħiħ l-interrelazzjoni mar-rekwiżiti li joħorġu minn liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 45 ta' dan ir-Regolament biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika aktar ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, b'rabta ma' dawk ir-rekwiżiti li, min-natura tagħhom, ma jistgħux jipproduċu l-effett maħsub sakemm ma jkunux speċifikati aktar f'atti legali vinkolanti tal-Unjoni u sabiex tirrifletti kif xieraq l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq.

Il-Kummissjoni għandha, meta tadotta atti delegati, tqis il-parir tal-EDIB f'konformità mal-Artikolu 42, il-punt (c)(iii).

3.   Il-parteċipanti fl-ispazji tad-data li joffru data jew servizzi ta' data lil parteċipanti oħra fl-ispazji tad-data li jissodisfaw l-istandards armonizzati jew partijiet minnhom li r-referenzi tagħhom huma ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu preżunti li huma f'konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 safejn dawk ir-rekwiżiti jkunu koperti minn tali standards armonizzati jew partijiet minnhom.

4.   Il-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, titlob lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex tabbozza standards armonizzati li jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

5.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta speċifikazzjonijiet komuni li jkopru kwalunkwe rekwiżit essenzjali jew ir-rekwiżiti essenzjali kollha stabbiliti fil-paragrafu 1 fejn ikunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-Kummissjoni tkun talbet, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex jabbozzaw standard armonizzat li jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u:

(i)

it-talba ma tkunx ġiet aċċettata;

(ii)

l-istandard armonizzat li jindirizza dik it-talba ma jkunx ġew ikkonsenjat fl-iskadenza stabbilita f'konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012; jew

(iii)

l-istandard armonizzat ma jikkonformawx mat-talba; u

(b)

ma tkun ġiet ippubblikata l-ebda referenza għall-istandards armonizzati li jkopru r-rekwiżiti essenzjali rilevanti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 u l-ebda referenza bħal din ma tkun mistennija li tiġi ppubblikata fi żmien raġonevoli.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 46(2).

6.   Qabel ma tħejji abbozz ta' att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament UE Nru 1025/2012 li hija tqis li l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu ġew issodisfati.

7.   Meta tħejji l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha tqis il-parir tal-EDIB u l-fehmiet ta' korpi jew gruppi ta' esperti rilevanti oħra u għandha tikkonsulta kif xieraq lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

8.   Il-parteċipanti fl-ispazji tad-data li joffru data jew servizzi tad-data lil parteċipanti oħra fl-ispazji tad-data li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet komuni stabbiliti minn atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 jew partijiet minnhom għandhom ikunu preżunti li jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 safejn dawk ir-rekwiżiti jkunu koperti minn tali speċifikazzjonijiet komuni jew partijiet minnhom.

9.   Meta standard armonizzat jiġi adottat minn organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni u jiġi propost lill-Kummissjoni għall-fini tal-pubblikazzjoni tar-referenza tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-istandard armonizzat f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012. Meta r-referenza ta' standard armonizzat tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tħassar l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, jew partijiet minnhom li jkopru l-istess rekwiżiti essenzjali bħal dawk koperti minn dak l-istandard armonizzat.

10.   Meta Stat Membru jqis li speċifikazzjoni komuni ma tissodisfax għalkollox ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan billi jissottometti spjegazzjoni dettaljata. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta dik l-ispjegazzjoni dettaljata u, jekk ikun xieraq, temenda l-att ta' implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjoni komuni inkwistjoni.

11.   Il-Kummissjoni tista' tadotta linji gwida filwaqt li tqis il-proposta tal-EDIB f'konformità mal-Artikolu 30, il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2022/868 li jistabbilixxi oqsfa interoperabbli għal standards u prattiki komuni għall-funzjonament ta' spazji komuni Ewropej tad-data.


whereas









keyboard_arrow_down