search


keyboard_tab Data Act 2023/2854 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2854 MT Art. 1 . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index :


whereas :


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 328

 

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati, fost-l-oħrajn, dwar:

(a)

it-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data ta' prodotti u ta' servizzi relatati għall-utent tal-prodott konness jew servizz relatat;

(b)

it-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data mid-detenturi tad-data għar-riċevituri tad-data;

(c)

it-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data mid-detenturi tad-data għall-korpi tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-korpi tal-Unjoni, fejn ikun hemm ħtieġa eċċezzjonali għal dik id-data għat-twettiq ta' kompitu speċifiku mwettaq fl-interess pubbliku;

(d)

l-iffaċilitar tal-qlib bejn is-servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(e)

l-introduzzjoni ta' salvagwardji kontra l-aċċess illegali ta' partijiet terzi għal data mhux personali;, u

(f)

l-iżvilupp ta' standards ta' interoperabbiltà għad-data li trid tiġi aċċessata, trasferita u użata.

2.   Dan ir-Regolament ikopri data personali u mhux personali, inkluż it-tipi ta' data li ġejjin, fil-kuntesti li ġejjin:

(a)

il-Kapitolu II japplika għad-data, bl-eċċezzjoni tal-kontenut, li tikkonċerna l-prestazzjoni, l-użu u l-ambjent ta' prodotti konnessi u servizzi relatati;

(b)

il-Kapitolu III japplika għal kwalunkwe data tas-settur privat li hija soġġetta għal obbligi statutorji ta' kondiviżjoni tad-data;

(c)

il-Kapitolu IV japplika għal kwalunkwe data tas-settur privat aċċessata u użata abbażi ta' kuntratti bejn intrapriżi;

(d)

il-Kapitolu V japplika għal kwalunkwe data tas-settur privat b'enfasi fuq data mhux personali;

(e)

il-Kapitolu VI japplika għal kwalunkwe data u servizzi pproċessati mill-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(f)

il-Kapitolu VII japplika għal kwalunkwe data mhux personali miżmuma fl-Unjoni mill-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data.

3.   Dan ir-Regolament japplika għal:

(a)

manifatturi ta' prodotti konnessi mqiegħda fis-suq fl-Unjoni u l-fornituri ta' servizzi relatati, irrispettivament mill-post ta' stabbiliment ta' dawk il-manifatturi u l-fornituri;

(b)

utenti fl-Unjoni ta' prodotti konnessi jew servizzi relatati kif imsemmija fil-punt (a);

(c)

detenturi tad-data, irrispettivament mill-post ta' stabbiliment tagħhom, li jagħmlu d-data disponibbli għar-riċevituri tad-data fl-Unjoni;

(d)

riċevituri tad-data fl-Unjoni li għalihom tkun disponibbli d-data;

(e)

korpi tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew u korpi tal-Unjoni li jitolbu lid-detenturi tad-data jagħmlu d-data disponibbli meta jkun hemm ħtieġa eċċezzjonali għal dik id-data għat-twettiq ta' kompitu speċifiku mwettaq fl-interess pubbliku u d-detenturi tad-data li jipprovdu dik id-data bi tweġiba għal talba bħal din;

(f)

fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, irrispettivament mill-post ta' stabbiliment tagħhom, li jipprovdu tali servizzi lill-klijenti fl-Unjoni;

(g)

parteċipanti fi spazji tad-data u bejjiegħa ta' applikazzjonijiet li jużaw kuntratti intelliġenti u persuni li l-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħhom tinvolvi l-użu ta' kuntratti intelliġenti għal oħrajn fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta' ftehim.

4.   Meta dan ir-Regolament jirreferi għal prodotti konnessi jew għal servizzi relatati, tali referenzi għandhom jinftiehmu wkoll li jinkludu assistenti virtwali sa fejn li dawn jinteraġixxu ma' prodott konness jew servizz relatat.

5.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali, il-privatezza u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u l-integrità tat-tagħmir terminali, li għandu japplika għad-data personali pproċessata b'rabta mad-drittijiet u mal-obbligi stabbiliti fih, b'mod partikolari r-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725 u d-Direttiva 2002/58/KE, inklużi s-setgħat u l-kompetenzi tal-awtoritajiet superviżorji u d-drittijiet tas-suġġetti tad-data. Sa fejn l-utenti jkunu suġġetti tad-data, id-drittijiet stabbiliti fil-Kapitolu II ta' dan ir-Regolament għandhom jikkomplementaw id-drittijiet ta' aċċess mis-suġġetti tad-data u d-drittijiet tal-portabbiltà tad-data skont l-Artikoli 15 u 20 tar-Regolament (UE) 2016/679. Fil-każ ta' kunflitt bejn dan ir-Regolament u l-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' data personali jew tal-privatezza, jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f'konformità ma' tali liġi tal-Unjoni, għandha tipprevali l-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali dwar il-protezzjoni ta' data personali.

6.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal, jew ma jħeġġiġx bil-quddiem, arranġamenti volontarji għall-iskambju ta' data bejn entitajiet privati u pubbliċi, b'mod partikolari arranġamenti volontarji għall-kondiviżjoni tad-data.

Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-atti legali tal-Unjoni jew dawk nazzjonali li jipprevedu l-kondiviżjoni ta’, l-aċċess għal u l-użu ta' data għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, jew għal skopijiet doganali u ta’ tassazzjoni, b'mod partikolari r-Regolamenti (UE) 2021/784, (UE) 2022/2065 u (UE) 2023/1543 u d-Direttiva (UE) 2023/1544 jew il-kooperazzjoni internazzjonali f'dak il-qasam. Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ġbir jew il-kondiviżjoni ta’, l-aċċess għal jew l-użu ta’ data skont ir-Regolament (UE) 2015/847 u d-Direttiva (UE) 2015/849. Dan ir-Regolament ma japplikax għal oqsma li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni u fi kwalunkwe każ ma jaffettwax il-kompetenzi tal-Istati Membri li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża jew is-sigurtà nazzjonali, irrispettivament mit-tip ta' entità fdata mill-Istati Membri biex twettaq kompiti fir-rigward ta' dawk il-kompetenzi, jew is-setgħa tagħhom li jissalvagwardjaw funzjonijiet Statali essenzjali oħra, inkluż l-iżgurar tal-integrità territorjali tal-Istat u ż-żamma tal-ordni pubbliku. Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-amministrazzjoni doganali u tat-taxxa jew is-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini.

7.   Dan ir-Regolament jikkumplimenta l-approċċ awtoregolatorju tar-Regolament (UE) 2018/1807 billi jżid obbligi applikabbli b'mod ġenerali dwar il-qlib tal-cloud.

8.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-atti legali tal-Unjoni u dawk nazzjonali li jipprevedu l-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, b'mod partikolari d-Direttivi 2001/29/KE, 2004/48/KE u (UE) 2019/790.

9.   Dan ir-Regolament jikkomplementa u huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni li għandha l-għan li tippromwovi l-interessi tal-konsumaturi u tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, u li tipproteġi s-saħħa, is-sikurezza u l-interessi ekonomiċi tagħhom, b'mod partikolari d-Direttivi 93/13/KEE, 2005/29/KE u 2011/83/UE.

10.   Dan ir-Regolament ma jipprekludix il-konklużjoni ta' kuntratti volontarji legali għall-kondiviżjoni tad-data, inkluż kuntratti konklużi fuq bażi reċiproka, li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament.


whereas









keyboard_arrow_down