search


keyboard_tab Data Act 2023/2854 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2854 MT Art. 11 . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index :


whereas :


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 217

 

Artikolu 11

Miżuri tekniċi ta' protezzjoni dwar l-użu jew id-divulgazzjoni mhux awtorizzati tad-data

1.   Detentur tad-data jista' japplika miżuri tekniċi ta' protezzjoni adatti, inkluż kuntratti intelliġenti u kriptaġġ, biex jipprevjeni aċċess mhux awtorizzat għad-data, inkluż metadata , u biex jiżgura l-konformità mal-Artikoli 4, 5, 6, 8 u 9, kif ukoll mat-termini kuntrattwali miftiehma biex id-data tkun magħmula disponibbli. Tali miżuri tekniċi ta' protezzjoni ma għandhomx jiddiskriminaw bejn ir-riċevituri tad-data jew ifixklu d-dritt ta’ utent li jikseb kopja tad-data, jirkupraha, jużaha jew ikollu aċċess għaliha, biex jipprovdi data lil partijiet terzi skont l-Artikolu 5 jew kwalunkwe dritt ta' parti terza f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. L-utenti, il-partijiet terzi u r-riċevituri tad-data ma għandhomx ibiddlu jew ineħħu tali miżuri tekniċi ta' protezzjoni sakemm ma jkunx hemm qbil mid-detentur tad-data.

2.   Fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 3, il-parti terza jew riċevitur tad-data għandhom jikkonformaw, mingħajr dewmien żejjed, mat-talbiet tad-detentur tad-data u, fejn ikun japplika, u fejn dawn ma jkunux l-istess persuna, id-detentur ta' sigriet kummerċjali jew l-utent:

(a)

iħassru d-data magħmula disponibbli mid-detentur tad-data u kwalunkwe kopja tagħha;

(b)

itemmu l-produzzjoni, l-offerta, jew it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta' oġġetti, data derivattiva jew servizzi prodotti abbażi tal-għarfien miksub permezz ta' dik id-data, jew l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew il-ħżin ta' oġġetti kontraventorji għal dawk il-finijiet, u jeqirdu kwalunkwe oġġett kontraventorju, fejn ikun hemm riskju serju li l-użu illegali ta' dik id-data jikkawża ħsara sinifikanti lid-detentur tad-data, lid-detentur tas-sigriet kummerċjali jew lill-utent jew fejn tali miżura ma tkunx sproporzjonata fid-dawl tal-interessi tad-detentur tad-data, id-detentur tas-sigriet kummerċjali jew tal-utent;

(c)

jgħarrfu lill-utent bl-użu jew id-divulgazzjoni mhux awtorizzati tad-data u bil-miżuri meħuda biex jitwaqqfu l-użu jew id-divulgazzjoni mhux awtorizzati tad-data;

(d)

jikkumpensaw lill-parti li ġarrbet dannu mill-użu ħażin jew mid-divulgazzjoni ta' dik id-data li sar aċċess għaliha jew intużat illegalment.

3.   Il-paragrafu 2 għandu japplika wkoll meta parti terza jew riċevitur tad-data jkunu:

(a)

għall-finijiet li tinkiseb data, ipprovdew informazzjoni falza lil detentur tad-data, użaw mezzi qarrieqa jew koerċittivi jew abbużaw minn lakuni fl-infrastruttura teknika tad-detentur tad-data mfassla biex tipproteġi d-data;

(b)

użaw id-data magħmula disponibbli għal finijiet mhux awtorizzati, inkluż l-iżvilupp ta' prodott konness li jikkompeti skont it-tifsira tal-Artikolu 6(2), il-punt (e);

(c)

iddivulgaw data illegalment lil parti oħra;

(d)

ma żammewx il-miżuri tekniċi u organizzattivi miftiehma skont l-Artikolu 5(9); jew

(e)

biddlu jew neħħew miżuri tekniċi ta' protezzjoni applikati mid-detentur tad-data skont il-paragrafu 1 mingħajr il-qbil tad-detentur tad-data.

4.   Il-paragrafu 2 għandu japplika fejn utent ibiddel jew ineħħi miżuri tekniċi ta' protezzjoni applikati mid-detentur tad-data jew ma jżommx il-miżuri tekniċi u organizzattivi meħuda mill-utent bi ftehim mad-detentur tad-data jew, fejn dawn mhumiex l-istess persuna, mad-detentur ta' sigrieti kummerċjali sabiex jippreserva sigrieti kummerċjali, kwalunkwe parti oħra li tkun irċeviet id-data mingħand l-utent permezz ta’ ksur ta' dan ir-Regolament.

5.   Meta r-riċevitur tad-data jkun kiser l-Artikolu 6(2), il-punti (a) jew (b), l-utenti għandu jkollhom l-istess drittijiet bħad-detenturi tad-data skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.


whereas









keyboard_arrow_down