search


keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/2065 MT Art. 20 . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index :


whereas :


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 177

 

Artikolu 20

Sistema interna tat-trattament tal-ilmenti

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jipprovdu lir-riċevituri tas-servizz, inklużi individwi jew entitajiet li jkunu ppreżentaw avviż, għal perjodu ta' mill-inqas sitt xhur wara d-deċiżjoni msemmija f'dan il-paragrafu, bl-aċċess għal sistema interna effettiva tat-trattament tal-ilmenti, li tippermettilhom jissottomettu ilmenti, b’mod elettroniku u mingħajr ħlas, kontra d-deċiżjoni meħuda mill-fornitur ta’ pjattaforma online li ma jaġixxix mal-wasla ta' avviż jew kontra d-deċiżjonijiet li ġejjin meħuda mill-fornitur ta’ pjattaforma online għar-raġuni li l-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tikkostitwixxi kontenut illegali jew tkun inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħha.

(a)

deċiżjonijiet dwar jekk titneħħiex l-informazzjoni, jiġix diżattivat l-aċċess jew tiġix ristretta l-viżibbiltà tal-informazzjoni;

(b)

deċiżjonijiet dwar jekk jiġix sospiż jew terminat il-forniment tas-servizz, kollu jew parti minnu, lir-riċevituri;

(c)

deċiżjonijiet dwar jekk jiġix sospiż jew terminat il-kont tar-riċevituri;

(d)

deċiżjonijiet dwar jekk tiġix sospiża, terminata jew b'xi mod ieħor ristretta l-kapaċità ta' monetizzazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri.

2.   Il-perjodu ta' mill-inqas sitt xhur imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jibda fil-jum li fih ir-riċevitur tas-servizz jiġi infurmat bid-deċiżjoni f'konformità mal-Artikolu 16(5) jew l-Artikolu 17.

3.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jiżguraw li s-sistemi interni tagħhom għall-immaniġġjar tal-ilmenti jkunu jistgħu jiġu aċċessati faċilment, ikunu faċli għall-utent, u jkunu jippermettu u jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta' lmenti preċiżi biżżejjed u sostanzjati kif xieraq.

4.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jittrattaw l-ilmenti sottomessi mis-sistema interna tagħhom għall-immaniġġjar tal-ilmenti fil-ħin, b'mod nondiskriminatorju, diliġenti u mhux arbitrarju. Meta lment ikun fih biżżejjed raġunijiet biex il-fornitur ta' pjattaforma online iqis li d-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni fuq l-avviż tkun infondata jew li l-informazzjoni li magħha jirrelata l-ilment ma tkunx illegali u ma tkunx inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħha, jew ikun fiha informazzjoni li tindika li l-imġiba tal-ilmentatur ma tiġġustifikax il-miżura meħuda, din għandha treġġa' lura d-deċiżjoni tagħha msemmija fil-paragrafu 1 mingħajr dewmien żejjed.

5.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jinfurmaw lill-ilmentaturi mingħajr dewmien żejjed dwar id-deċiżjoni motivata li jkunu ħadu rigward l-informazzjoni li magħha jirrelata l-ilment u bil-possibbiltà ta' soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti prevista fl-Artikolu 21 u possibbiltajiet oħra ta' rimedju disponibbli.

6.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5 jittieħdu taħt is-superviżjoni ta' persunal kwalifikat kif xieraq u mhux unikament abbażi ta' mezzi awtomatizzati.


whereas









keyboard_arrow_down