search


keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/2065 MT cercato: 'sospiż' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index sospiż:

    KAPITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    KAPITOLU II
    RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI

    KAPITOLU III
    OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR

    TAQSIMA 1
    Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji

    TAQSIMA 2
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online

    TAQSIMA 3
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online
  • 3 Artikolu 20 Sistema interna tat-trattament tal-ilmenti
  • 1 Artikolu 22 Sinjalaturi fdati

  • TAQSIMA 4
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti

    TAQSIMA 5
    Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi

    TAQSIMA 6
    Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta

    KAPITOLU IV
    IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR

    TAQSIMA 1
    Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 2
    Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza
  • 1 Artikolu 58 Kooperazzjoni transfruntiera bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali

  • TAQSIMA 3
    Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 4
    Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna
  • 2 Artikolu 77 Perjodi ta' preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta' penali
  • 2 Artikolu 78 Perjodi ta' preskrizzjoni għall-infurzar ta' penali

  • TAQSIMA 5
    Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar

    TAQSIMA 6
    Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni

    KAPITOLU V
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas sospiż:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 571

 

Artikolu 20

Sistema interna tat-trattament tal-ilmenti

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jipprovdu lir-riċevituri tas-servizz, inklużi individwi jew entitajiet li jkunu ppreżentaw avviż, għal perjodu ta' mill-inqas sitt xhur wara d-deċiżjoni msemmija f'dan il-paragrafu, bl-aċċess għal sistema interna effettiva tat-trattament tal-ilmenti, li tippermettilhom jissottomettu ilmenti, b’mod elettroniku u mingħajr ħlas, kontra d-deċiżjoni meħuda mill-fornitur ta’ pjattaforma online li ma jaġixxix mal-wasla ta' avviż jew kontra d-deċiżjonijiet li ġejjin meħuda mill-fornitur ta’ pjattaforma online għar-raġuni li l-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tikkostitwixxi kontenut illegali jew tkun inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħha.

(a)

deċiżjonijiet dwar jekk titneħħiex l-informazzjoni, jiġix diżattivat l-aċċess jew tiġix ristretta l-viżibbiltà tal-informazzjoni;

(b)

deċiżjonijiet dwar jekk jiġix sospiż jew terminat il-forniment tas-servizz, kollu jew parti minnu, lir-riċevituri;

(c)

deċiżjonijiet dwar jekk jiġix sospiż jew terminat il-kont tar-riċevituri;

(d)

deċiżjonijiet dwar jekk tiġix sospiża, terminata jew b'xi mod ieħor ristretta l-kapaċità ta' monetizzazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri.

2.   Il-perjodu ta' mill-inqas sitt xhur imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jibda fil-jum li fih ir-riċevitur tas-servizz jiġi infurmat bid-deċiżjoni f'konformità mal-Artikolu 16(5) jew l-Artikolu 17.

3.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jiżguraw li s-sistemi interni tagħhom għall-immaniġġjar tal-ilmenti jkunu jistgħu jiġu aċċessati faċilment, ikunu faċli għall-utent, u jkunu jippermettu u jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta' lmenti preċiżi biżżejjed u sostanzjati kif xieraq.

4.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jittrattaw l-ilmenti sottomessi mis-sistema interna tagħhom għall-immaniġġjar tal-ilmenti fil-ħin, b'mod nondiskriminatorju, diliġenti u mhux arbitrarju. Meta lment ikun fih biżżejjed raġunijiet biex il-fornitur ta' pjattaforma online iqis li d-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni fuq l-avviż tkun infondata jew li l-informazzjoni li magħha jirrelata l-ilment ma tkunx illegali u ma tkunx inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħha, jew ikun fiha informazzjoni li tindika li l-imġiba tal-ilmentatur ma tiġġustifikax il-miżura meħuda, din għandha treġġa' lura d-deċiżjoni tagħha msemmija fil-paragrafu 1 mingħajr dewmien żejjed.

5.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jinfurmaw lill-ilmentaturi mingħajr dewmien żejjed dwar id-deċiżjoni motivata li jkunu ħadu rigward l-informazzjoni li magħha jirrelata l-ilment u bil-possibbiltà ta' soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti prevista fl-Artikolu 21 u possibbiltajiet oħra ta' rimedju disponibbli.

6.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5 jittieħdu taħt is-superviżjoni ta' persunal kwalifikat kif xieraq u mhux unikament abbażi ta' mezzi awtomatizzati.

Artikolu 22

Sinjalaturi fdati

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħtieġa biex jiżguraw li l-avviżi sottomessi minn sinjalaturi fdati, li jaġixxu fil-qasam deżinjat tal-għarfien espert tagħhom, permezz ta’ mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 16, jingħataw prijorità u jiġu pproċessati u deċiżi mingħajr dewmien żejjed.

2.   L-istatus ta' sinjalaturi fdati skont dan ir-Regolament għandu jingħata, wara applikazzjoni minn kwalunkwe entità, mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-applikant, lil applikant li jkun wera li jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikollu għarfien espert u kompetenza partikolari għall-finijiet tad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-avviż ta' kontenut illegali;

(b)

ikun indipendenti minn kwalunkwe fornitur ta' pjattaformi online;

(c)

ikun iwettaq l-attivitajiet tiegħu għall-finijiet ta' sottomissjoni tal-avviżi fil-ħin, b'mod diliġenti, preċiż u oġġettiv.

3.   Is-sinjalaturi fdati għandhom jippubblikaw, mill-inqas darba fis-sena, rapporti dettaljati li jinftiehmu faċilment dwar avviżi sottomessi skont l-Artikolu 16 matul il-perjodu rilevanti. Ir-rapport għandu jelenka mill-inqas l-għadd ta' avviżi kkategorizzati skont:

(a)

l-identità tal-fornitur ta' servizzi ta' hosting,

(b)

it-tip ta' kontenut allegatament illegali nnotifikat,

(c)

l-azzjoni meħuda mill-fornitur.

Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu spjegazzjoni tal-proċeduri fis-seħħ biex jiġi żgurat li s-sinjalatur fdat iżomm l-indipendenza tiegħu.

Is-sinjalaturi fdati għandhom jibagħtu dawk ir-rapporti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun tahom l-istatus u għandhom jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mis-sinjalaturi fdati. L-informazzjoni f'dawk ir-rapporti ma għandhiex tinkludi data personali.

4.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Bord l-ismijiet, l-indirizzi u l-indirizzi tal-email tal-entitajiet li lilhom ikunu taw l-istatus ta' sinjalatur fdat f'konformità mal-paragrafu 2 jew li jkunu ssospendew l-istatus ta’ sinjalatur fdat f’konformità mal-paragrafu 6 jew irrevokawh skont il-paragrafu 7.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 f'bażi tad-data disponibbli għall-pubbliku, b'format aċċessibbli faċilment u li jinqara mill-magni, u għandha żżommha aġġornata.

6.   Meta fornitur ta' pjattaformi online jkollu informazzjoni li tindika li sinjalatur fdat issottometta għadd sinifikanti ta' avviżi mhux preċiżi biżżejjed, ineżatti jew mhux sostanzjati kif xieraq bil-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 16, inkluż informazzjoni miġbura b'rabta mal-ipproċessar tal-ilmenti permezz tas-sistemi interni għat-trattament tal-ilmenti msemmija fl-Artikolu 20(4), dan għandu jikkomunika dik l-informazzjoni lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun ta l-istatus ta' sinjalatur fdat lill-entità kkonċernata, filwaqt li jipprovdi l-ispjegazzjonijiet u d-dokumenti ġustifikattivi meħtieġa. Malli jirċievi l-informazzjoni mingħand il-fornitur ta' pjattaformi online u jekk il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jqis li hemm raġunijiet leġittimi biex tinfetaħ investigazzjoni, l-istatus ta' sinjalatur fdat għandu jiġi sospiż matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Dik l-investigazzjoni għandha ssir mingħajr dewmien żejjed.

7.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li ta l-istatus ta' sinjalatur fdat lil entità għandu jirrevoka dak l-istatus jekk jiddetermina, wara investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess jew abbażi ta' informazzjoni riċevuta mingħand partijiet terzi, inkluża informazzjoni pprovduta minn fornitur ta' pjattaformi online skont il-paragrafu 6, li l-entità ma għadhiex tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2. Qabel jirrevoka dak l-istatus, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jagħti l-opportunità lill-entità biex tirreaġixxi għall-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tiegħu u l-intenzjoni tiegħu li jirrevoka l-istatus tal-entità bħala sinjalatur fdat.

8.   Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord, għandha, fejn meħtieġ, toħroġ linji gwida biex tassisti lill-fornituri ta' pjattaformi online u lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fl-applikazzjoni tal-paragrafi 2, 6 u 7.

Artikolu 58

Kooperazzjoni transfruntiera bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali

1.   Sakemm il-Kummissjoni ma tkunx bdiet investigazzjoni għall-istess ksur allegat, meta Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni jkollu raġunijiet biex jissuspetta li fornitur ta' servizz intermedjarju kiser dan ir-Regolament b'mod li jaffettwa negattivament ir-riċevituri tas-servizz fl-Istat Membru ta' dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, huwa jista' jitlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment biex jivvaluta l-kwistjoni u biex jieħu l-miżuri investigattivi u ta' infurzar meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament.

2.   Sakemm il-Kummissjoni ma tkunx bdiet investigazzjoni għall-istess ksur allegat, u fuq talba ta' mill-inqas tliet Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni li jkollhom raġuni biex jissuspettaw li fornitur speċifiku ta' servizzi intermedjarji jkun kiser dan ir-Regolament b'mod li jaffettwa negattivament ir-riċevituri fl-Istati Membri tagħhom, il-Bord jista' jitlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment biex jivvaluta l-kwistjoni u jieħu l-miżuri investigattivi u ta' infurzar meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament.

3.   Talba skont il-paragrafi 1 jew 2 għandha tkun debitament motivata u għandha mill-inqas tindika:

(a)

il-punt ta' kuntatt tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji kkonċernati kif previst fl-Artikolu 11;

(b)

deskrizzjoni tal-fatti rilevanti, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikkonċernati u r-raġunijiet għalfejn il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, jew il-Bord, jissuspetta li l-fornitur kiser dan ir-Regolament, inkluż id-deskrizzjoni tal-effetti negattivi tal-ksur allegat;

(c)

kull informazzjoni oħra li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, jew il-Bord, jidhirlu li hija rilevanti, inkluż, meta xieraq, informazzjoni miġbura b'inizjattiva tiegħu stess jew suġġerimenti għal miżuri investigattivi jew ta' infurzar speċifiċi li jridu jittieħdu, inkluż miżuri interim.

4.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jqis it-talba bl-akbar reqqa skont il-paragrafi 1 jew 2 ta' dan l-Artikolu. Meta jidhirlu li ma hemmx biżżejjed informazzjoni biex jaġixxi fuq it-talba u jkollu raġunijiet biex iqis li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, jew il-Bord, jistgħu jipprovdu informazzjoni addizzjonali, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jista' jew jitlob din l-informazzjoni f'konformità mal-Artikolu 57 jew, inkella, jista' jniedi investigazzjoni konġunta skont l-Artikolu 60(1) li tinvolvi mill-inqas il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali rikjedenti. Il-perjodu stabbilit fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu għandu jiġi sospiż sakemm tiġi tingħata l-informazzjoni addizzjonali jew sakemm tiġi rrifjutata l-istedina għal parteċipazzjoni fl-investigazzjoni konġunta.

5.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ sa mhux aktar tard minn xahrejn mill-wasla tat-talba jew tar-rakkomandazzjoni skont il-paragrafu 1 jew 2, jikkomunika lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, u lill-Bord, il-valutazzjoni tal-ksur suspettat u spjegazzjoni ta' kwalunkwe miżura investigattiva jew ta' infurzar meħuda jew prevista b'rabta ma' dan biex tkun żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 77

Perjodi ta' preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta' penali

1.   Is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikoli 74 u 76 għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta' preskrizzjoni ta' ħames snin.

2.   Iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum meta jitwettaq il-ksur. Iżda fil-każ ta' ksur kontinwu u ripetut, iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum meta jieqaf il-ksur.

3.   Kull azzjoni meħuda mill-Kummissjoni jew mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għall-fini tal-investigazzjoni jew tal-proċedimenti fir-rigward ta' ksur għandha tinterrompi l-perjodu ta' limitazzjoni għall-impożizzjoni ta' multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali. L-azzjonijiet li jinterrompu l-perjodu ta' limitazzjoni għandhom jinkludu, b'mod partikolari, dawn li ġejjin:

(a)

talbiet għal informazzjoni mill-Kummissjoni jew minn Koordinatur tas-Servizzi Diġitali;

(b)

l-ispezzjoni;

(c)

il-ftuħ ta' proċediment mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 66(1).

4.   Ma' kull interruzzjoni, id-dekorrenza ta' żmien għandha terġa' tibda mill-bidu. Iżda l-perjodu ta' preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta' multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali għandu jiskadi sa mhux aktar tard mill-jum meta jkun għadda perjodu daqs id-doppju tal-perjodu ta' preskrizzjoni mingħajr ma l-Kummissjoni tkun imponiet multa jew pagament perjodiku ta' penali. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż biż-żmien li matulu l-perjodu ta' preskrizzjoni jkun ġie sospiż skont il-paragrafu 5.

5.   Il-perjodu ta' preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta' multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali għandu jiġi sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta' proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 78

Perjodi ta' preskrizzjoni għall-infurzar ta' penali

1.   Is-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 74 u 76 għandha tkun soġġetta għal perjodu ta' preskrizzjoni ta' ħames snin.

2.   Iż-żmien għandu jibda jiddekorri fil-jum meta d-deċiżjoni ssir finali.

3.   Il-perjodu ta' preskrizzjoni għall-infurzar ta' penali għandu jiġi interrott:

(a)

b'notifika ta' deċiżjoni li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta' penali jew li tirrifjuta applikazzjoni għall-varjazzjoni;

(b)

b'xi azzjoni tal-Kummissjoni, jew ta' Stat Membru li jaġixxi kif mitlub mill-Kummissjoni, imfassla biex tinforza pagament tal-multa jew pagament perjodiku ta' penali.

4.   Ma' kull interruzzjoni, id-dekorrenza ta' żmien għandha terġa' tibda mill-bidu.

5.   Il-perjodu ta' preskrizzjoni għall-infurzar ta' penali għandu jiġi sospiż sakemm:

(a)

jingħata l-ħin għall-pagament;

(b)

jiġi sospiż l-infurzar ta' pagament skont deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew deċiżjoni ta' qorti nazzjonali.


whereas









keyboard_arrow_down