search


keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/2065 MT Art. 41 . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index :


whereas :


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 206

 

Artikolu 41

Funzjoni ta' verifika tal-konformità

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jistabbilixxu funzjoni ta' verifika tal-konformità, li tkun indipendenti mill-funzjonijiet operazzjonali tagħhom u magħmula minn uffiċjal għall-verifika tal-konformità wieħed jew aktar, inkluż il-kap tal-funzjoni ta' verifika tal-konformità. Dik il-funzjoni ta' verifika tal-konformità għandu jkollha awtorità, statura u riżorsi suffiċjenti, kif ukoll aċċess għall-korp maniġerjali tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna biex timmonitorja l-konformità ta' dak il-fornitur ma' dan ir-Regolament.

2.   Il-korp maniġerjali tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna għandu jiżgura li l-uffiċjali għall-verifika tal-konformità jkollhom il-kwalifiki professjonali, l-għarfien, l-esperjenza u l-kapaċità meħtieġa biex iwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafu 3.

Il-korp maniġerjali tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna għandu jiżgura li l-kap tal-funzjoni ta' verifika tal-konformità jkun maniġer superjuri indipendenti b'responsabbiltà distinta għall-funzjoni ta' konformità.

Il-kap tal-funzjoni ta' verifika tal-konformità għandu jirrapporta direttament lill-korp maniġerjali tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna, u jista' jqajjem tħassib u jwissi lil dak il-korp fejn ir-riskji msemmija fl-Artikolu 34 jew in-nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament jaffettwaw jew jistgħu jaffettwaw lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-korp maniġerjali fil-funzjonijiet superviżorji u maniġerjali tiegħu.

Il-kap tal-funzjoni ta' verifika tal-konformità ma għandux jitneħħa mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-korp maniġerjali tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna.

3.   L-uffiċjali għall-konformità għandu jkollhom il-kompiti li ġejjin:

(a)

jikkooperaw mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u mal-Kummissjoni għall-fini ta' dan ir-Regolament;

(b)

jiżguraw li r-riskji kollha msemmija fl-Artikolu 34 jiġu identifikati u rrappurtati kif suppost u li jittieħdu miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskji raġonevoli, proporzjonati u effettivi skont l-Artikolu 35;

(c)

jorganizzaw u jissorveljaw l-attivitajiet tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbar ħafna relatati mal-awditu indipendenti skont l-Artikolu 37;

(d)

jinformaw u jagħtu pariri lill-maniġment u lill-impjegati tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna dwar l-obbligi rilevanti skont dan ir-Regolament;

(e)

iwettqu monitoraġġ tal-konformità tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna mal-obbligi tiegħu skont dan ir-Regolament;

(f)

fejn applikabbli, jimmonitorjaw il-konformità tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna mal-impenji meħuda skont il-kodiċijiet ta' kondotta skont l-Artikoli 45 u 46 jew il-protokolli ta' kriżi skont l-Artikolu 48.

4.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jikkomunikaw l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-kap tal-funzjoni fis-servizz ta' verifika tal-konformità lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni.

5.   Il-korp maniġerjali tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna għandu jiddefinixxi, jissorvelja u jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta' governanza tal-fornitur li jiżguraw l-indipendenza tal-funzjoni ta' verifika tal-konformità, inkluż it-tqassim tar-responsabbiltajiet fl-organizzazzjoni tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna, il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess, u l-ġestjoni tajba tar-riskji sistemiċi identifikati skont l-Artikolu 34.

6.   Il-korp maniġerjali għandu japprova u jirrevedi perjodikament mill-inqas darba fis-sena, l-istrateġiji u l-politiki għat-teħid, il-ġestjoni, il-monitoraġġ u l-mitigazzjoni tar-riskji identifikati skont l-Artikolu 34 li għalihom il-pjattaforma online kbira ħafna jew il-magna tat-tiftix online kbira ħafna hija jew tista' tkun esposta għalihom.

7.   Il-korp maniġerjali għandu jiddedika biżżejjed ħin għall-kunsiderazzjoni tal-miżuri relatati mal-ġestjoni tar-riskju. Dan għandu jkun involut b'mod attiv fid-deċiżjonijiet relatati mal-ġestjoni tar-riskju, u għandu jiżgura li jiġu allokati riżorsi adegwati għall-ġestjoni tar-riskji identifikati f’konformità mal-Artikolu 34.


whereas









keyboard_arrow_down