(31) Il-kontenut diġitali u s-servizzi diġitali spiss jiġu fornuti online permezz ta’ kuntratti li taħthom il-konsumatur ma jħallasx prezz iżda jipprovdi data personali lill-kummerċjant.
Id-Direttiva 2011/83/UE diġà tapplika għal kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli (jiġifieri l-forniment ta’ kontenut diġitali online) irrispettivament minn jekk il-konsumatur iħallasx prezz fi flus jew jipprovdi data personali.
Madankollu, dik id-Direttiva tapplika biss għal kuntratti ta’ servizz, inklużi l-kuntratti għal servizzi diġitali, li jipprevedu li l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas prezz.
Konsegwentement, dik id-Direttiva ma tapplikax għal kuntratti għal servizzi diġitali fejn il-konsumatur jipprovdi data personali lill-kummerċjant mingħajr ma jħallas prezz.
Minħabba x-xebh ta’ bejniethom u l-interkambjabbiltà ta’ servizzi diġitali mħallsa u s-servizzi diġitali pprovdut bi skambju għal data personali, dawn jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-istess regoli taħt dik id-Direttiva.
- = -
(32) Jenħtieġ li tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83/UE u dak tad-Direttiva (UE) 2019/770, applikabbli għal kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali jew servizzi diġitali li permezz tagħhom konsumatur jipprovdi jew jimpenja ruħu li jipprovdi data personali lill-kummerċjant.
- = -
(33) Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83/UE jenħtieġ li jkun estiż biex ikopri wkoll il-kuntratti li fuq il-bażi tagħhom il-kummerċjant iforni jew jimpenja ruħu li jforni servizz diġitali lill-konsumatur, u l-konsumatur jipprovdi jew jintrabat li jipprovdi data personali.
Bl-istess mod għal kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli, jenħtieġ li dik id-Direttiva tapplika kull meta l-konsumatur jipprovdi jew jintrabat li jipprovdi data personali lill-kummerċjant, ħlief fejn id-data personali pprovduta mill-konsumatur tkun ipproċessata esklussivament mill-kummerċjant għall-finijiet tal-provvista tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, u l-kummerċjant ma jipproċessax dik id-data għal kwalunkwe skop ieħor.
Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali jenħtieġ li jkun konformi mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).
- = -