(17) Il-Kontroll tal-Idoneità tal-liġi dwar il-konsumaturi u l-kummerċjalizzazzjoni u l-evalwazzjoni parallela tad-Direttiva 2011/83/UE identifikaw ukoll numru ta’ oqsma fejn ir-regoli eżistenti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur jenħtieġ li jiġu mmodernizzati.
Fid-dawl tal-iżvilupp kontinwu tal-għodod diġitali, huwa meħtieġ l-aġġustament tal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.
- = -
(27) Il-fornituri tas-swieq online jenħtieġ li jinfurmaw lill-konsumaturi jekk parti terza li toffri oġġetti, servizzi jew kontenut diġitali tkunx kummerċjant jew le, abbażi tad-dikjarazzjoni li saret lilhom mill-parti terza.
Meta l-parti terza li toffri l-oġġetti, is-servizzi jew il-kontenut diġitali tiddikjara li l-istatus tagħha mhuwiex ta’ kummerċjant, il-fornituri tas-swieq online jenħtieġ li jipprovdu dikjarazzjoni qasira li turi li d-drittijiet tal-konsumatur li jirriżultaw mil-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur ma japplikawx għall-kuntratt konkluż.
Barra minn hekk, il-konsumaturi jenħtieġ li jiġu infurmati dwar kif l-obbligi relatati mal-kuntratt huma kondiviżi bejn il-partijiet terzi li joffru l-oġġetti, is-servizzi jew il-kontenut diġitali u l-fornituri tas-swieq online.
Jenħtieġ li l-informazzjoni tingħata b’mod ċar u komprensibbli u mhux biss fit-termini u kundizzjonijiet standard jew dokumenti kuntrattwali simili.
Jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal fornituri tas-swieq online jkunu proporzjonati.
Dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li joħolqu bilanċ bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetittività tal-fornituri tas-swieq online.
Jenħtieġ li fornituri tas-swieq online ma jkollhomx bżonn jelenkaw drittijiet speċifiċi tal-konsumaturi meta jinfurmaw lill-konsumaturi dwar in-nonapplikabbiltà tagħhom.
Dan huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-konsumatur previsti fid-Direttiva 2011/83/UE, u b’mod partikolari fl-Artikolu 6(1) tagħha.
L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta dwar ir-responsabbiltà għall-iżgurar tad-drittijiet tal-konsumatur tiddependi fuq l-arranġamenti kuntrattwali bejn il-fornituri tas-swieq online u l-kummerċjanti rilevanti ta’ terzi persuni.
Il-fornitur tas-suq online jista’ jindika li kummerċjant terz huwa unikament responsabbli biex ikunu żgurati d-drittijiet tal-konsumatur, jew jista’ jiddeskrivi r-responsabbiltajiet speċifiċi tiegħu stess fejn dak il-fornitur jassumi r-responsabbiltà għal ċerti aspetti tal-kuntratt, pereżempju, għall-kunsinna jew matul l-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess.
- = -
(30) Id-definizzjonijiet tal-kontenut diġitali u tas-servizzi diġitali fid-Direttiva 2011/83/UE jenħtieġ li jiġu allinjati ma’ dawk tad-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).
Il-kontenut diġitali kopert mid-Direttiva (UE) 2019/770 ikopri att uniku ta’ forniment, sensiela ta’ atti individwali ta’ forniment, jew forniment kontinwu fuq perjodu ta’ żmien.
Jenħtieġ li l-element ta’ provvista kontinwa ma jirrikjedix neċessarjament provvista fuq perjodu ta’ żmien twil.
Każijiet bħall-web-streaming ta’ filmati jenħtieġ li jitqiesu bħala provvista kontinwa matul perjodu ta’ żmien, irrispettivament minn kemm fil-fatt idum il-fajl awdjoviżiv.
Għalhekk jista’ jkun diffiċli li ssir distinzjoni bejn ċerti tipi ta’ kontenut diġitali u servizzi diġitali, peress li t-tnejn li huma jistgħu jinvolvu forniment kontinwu min-naħa tal-kummerċjant tul iż-żmien tal-kuntratt.
Eżempji ta’ servizzi diġitali huma servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ vidjo u awdjo u l-ospitar ta’ fajls oħra, word processing jew logħob offruti fl-ambjent tal-cloud, cloud storage, posta web, midja soċjali u applikazzjonijiet tal-cloud.
L-involviment kontinwu tal-fornitur tas-servizzi jiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli dwar id-dritt ta’ reċess stabbilit fid-Direttiva 2011/83/UE li effettivament jippermetti lill-konsumatur li jittestja s-servizz u jiddeċiedi, matul il-perjodu ta’ 14-il jum mill-konklużjoni tal-kuntratt, jekk iżżommux jew le. Ħafna kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli huma kkaratterizzati minn att uniku ta’ forniment lill-konsumatur ta’ biċċa jew biċċiet speċifiċi ta’ kontenut diġitali, bħal fajls speċifiċi tal-mużika jew tal-vidjo.
Il-kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli jibqgħu soġġetti għall-eċċezzjoni mid-dritt ta’ reċess imsemmi fil-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/83/UE, li jipprovdi li l-konsumatur jitlef id-dritt ta’ reċess meta tkun inbdiet l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, bħal tniżżil jew streaming tal-kontenut, soġġett għall-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur biex tinbeda l-eżekuzzjoni matul il-perjodu tad-dritt ta’ reċess u għar-rikonoxximent li b’hekk huwa jkun tilef id-dritt tiegħu ta’ reċess.
Fejn ikun hemm dubju dwar jekk il-kuntratt huwiex kuntratt ta’ servizz jew kuntratt għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli, jenħtieġ li japplikaw ir-regoli tad-dritt ta’ reċess għas-servizzi.
- = -
(31) Il-kontenut diġitali u s-servizzi diġitali spiss jiġu fornuti online permezz ta’ kuntratti li taħthom il-konsumatur ma jħallasx prezz iżda jipprovdi data personali lill-kummerċjant.
Id-Direttiva 2011/83/UE diġà tapplika għal kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli (jiġifieri l-forniment ta’ kontenut diġitali online) irrispettivament minn jekk il-konsumatur iħallasx prezz fi flus jew jipprovdi data personali.
Madankollu, dik id-Direttiva tapplika biss għal kuntratti ta’ servizz, inklużi l-kuntratti għal servizzi diġitali, li jipprevedu li l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas prezz.
Konsegwentement, dik id-Direttiva ma tapplikax għal kuntratti għal servizzi diġitali fejn il-konsumatur jipprovdi data personali lill-kummerċjant mingħajr ma jħallas prezz.
Minħabba x-xebh ta’ bejniethom u l-interkambjabbiltà ta’ servizzi diġitali mħallsa u s-servizzi diġitali pprovdut bi skambju għal data personali, dawn jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-istess regoli taħt dik id-Direttiva.
- = -
(32) Jenħtieġ li tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83/UE u dak tad-Direttiva (UE) 2019/770, applikabbli għal kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali jew servizzi diġitali li permezz tagħhom konsumatur jipprovdi jew jimpenja ruħu li jipprovdi data personali lill-kummerċjant.
- = -
(33) Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83/UE jenħtieġ li jkun estiż biex ikopri wkoll il-kuntratti li fuq il-bażi tagħhom il-kummerċjant iforni jew jimpenja ruħu li jforni servizz diġitali lill-konsumatur, u l-konsumatur jipprovdi jew jintrabat li jipprovdi data personali.
Bl-istess mod għal kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli, jenħtieġ li dik id-Direttiva tapplika kull meta l-konsumatur jipprovdi jew jintrabat li jipprovdi data personali lill-kummerċjant, ħlief fejn id-data personali pprovduta mill-konsumatur tkun ipproċessata esklussivament mill-kummerċjant għall-finijiet tal-provvista tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, u l-kummerċjant ma jipproċessax dik id-data għal kwalunkwe skop ieħor.
Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali jenħtieġ li jkun konformi mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).
- = -
(34) Sabiex jiġi żgurat allinjament sħiħ mad-Direttiva (UE) 2019/770, jekk il-kontenut diġitali u s-servizzi diġitali ma jkunux fornuti bi skambju ma’ prezz, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/83/UE ma tapplikax għal sitwazzjonijiet fejn il-kummerċjant jiġbor data personali għall-iskop waħdieni li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti legali li għalihom ikun soġġett il-kummerċjant.
Tali sitwazzjonijiet jistgħu jinkludu, pereżempju, każijiet fejn ir-reġistrazzjoni tal-konsumatur tkun meħtieġa mil-liġijiet applikabbli għal skopijiet ta’ sigurtà u ta’ identifikazzjoni.
- = -
(35) Jenħtieġ li d-Direttiva 2011/83/UE ma tapplikax lanqas għal sitwazzjonijiet biss fejn il-kummerċjant jiġbor il-metadata, bħal informazzjoni li tikkonċerna l-apparat tal-konsumatur jew l-istorja tal-ibbrawżjar, ħlief meta din is-sitwazzjoni titqies li tkun kuntratt taħt il-liġi nazzjonali.
Jenħtieġ li ma tapplikax lanqas għal sitwazzjonijiet li fihom il-konsumatur, mingħajr ma jkun ikkonkluda kuntratt mal-kummerċjant, ikun espost għal reklamar esklużivament biex jikseb aċċess għal kontenut diġitali jew servizz diġitali.
Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jestendu l-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva għal tali sitwazzjonijiet, jew inkella li jirregolaw sitwazzjonijiet bħal dawn, li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva.
- = -
(36) Il-kunċett ta’ funzjonalità jenħtieġ li jinftiehem bħala li jirreferi għall-modi li bihom il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jista’ jintuża.
Pereżempju, in-nuqqas jew il-preżenza ta’ kwalunkwe restrizzjoni teknika bħall-protezzjoni permezz tal-Ġestjoni tad-Drittijiet diġitali jew tal-ikkowdjar tar-reġjun jista’ jkollha impatt fuq il-kapaċità li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jwettaq il-funzjonijiet kollha tiegħu fir-rigward tal-iskop tiegħu.
Il-kunċett ta’ interoperabbiltà jirrelata ma’ jekk u sa liema punt il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali kapaċi jiffunzjona b’hardware jew software li jkunu differenti minn dawk li normalment bihom jintużaw kontenut diġitali jew servizzi diġitali tal-istess tip.
Funzjonament b’suċċess jista’ jinkludi, pereżempju, il-kapaċità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali li jiskambja informazzjoni ma’ tali software jew hardware ieħor u juża l-informazzjoni skambjata.
Il-kunċett ta’ kompatibbiltà huwa definit fid-Direttiva (UE) 2019/770.
- = -
(37) L-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2011/83/UE jirrikjedu li l-kummerċjanti, għal kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju u mill-bogħod rispettivament, jiksbu l-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur biex jibdew l-eżekuzzjoni qabel ma jiskadi l-perjodu tad-dritt ta’ rtirar.
Il-punt (a) tal-Artikolu 14(4) ta’ dik id-Direttiva jipprovdi għal penali kuntrattwali meta dan ir-rekwiżit ma jiġix sodisfatt mill-kummerċjant, jiġifieri li l-konsumatur ma jkollux iħallas għas-servizzi pprovduti.
Ir-rekwiżit li jinkiseb il-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur huwa għalhekk rilevanti biss għas-servizzi, inkluż għas-servizzi diġitali, li jiġu pprovduti bi ħlas ta’ prezz Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu emendati l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 8(8) fis-sens li r-rekwiżit għall-kummerċjanti li jiksbu l-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur japplika biss għal kuntratti ta’ servizz li jpoġġu lill-konsumatur f’obbligu li jħallas.
- = -
(38) Il-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/83/UE jipprevedi eċċezzjoni għad-dritt ta’ reċess fir-rigward ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli jekk il-konsumatur ikun ta kunsens espliċitu minn qabel li tinbeda l-eżekuzzjoni qabel ma jiskadi l-perjodu tad-dritt ta’ reċess u rrikonoxxa li huwa b’hekk jitlef id-dritt tiegħu ta’ reċess.
Il-punt (b) tal-Artikolu 14(4) ta’ dik id-Direttiva jipprovdi għal penali kuntrattwali meta dan ir-rekwiżit ma jiġix sodisfatt mill-kummerċjant, jiġifieri, il-konsumatur ma jkollux iħallas biex il-kontenut diġitali jiġi kkunsmat.
Ir-rekwiżit li jinkiseb il-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur u rikonoxximent huwa għalhekk rilevanti biss għal kontenut diġitali li jkun ipprovdut bi ħlas ta’ prezz.
Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi emendat il-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 fis-sens li r-rekwiżit għall-kummerċjanti li jinkiseb il-kunsens espliċitu minn qabel u r-rikonoxximent mill-konsumatur japplika biss għall-kuntratti li jpoġġu lill-konsumatur f’obbligu li jħallas.
- = -
(44) L-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/83/UE jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom, fil-każ li jeżerċita d-dritt ta’ reċess, il-konsumatur ma għandux iġarrab l-ispejjeż għall-eżekuzzjoni ta’ servizzi, għall-provvista ta’ utilitajiet pubbliċi u għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli.
Meta kwalunkwe waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tiġi ssodisfata, il-konsumatur ma jkollux għalfejn iħallas il-prezz tas-servizz, l-utilitajiet pubbliċi jew kontenut diġitali li jaslu qabel l-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess.
Fir-rigward tal-kontenut diġitali, waħda minn dawk il-kundizzjonijiet mhux kumulattivi, jiġifieri taħt il-punt (b)(iii) tal-Artikolu 14(4), hija nuqqas li tiġi pprovduta l-konferma tal-kuntratt, li tinkludi l-konferma tal-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur biex tinbeda l-eżekuzzjoni tal-kuntratt qabel ma jiskadi l-perjodu tad-dritt ta’ reċess u rikonoxximent li d-dritt ta’ reċess jintilef bħala riżultat ta’ dan.
Madankollu, dik il-kundizzjoni mhijiex inkluża fost il-kundizzjonijiet għat-telf tad-dritt ta’ reċess fil-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 ta’ dik id-Direttiva, u b’hekk tinħoloq inċertezza dwar il-possibbiltà għall-konsumaturi li jinvokaw il-punt (b)(iii) tal-Artikolu 14(4) meta jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra previsti fil-punt (b) tal-Artikolu 14(4) u b’riżultat ta’ dan jintilef id-dritt ta’ reċess skont il-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16.
Il-kundizzjoni prevista fil-punt (b)(iii) tal-Artikolu 14(4) jenħtieġ għalhekk li tiżdied mal-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 sabiex il-konsumatur ikun jista’ jeżerċita d-dritt ta’ reċess meta dik il-kundizzjoni ma tkunx issodisfata u b’hekk jitlob id-drittijiet previsti fl-Artikolu 14(4).
- = -