(17) Il-Kontroll tal-Idoneità tal-liġi dwar il-konsumaturi u l-kummerċjalizzazzjoni u l-evalwazzjoni parallela tad-direttiva 2011/83/UE identifikaw ukoll numru ta’ oqsma fejn ir-regoli eżistenti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur jenħtieġ li jiġu mmodernizzati.
Fid-dawl tal-iżvilupp kontinwu tal-għodod diġitali, huwa meħtieġ l-aġġustament tal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.
- = -
(20) F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi emendat l-Anness I tad-direttiva 2005/29/KE sabiex ikun ċar li jenħtieġ li jkunu pprojbiti prattiki fejn kummerċjant jipprovdi informazzjoni lil konsumatur fil-forma ta’ riżultati ta’ tiftix b’rispons għat-talba ta’ tfittxija online tal-konsumatur mingħajr ma jiżvela b’mod ċar kwalunkwe reklamar imħallas b’mod speċifiku għall-kisba ta’ klassifikazzjoni ogħla ta’ prodotti fi ħdan ir-riżultati tat-tiftix.
Meta kummerċjant ikun ħallas, direttament jew indirettament lill-fornitur tal-funzjonalità tat-tiftix online għal klassifikazzjoni ogħla ta’ prodott fi ħdan ir-riżultati tat-tiftix, il-fornitur tal-funzjonalità tat-tiftix online jenħtieġ li jinforma lill-konsumaturi b’dak il-fatt b’mod konċiż, faċilment aċċessibbli u li jinftiehem.
Pagament indirett jista’ jkun fil-forma ta’ aċċettazzjoni minn kummerċjant ta’ obbligi addizzjonali lejn il-fornitur tal-funzjonalità tat-tiftix online ta’ kwalunkwe tip li għandhom klassifikazzjoni ogħla bħala l-effett speċifiku tagħha.
Il-pagament indirett jista’ jikkonsisti f’kommissjoni akbar għal kull tranżazzjoni kif ukoll fi skemi differenti ta’ kumpens li b’mod speċifiku jwasslu għal klassifikazzjoni ogħla.
Il-pagamenti għal servizzi ġenerali, bħal tariffi tal-elenkar jew abbonamenti għal sħubija, li jindirizzaw firxa wiesgħa ta’ funzjonalitajiet offruti mill-fornitur tal-funzjonalità tat-tiftix online lill-kummerċjant, jenħtieġ li ma jitqisux bħala pagament speċifikament biex tinkiseb klassifikazzjoni ogħla ta’ prodotti, dment li tali pagamenti ma jkunux maħsubin għall-kisba ta’ klassifikazzjoni ogħla.Il-funzjonalità tat-tiftix online tista’ tiġi pprovduta minn tipi differenti ta’ kummerċjanti online, inklużi intermedjarji, bħal postijiet tas-suq online, magni tat-tiftix u siti web ta’ tqabbil.
- = -
(28) Skont l-Artikolu 15(1) tad-direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), il-fornituri tas-swieq online m’għandhomx ikunu obbligati li jivverifikaw l-istatus legali ta’ fornituri terzi.
Minflok, jenħtieġ li l-fornituri tas-swieq online jirrikjedu lil fornituri terzi fuq suq online biex jindikaw l-istatus tagħhom bħala kummerċjanti jew mhux kummerċjanti għall-finijiet tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u biex jipprovdu din l-informazzjoni lill-fornitur tas-suq online.
- = -
(30) Id-definizzjonijiet tal-kontenut diġitali u tas-servizzi diġitali fid-Direttiva 2011/83/UE jenħtieġ li jiġu allinjati ma’ dawk tad-direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).
Il-kontenut diġitali kopert mid-Direttiva (UE) 2019/770 ikopri att uniku ta’ forniment, sensiela ta’ atti individwali ta’ forniment, jew forniment kontinwu fuq perjodu ta’ żmien.
Jenħtieġ li l-element ta’ provvista kontinwa ma jirrikjedix neċessarjament provvista fuq perjodu ta’ żmien twil.
Każijiet bħall-web-streaming ta’ filmati jenħtieġ li jitqiesu bħala provvista kontinwa matul perjodu ta’ żmien, irrispettivament minn kemm fil-fatt idum il-fajl awdjoviżiv.
Għalhekk jista’ jkun diffiċli li ssir distinzjoni bejn ċerti tipi ta’ kontenut diġitali u servizzi diġitali, peress li t-tnejn li huma jistgħu jinvolvu forniment kontinwu min-naħa tal-kummerċjant tul iż-żmien tal-kuntratt.
Eżempji ta’ servizzi diġitali huma servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ vidjo u awdjo u l-ospitar ta’ fajls oħra, word processing jew logħob offruti fl-ambjent tal-cloud, cloud storage, posta web, midja soċjali u applikazzjonijiet tal-cloud.
L-involviment kontinwu tal-fornitur tas-servizzi jiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli dwar id-dritt ta’ reċess stabbilit fid-Direttiva 2011/83/UE li effettivament jippermetti lill-konsumatur li jittestja s-servizz u jiddeċiedi, matul il-perjodu ta’ 14-il jum mill-konklużjoni tal-kuntratt, jekk iżżommux jew le. Ħafna kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli huma kkaratterizzati minn att uniku ta’ forniment lill-konsumatur ta’ biċċa jew biċċiet speċifiċi ta’ kontenut diġitali, bħal fajls speċifiċi tal-mużika jew tal-vidjo.
Il-kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli jibqgħu soġġetti għall-eċċezzjoni mid-dritt ta’ reċess imsemmi fil-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad-direttiva 2011/83/UE, li jipprovdi li l-konsumatur jitlef id-dritt ta’ reċess meta tkun inbdiet l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, bħal tniżżil jew streaming tal-kontenut, soġġett għall-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur biex tinbeda l-eżekuzzjoni matul il-perjodu tad-dritt ta’ reċess u għar-rikonoxximent li b’hekk huwa jkun tilef id-dritt tiegħu ta’ reċess.
Fejn ikun hemm dubju dwar jekk il-kuntratt huwiex kuntratt ta’ servizz jew kuntratt għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli, jenħtieġ li japplikaw ir-regoli tad-dritt ta’ reċess għas-servizzi.
- = -
(32) Jenħtieġ li tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva 2011/83/UE u dak tad-direttiva (UE) 2019/770, applikabbli għal kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali jew servizzi diġitali li permezz tagħhom konsumatur jipprovdi jew jimpenja ruħu li jipprovdi data personali lill-kummerċjant.
- = -
(33) Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva 2011/83/UE jenħtieġ li jkun estiż biex ikopri wkoll il-kuntratti li fuq il-bażi tagħhom il-kummerċjant iforni jew jimpenja ruħu li jforni servizz diġitali lill-konsumatur, u l-konsumatur jipprovdi jew jintrabat li jipprovdi data personali.
Bl-istess mod għal kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli, jenħtieġ li dik id-Direttiva tapplika kull meta l-konsumatur jipprovdi jew jintrabat li jipprovdi data personali lill-kummerċjant, ħlief fejn id-data personali pprovduta mill-konsumatur tkun ipproċessata esklussivament mill-kummerċjant għall-finijiet tal-provvista tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, u l-kummerċjant ma jipproċessax dik id-data għal kwalunkwe skop ieħor.
Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali jenħtieġ li jkun konformi mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).
- = -
(37) L-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 8(8) tad-direttiva 2011/83/UE jirrikjedu li l-kummerċjanti, għal kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju u mill-bogħod rispettivament, jiksbu l-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur biex jibdew l-eżekuzzjoni qabel ma jiskadi l-perjodu tad-dritt ta’ rtirar.
Il-punt (a) tal-Artikolu 14(4) ta’ dik id-Direttiva jipprovdi għal penali kuntrattwali meta dan ir-rekwiżit ma jiġix sodisfatt mill-kummerċjant, jiġifieri li l-konsumatur ma jkollux iħallas għas-servizzi pprovduti.
Ir-rekwiżit li jinkiseb il-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur huwa għalhekk rilevanti biss għas-servizzi, inkluż għas-servizzi diġitali, li jiġu pprovduti bi ħlas ta’ prezz Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu emendati l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 8(8) fis-sens li r-rekwiżit għall-kummerċjanti li jiksbu l-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur japplika biss għal kuntratti ta’ servizz li jpoġġu lill-konsumatur f’obbligu li jħallas.
- = -
(38) Il-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad-direttiva 2011/83/UE jipprevedi eċċezzjoni għad-dritt ta’ reċess fir-rigward ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli jekk il-konsumatur ikun ta kunsens espliċitu minn qabel li tinbeda l-eżekuzzjoni qabel ma jiskadi l-perjodu tad-dritt ta’ reċess u rrikonoxxa li huwa b’hekk jitlef id-dritt tiegħu ta’ reċess.
Il-punt (b) tal-Artikolu 14(4) ta’ dik id-Direttiva jipprovdi għal penali kuntrattwali meta dan ir-rekwiżit ma jiġix sodisfatt mill-kummerċjant, jiġifieri, il-konsumatur ma jkollux iħallas biex il-kontenut diġitali jiġi kkunsmat.
Ir-rekwiżit li jinkiseb il-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur u rikonoxximent huwa għalhekk rilevanti biss għal kontenut diġitali li jkun ipprovdut bi ħlas ta’ prezz.
Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi emendat il-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 fis-sens li r-rekwiżit għall-kummerċjanti li jinkiseb il-kunsens espliċitu minn qabel u r-rikonoxximent mill-konsumatur japplika biss għall-kuntratti li jpoġġu lill-konsumatur f’obbligu li jħallas.
- = -
(39) L-Artikolu 7(4) tad-direttiva 2005/29/KE jistabbilixxi rekwiżiti ta’ informazzjoni ta’ “stedina għax-xiri” ta’ prodott bi prezz speċifiku.
Dawk ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni diġà japplikaw fl-istadju ta’ reklamar, filwaqt li d-Direttiva 2011/83/UE timponi l-istess rekwiżiti ta’ informazzjoni u oħrajn iktar dettaljati fi stadju prekuntrattwali aktar tard (jiġifieri eżatt qabel ma l-konsumatur jidħol f’kuntratt).
F’dan ir-rigward, il-kummerċjanti jistgħu jiġu mitluba li jipprovdu l-istess informazzjoni fl-istadju tar-reklamar (eż.
riklam online fuq sit web tal-midja) u fl-istadju prekuntrattwali (eż.
fil-paġni elettroniċi tal-ħwienet online tagħhom).
- = -
(40) Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni taħt l-Artikolu 7(4) tad-direttiva 2005/29/KE jinkludu l-għoti ta’ informazzjoni lill-konsumatur dwar il-politika ta’ ġestjoni tal-ilmenti tal-kummerċjant.
Il-konklużjonijiet tal-Kontroll tal-Idoneità tal-liġi dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni juru li dik l-informazzjoni hija l-aktar rilevanti fl-istadju prekuntrattwali, li huwa regolat mid-Direttiva 2011/83/UE.
Ir-rekwiżit li tiġi pprovduta dik l-informazzjoni fi stediniet għax-xiri fl-istadju ta’ reklamar taħt id-Direttiva 2005/29/KE għandu għalhekk jiħassar.
- = -
(41) Il-punt (h) tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva 2011/83/UE jesiġi li l-kummerċjanti jipprovdu lill-konsumaturi bl-informazzjoni prekuntrattwali dwar id-dritt ta’ reċess, inkluż b’mudell tal-formola ta’ reċess kif stabbilita fl-Anness I(B) ta’ dik id-Direttiva.
L-Artikolu 8(4) ta’ dik id-Direttiva jipprovdi għal aktar rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali, jekk il-kuntratt jiġi konkluż permezz ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li jippermetti spazju jew żmien limitat biex tintwera l-informazzjoni, bħal bit-telefown, permezz ta’ assistenti tax-xiri f’forma ta’ leħen jew b’SMS.
L-informazzjoni prekuntrattwali obbligatorja li għandha tiġi pprovduta fuq, jew permezz ta’, dak il-mezz partikolari ta’ komunikazzjoni mill-bogħod tinkludi informazzjoni dwar id-dritt ta’ reċess kif imsemmi fil-punt (h) tal-Artikolu 6(1).
Għaldaqstant, hija wkoll tinkludi l-provvediment ta’ mudell ta’ formola ta’ reċess kif stabbilita fl-Anness I(B).
Madankollu, il-forniment tal-formola ta’ reċess tkun impossibbli meta l-kuntratt jiġi konkluż permezz tat-telefown, jew permezz ta’ assistenti tax-xiri f’forma ta’ leħen u jista’ ma jkunx teknikament fattibbli b’mod faċli għall-utent fuq mezzi oħra ta’ komunikazzjoni mill-bogħod koperti mill-Artikolu 8(4).
Huwa għalhekk xieraq li jiġi eskluż l-għoti tal-mudell ta’ formola standard ta’ reċess mill-informazzjoni li l-kummerċjanti jridu jipprovdu fi kwalunkwe każ fuq jew permezz tal-mezz partikolari ta’ komunikazzjoni mill-bogħod użat għall-konklużjoni tal-kuntratt skont l-Artikolu 8(4).
- = -
(42) Il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad-direttiva 2011/83/UE jipprovdi għal eċċezzjoni mid-dritt ta’ reċess fir-rigward tal-kuntratti ta’ servizz wara l-eżekuzzjoni totali tas-servizz jekk l-eżekuzzjoni tkun inbdiet, bil-kunsens minn qabel tal-konsumatur u bir-rikonoxximent li huwa jitlef id-dritt tiegħu ta’ reċess ladarba tkun saret l-eżekuzzjoni totali tal-kuntratt min-naħa tal-kummerċjant.
B’kuntrast, l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 8(8) ta’ dik id-Direttiva, li jittrattaw l-obbligi tal-kummerċjant f’sitwazzjonijiet fejn l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tkun ġiet mibdija qabel ma jiskadi l-perjodu tad-dritt ta’ reċess, jirrikjedu biss li l-kummerċjanti jiksbu l-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur, iżda mhux rikonoxximent li d-dritt ta’ reċess se jintilef meta l-prestazzjoni tkun kompluta.
Biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet, huwa meħtieġ li jiżdied obbligu fl-Artikolu 7(3) u fl-Artikolu 8(8) għall-kummerċjant biex jikseb ukoll ir-rikonoxximent mingħand il-konsumatur li d-dritt ta’ reċess jintilef meta l-eżekuzzjoni tkun kompluta, fil-każ li l-kuntratt ipoġġi lill-konsumatur taħt l-obbligu li jħallas.
Barra minn hekk, il-formulazzjoni tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 jenħtieġ li tiġi emendata sabiex tieħu inkunsiderazzjoni t-tibdil fl-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 8(8) fejn ir-rekwiżit għall-kummerċjanti li jiksbu l-kunsens espliċitu minn qabel u r-rikonoxximent tal-konsumatur japplika biss għal kuntratti ta’ servizz li jpoġġu lill-konsumatur f’obbligu li jħallas.
Madankollu, l-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw l-għażla li ma japplikawx ir-rekwiżit li jinkiseb r-rikonoxximent mill-konsumatur li d-dritt ta’ reċess jintilef meta l-eżekuzzjoni tkun kompluta fil-każ ta’ kuntratti ta’ servizzi fejn il-konsumatur ikun talab speċifikament żjara mill-kummerċjant bil-għan li jagħmel tiswijiet.
Il-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 ta’ dik id-Direttiva jipprovdi għal eċċezzjoni mid-dritt ta’ reċess fir-rigward ta’ kuntratti dwar il-forniment ta’ oġġetti magħmula skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur jew personalizzati b’mod ċar.
Dik l-eċċezzjoni tkopri, pereżempju, il-manifattura u l-installazzjoni ta’ għamara personalizzata fid-dar tal-konsumatur meta tiġi pprovduta taħt kuntratt ta’ bejgħ uniku.
- = -
(43) Jenħtieġ li l-eċċezzjoni mid-dritt ta’ reċess prevista fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad-direttiva 2011/83/UE titqies li tapplika wkoll għal kuntratti għal kunsinni individwali ta’ enerġija mhux konnessa man-netwerk, minħabba li l-prezz tagħha jiddependi fuq varjazzjonijiet fis-swieq tal-komoditajiet jew fis-swieq tal-enerġija li ma jistgħux jiġu kkontrollati mill-kummerċjant u li jistgħu jseħħu fil-perjodu ta’ reċess.
- = -
(44) L-Artikolu 14(4) tad-direttiva 2011/83/UE jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom, fil-każ li jeżerċita d-dritt ta’ reċess, il-konsumatur ma għandux iġarrab l-ispejjeż għall-eżekuzzjoni ta’ servizzi, għall-provvista ta’ utilitajiet pubbliċi u għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli.
Meta kwalunkwe waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tiġi ssodisfata, il-konsumatur ma jkollux għalfejn iħallas il-prezz tas-servizz, l-utilitajiet pubbliċi jew kontenut diġitali li jaslu qabel l-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess.
Fir-rigward tal-kontenut diġitali, waħda minn dawk il-kundizzjonijiet mhux kumulattivi, jiġifieri taħt il-punt (b)(iii) tal-Artikolu 14(4), hija nuqqas li tiġi pprovduta l-konferma tal-kuntratt, li tinkludi l-konferma tal-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur biex tinbeda l-eżekuzzjoni tal-kuntratt qabel ma jiskadi l-perjodu tad-dritt ta’ reċess u rikonoxximent li d-dritt ta’ reċess jintilef bħala riżultat ta’ dan.
Madankollu, dik il-kundizzjoni mhijiex inkluża fost il-kundizzjonijiet għat-telf tad-dritt ta’ reċess fil-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 ta’ dik id-Direttiva, u b’hekk tinħoloq inċertezza dwar il-possibbiltà għall-konsumaturi li jinvokaw il-punt (b)(iii) tal-Artikolu 14(4) meta jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra previsti fil-punt (b) tal-Artikolu 14(4) u b’riżultat ta’ dan jintilef id-dritt ta’ reċess skont il-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16.
Il-kundizzjoni prevista fil-punt (b)(iii) tal-Artikolu 14(4) jenħtieġ għalhekk li tiżdied mal-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 sabiex il-konsumatur ikun jista’ jeżerċita d-dritt ta’ reċess meta dik il-kundizzjoni ma tkunx issodisfata u b’hekk jitlob id-drittijiet previsti fl-Artikolu 14(4).
- = -
(46) Meta wieħed iqis l-iżviluppi teknoloġiċi, huwa meħtieġ li titneħħa r-referenza għal numru tal-faks mil-lista ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni fil-punt (c) tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva 2011/83/UE minħabba li issa l-faks rarament jintuża u fil-biċċa l-kbira ntemm l-użu tiegħu.
- = -
(54) Filwaqt li bejgħ lil hinn mill-post tan-negozju huwa mezz leġittimu ta’ bejgħ u stabbilit sew, bħal bejgħ fi stabbiliment kummerċjali tal-kummerċjant u bħall-bejgħ mill-bogħod, xi prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ta’ bejgħ partikolarment aggressivi jew qarrieqa fil-kuntest ta’ żjarat f’dar ta’ konsumatur jew ta’ vjaġġi promozzjonali kif imsemmi fil-punt (8) tal-Artikolu 2 tad-direttiva 2011/83/UE jistgħu jpoġġu lill-konsumaturi taħt pressjoni biex jixtru oġġetti jew servizzi li huma kieku ma kinux jixtru jew ma kinux jixtru bi prezzijiet eċċessivi, li spiss jinvolvu ħlas immedjat.
Tali prattiki spiss ikunu mmirati lejn anzjani jew konsumaturi vulnerabbli oħra.
Xi Stati Membri jqisu li dawk il-prattiċi mhumiex mixtieqa u jemmnu li huwa meħtieġ li ċerti forom u aspetti ta’ bejgħ lil hinn mill-post tan-negozju jiġu ristretti fis-sens tad-direttiva 2011/83/UE, bħall-kummerċjalizzazzjoni aggressiva u qarrieqa jew il-bejgħ ta’ prodott fil-kuntest ta’ żjarat mhux mitluba fid-dar tal-konsumatur jew ta’ vjaġġi promozzjonali.
Fejn tali restrizzjonijiet jiġu adottati għal raġunijiet oħra minbarra l-protezzjoni tal-konsumatur, bħall-interess pubbliku jew rispett tal-ħajja privata tal-konsumaturi kif protett mill-Artikolu 7 tal-Karta, dawn jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva 2005/29/KE.
- = -