(14) Jenħtieġ li jiġu inklużi regoli dwar il-penali fid-Direttiva 93/13/KEE bil-ħsieb li jissaħħaħ l-effett ta’ deterrent tagħha.
L-Istati Membri huma liberi li jiddeċiedu dwar il-proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja għall-applikazzjoni ta’ penali għall-ksur ta’ dik id-Direttiva.
B’mod partikolari, l-awtoritajiet amministrattivi jew il-qrati nazzjonali jistgħu jimponu penali meta jistabbilixxu n-natura inġusta ta’ termini kuntrattwali, inkluż abbażi ta’ proċedimenti ġuridiċi mibdija minn awtorità amministrattiva.
Il-penali jistgħu jiġu imposti wkoll minn awtoritajiet amministrattivi jew qrati nazzjonali meta l-bejjiegħ jew il-fornitur juża termini kuntrattwali li huma b’mod espliċitu definiti bħala inġusti fiċ-ċirkostanzi kollha fid-dritt nazzjonali kif ukoll meta l-bejjiegħ jew il-fornitur juża termini kuntrattwali li jkunu nstabu li huma inġusti permezz ta’ deċiżjoni vinkolanti finali.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-awtoritajiet amministrattivi għandhom ukoll id-dritt li jistabbilixxu n-natura inġusta ta’ termini kuntrattwali.
L-awtoritajiet amministrattivi jew il-qrati nazzjonali jistgħu jimponu penali wkoll permezz tal-istess deċiżjoni li biha tiġi stabbilita n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali.
L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-mekkaniżmi adatti ta’ koordinazzjoni għal azzjonijiet fil-livell nazzjonali fir-rigward tar-rimedju individwali u l-penali.
- = -
(19) L-ikklassifikar jirreferi għall-prominenza relattiva tal-offerti tal-kummerċjanti jew ir-rilevanza li tingħata lir-riżultati ġġenerati mit-tiftix kif ippreżentati, organizzati jew ikkomunikati mill-fornituri tal-funzjonalità tat-tiftix online, inklużi dawk li jirriżultaw mill-użu ta’ sekwenzar algoritmiku, mekkaniżmi tal-ikklassifikar jew tar-riċensjoni, prominenza viżwali jew għodod oħra li jagħtu prominenza, jew kombinamenti ta’ dawn.
- = -
(20) F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi emendat l-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE sabiex ikun ċar li jenħtieġ li jkunu pprojbiti prattiki fejn kummerċjant jipprovdi informazzjoni lil konsumatur fil-forma ta’ riżultati ta’ tiftix b’rispons għat-talba ta’ tfittxija online tal-konsumatur mingħajr ma jiżvela b’mod ċar kwalunkwe reklamar imħallas b’mod speċifiku għall-kisba ta’ klassifikazzjoni ogħla ta’ prodotti fi ħdan ir-riżultati tat-tiftix.
Meta kummerċjant ikun ħallas, direttament jew indirettament lill-fornitur tal-funzjonalità tat-tiftix online għal klassifikazzjoni ogħla ta’ prodott fi ħdan ir-riżultati tat-tiftix, il-fornitur tal-funzjonalità tat-tiftix online jenħtieġ li jinforma lill-konsumaturi b’dak il-fatt b’mod konċiż, faċilment aċċessibbli u li jinftiehem.
Pagament indirett jista’ jkun fil-forma ta’ aċċettazzjoni minn kummerċjant ta’ obbligi addizzjonali lejn il-fornitur tal-funzjonalità tat-tiftix online ta’ kwalunkwe tip li għandhom klassifikazzjoni ogħla bħala l-effett speċifiku tagħha.
Il-pagament indirett jista’ jikkonsisti f’kommissjoni akbar għal kull tranżazzjoni kif ukoll fi skemi differenti ta’ kumpens li b’mod speċifiku jwasslu għal klassifikazzjoni ogħla.
Il-pagamenti għal servizzi ġenerali, bħal tariffi tal-elenkar jew abbonamenti għal sħubija, li jindirizzaw firxa wiesgħa ta’ funzjonalitajiet offruti mill-fornitur tal-funzjonalità tat-tiftix online lill-kummerċjant, jenħtieġ li ma jitqisux bħala pagament speċifikament biex tinkiseb klassifikazzjoni ogħla ta’ prodotti, dment li tali pagamenti ma jkunux maħsubin għall-kisba ta’ klassifikazzjoni ogħla.Il-funzjonalità tat-tiftix online tista’ tiġi pprovduta minn tipi differenti ta’ kummerċjanti online, inklużi intermedjarji, bħal postijiet tas-suq online, magni tat-tiftix u siti web ta’ tqabbil.
- = -
(21) Ir-rekwiżiti tat-trasparenza fir-rigward tal-parametri ewlenin li jiddeterminaw il-klassifikazzjoni huma rregolati wkoll bir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).
Ir-rekwiżiti ta’ trasparenza taħt dak ir-Regolament ikopru firxa wiesgħa ta’ intermedjarji online, inklużi swieq online, iżda japplikaw biss bejn il-kummerċjanti u l-intermedjarji online.
Għalhekk jenħtieġ li jiġu introdotti rekwiżiti tat-trasparenza simili fid-Direttiva 2005/29/KE biex tiġi żgurata trasparenza adegwata għall-konsumaturi, ħlief fil-każ ta’ fornituri ta’ magni tat-tiftix online, li diġà huma mitluba minn dak ir-Regolament li jistabbilixxu l-parametri prinċipali li b’mod individwali jew kollettiv huma l-aktar sinifikanti biex jiddeterminaw l-ikklassifikar u l-importanza relattiva ta’ dawk il-parametri prinċipali, billi jipprovdu deskrizzjoni aċċessibbli faċilment u disponibbli għall-pubbliku mfassla b’lingwaġġ sempliċi u intelliġibbli dwar il-magni tat-tiftix online ta’ dawk il-fornituri.
- = -
(25) Jenħtieġ li s-swieq online jiġu definiti għall-finijiet tad-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE bl-istess mod bħal fir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u d-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).
Madankollu, jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ ‘suq online’ tiġi aġġornata u magħmula aktar teknoloġikament newtrali biex tkopri teknoloġiji ġodda.
Huwa għalhekk xieraq li ssir referenza, minflok għal “sit web”, għal software, inklużi sit web, parti minn sit web jew applikazzjoni, operat minn kummerċjant jew f’ismu, skont il-kunċett ta’ “interfaċċa online” kif previst fir-Regolament (UE) 2017/2394 u mir-Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).
- = -
(31) Il-kontenut diġitali u s-servizzi diġitali spiss jiġu fornuti online permezz ta’ kuntratti li taħthom il-konsumatur ma jħallasx prezz iżda jipprovdi data personali lill-kummerċjant.
Id-Direttiva 2011/83/UE diġà tapplika għal kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli (jiġifieri l-forniment ta’ kontenut diġitali online) irrispettivament minn jekk il-konsumatur iħallasx prezz fi flus jew jipprovdi data personali.
Madankollu, dik id-Direttiva tapplika biss għal kuntratti ta’ servizz, inklużi l-kuntratti għal servizzi diġitali, li jipprevedu li l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas prezz.
Konsegwentement, dik id-Direttiva ma tapplikax għal kuntratti għal servizzi diġitali fejn il-konsumatur jipprovdi data personali lill-kummerċjant mingħajr ma jħallas prezz.
Minħabba x-xebh ta’ bejniethom u l-interkambjabbiltà ta’ servizzi diġitali mħallsa u s-servizzi diġitali pprovdut bi skambju għal data personali, dawn jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-istess regoli taħt dik id-Direttiva.
- = -
(58) Sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal informazzjoni aġġornata dwar id-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi u dwar ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim barra mill-qorti, il-punt ta’ aċċess online li jrid jiġi żviluppat mill-Kummissjoni jenħtieġ li, sa fejn possibbli, ikun faċli għall-utent, adattat biex jiġi aċċessat fuq il-mowbajl, faċilment aċċessibbli u li jista’ jintuża minn kulħadd, inklużi persuni b’diżabbiltà (“disinn għal kulħadd”).
- = -