(4) Id-Direttivi 98/6/KE (5), 2005/29/KE u 2011/83/UE (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jinkludu rekwiżiti li l-Istati Membri jipprovdu għal penali effettivi, proporzjonati u dissważivi biex jindirizzaw il-ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu dawk id-Direttivi.
barra minn hekk, l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jesiġi li l-Istati Membri jieħdu miżuri ta’ infurzar, inkluża l-impożizzjoni ta’ penali, b’mod effettiv, effiċjenti u kkoordinat biex jitwaqqfu jew jiġu pprojbiti każijiet ta’ ksur mifruxa jew każijiet ta’ ksur mifruxa b’dimensjoni tal-Unjoni.
- = -
(27) Il-fornituri tas-swieq online jenħtieġ li jinfurmaw lill-konsumaturi jekk parti terza li toffri oġġetti, servizzi jew kontenut diġitali tkunx kummerċjant jew le, abbażi tad-dikjarazzjoni li saret lilhom mill-parti terza.
Meta l-parti terza li toffri l-oġġetti, is-servizzi jew il-kontenut diġitali tiddikjara li l-istatus tagħha mhuwiex ta’ kummerċjant, il-fornituri tas-swieq online jenħtieġ li jipprovdu dikjarazzjoni qasira li turi li d-drittijiet tal-konsumatur li jirriżultaw mil-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur ma japplikawx għall-kuntratt konkluż.
barra minn hekk, il-konsumaturi jenħtieġ li jiġu infurmati dwar kif l-obbligi relatati mal-kuntratt huma kondiviżi bejn il-partijiet terzi li joffru l-oġġetti, is-servizzi jew il-kontenut diġitali u l-fornituri tas-swieq online.
Jenħtieġ li l-informazzjoni tingħata b’mod ċar u komprensibbli u mhux biss fit-termini u kundizzjonijiet standard jew dokumenti kuntrattwali simili.
Jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal fornituri tas-swieq online jkunu proporzjonati.
Dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li joħolqu bilanċ bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetittività tal-fornituri tas-swieq online.
Jenħtieġ li fornituri tas-swieq online ma jkollhomx bżonn jelenkaw drittijiet speċifiċi tal-konsumaturi meta jinfurmaw lill-konsumaturi dwar in-nonapplikabbiltà tagħhom.
Dan huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-konsumatur previsti fid-Direttiva 2011/83/UE, u b’mod partikolari fl-Artikolu 6(1) tagħha.
L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta dwar ir-responsabbiltà għall-iżgurar tad-drittijiet tal-konsumatur tiddependi fuq l-arranġamenti kuntrattwali bejn il-fornituri tas-swieq online u l-kummerċjanti rilevanti ta’ terzi persuni.
Il-fornitur tas-suq online jista’ jindika li kummerċjant terz huwa unikament responsabbli biex ikunu żgurati d-drittijiet tal-konsumatur, jew jista’ jiddeskrivi r-responsabbiltajiet speċifiċi tiegħu stess fejn dak il-fornitur jassumi r-responsabbiltà għal ċerti aspetti tal-kuntratt, pereżempju, għall-kunsinna jew matul l-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess.
- = -
(42) Il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/83/UE jipprovdi għal eċċezzjoni mid-dritt ta’ reċess fir-rigward tal-kuntratti ta’ servizz wara l-eżekuzzjoni totali tas-servizz jekk l-eżekuzzjoni tkun inbdiet, bil-kunsens minn qabel tal-konsumatur u bir-rikonoxximent li huwa jitlef id-dritt tiegħu ta’ reċess ladarba tkun saret l-eżekuzzjoni totali tal-kuntratt min-naħa tal-kummerċjant.
B’kuntrast, l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 8(8) ta’ dik id-Direttiva, li jittrattaw l-obbligi tal-kummerċjant f’sitwazzjonijiet fejn l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tkun ġiet mibdija qabel ma jiskadi l-perjodu tad-dritt ta’ reċess, jirrikjedu biss li l-kummerċjanti jiksbu l-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur, iżda mhux rikonoxximent li d-dritt ta’ reċess se jintilef meta l-prestazzjoni tkun kompluta.
Biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet, huwa meħtieġ li jiżdied obbligu fl-Artikolu 7(3) u fl-Artikolu 8(8) għall-kummerċjant biex jikseb ukoll ir-rikonoxximent mingħand il-konsumatur li d-dritt ta’ reċess jintilef meta l-eżekuzzjoni tkun kompluta, fil-każ li l-kuntratt ipoġġi lill-konsumatur taħt l-obbligu li jħallas.
barra minn hekk, il-formulazzjoni tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 jenħtieġ li tiġi emendata sabiex tieħu inkunsiderazzjoni t-tibdil fl-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 8(8) fejn ir-rekwiżit għall-kummerċjanti li jiksbu l-kunsens espliċitu minn qabel u r-rikonoxximent tal-konsumatur japplika biss għal kuntratti ta’ servizz li jpoġġu lill-konsumatur f’obbligu li jħallas.
Madankollu, l-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw l-għażla li ma japplikawx ir-rekwiżit li jinkiseb r-rikonoxximent mill-konsumatur li d-dritt ta’ reċess jintilef meta l-eżekuzzjoni tkun kompluta fil-każ ta’ kuntratti ta’ servizzi fejn il-konsumatur ikun talab speċifikament żjara mill-kummerċjant bil-għan li jagħmel tiswijiet.
Il-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 ta’ dik id-Direttiva jipprovdi għal eċċezzjoni mid-dritt ta’ reċess fir-rigward ta’ kuntratti dwar il-forniment ta’ oġġetti magħmula skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur jew personalizzati b’mod ċar.
Dik l-eċċezzjoni tkopri, pereżempju, il-manifattura u l-installazzjoni ta’ għamara personalizzata fid-dar tal-konsumatur meta tiġi pprovduta taħt kuntratt ta’ bejgħ uniku.
- = -
(47) Il-konsumaturi qegħdin jistrieħu dejjem aktar fuq ir-reċensjonijiet u l-approvazzjonijiet tal-konsumaturi meta jieħdu deċiżjonijiet rigward xiri.
Għalhekk, meta l-kummerċjanti jipprovdu aċċess għal reċensjonijiet tal-konsumatur dwar il-prodotti, dawn jenħtieġ li jinfurmaw lill-konsumaturi jekk hemmx proċessi jew proċeduri fis-seħħ biex jiżguraw li r-reċensjonijiet ippubblikati joriġinaw minn konsumaturi li fil-fatt użaw jew xtraw il-prodotti.
Jekk dawn il-proċessi jew proċeduri jkunu fis-seħħ, jenħtieġ li l-kummerċjanti jipprovdu informazzjoni dwar kif isiru l-verifiki u jipprovdu informazzjoni ċara lill-konsumaturi dwar kif jiġu pproċessati r-reċensjonijiet, pereżempju jekk jintwerewx ir-reċensjonijiet kollha, kemm pożittivi kif ukoll negattivi, jew jekk dawk ir-reċensjonijiet ikunux ġew sponsorjati jew influwenzati minn relazzjoni kuntrattwali ma’ kummerċjant.
barra minn hekk, jenħtieġ li għalhekk titqies li hija prattika kummerċjali żleali li l-konsumaturi jiġu mqarrqa billi jiġi ddikjarat li reċensjonijiet dwar prodott ġew sottomessi minn konsumaturi li fil-fatt użaw jew xtraw dak il-prodott meta ma jkun ittieħed l-ebda pass raġonevoli u proporzjonat biex jiġi żgurat li dawn joriġinaw minn tali konsumaturi.
Tali miżuri jistgħu jinkludu mezzi tekniċi biex tiġi vverifikata l-affidabbiltà tal-persuna li tagħmel ir-reċensjoni, pereżempju, billi tintalab informazzjoni biex jiġi vverifikat li l-konsumatur ikun fil-fatt uża jew xtara l-prodott.
- = -
(54) Filwaqt li bejgħ lil hinn mill-post tan-negozju huwa mezz leġittimu ta’ bejgħ u stabbilit sew, bħal bejgħ fi stabbiliment kummerċjali tal-kummerċjant u bħall-bejgħ mill-bogħod, xi prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ta’ bejgħ partikolarment aggressivi jew qarrieqa fil-kuntest ta’ żjarat f’dar ta’ konsumatur jew ta’ vjaġġi promozzjonali kif imsemmi fil-punt (8) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE jistgħu jpoġġu lill-konsumaturi taħt pressjoni biex jixtru oġġetti jew servizzi li huma kieku ma kinux jixtru jew ma kinux jixtru bi prezzijiet eċċessivi, li spiss jinvolvu ħlas immedjat.
Tali prattiki spiss ikunu mmirati lejn anzjani jew konsumaturi vulnerabbli oħra.
Xi Stati Membri jqisu li dawk il-prattiċi mhumiex mixtieqa u jemmnu li huwa meħtieġ li ċerti forom u aspetti ta’ bejgħ lil hinn mill-post tan-negozju jiġu ristretti fis-sens tad-Direttiva 2011/83/UE, bħall-kummerċjalizzazzjoni aggressiva u qarrieqa jew il-bejgħ ta’ prodott fil-kuntest ta’ żjarat mhux mitluba fid-dar tal-konsumatur jew ta’ vjaġġi promozzjonali.
Fejn tali restrizzjonijiet jiġu adottati għal raġunijiet oħra minbarra l-protezzjoni tal-konsumatur, bħall-interess pubbliku jew rispett tal-ħajja privata tal-konsumaturi kif protett mill-Artikolu 7 tal-Karta, dawn jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE.
- = -
(55) B’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u biex jiġi ffaċilitat l-infurzar, jenħtieġ li jiġi ċċarat li d-Direttiva 2005/29/KE hija mingħajr preġudizzju għal-libertà tal-Istati Membri li jadottaw dispożizzjonijiet nazzjonali biex jipproteġu aktar l-interessi leġittimi tal-konsumaturi kontra prattiki kummerċjali żleali fir-rigward ta’ żjarat mhux mitluba li jsiru fid-djar tagħhom minn kummerċjant biex joffri jew ibiegħ prodotti jew vjaġġi promozzjonali organizzati minn kummerċjant bil-għan jew bl-effett li jiġu promossi jew jinbiegħu prodotti lill-konsumaturi fejn tali dispożizzjonijiet huma ġġustifikati għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur.
Kwalunkwe tali dispożizzjoni jenħtieġ li tkun proporzjonata u mhux diskriminatorja u jenħtieġ li ma tipprojbixxix dawk il-mezzi ta’ bejgħ bħala tali.
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati mill-Istati Membri jistgħu, pereżempju, jiddefinixxu l-ħin tal-ġurnata li fih ma jkunux permessi ż-żjarat fid-djar tal-konsumaturi mingħajr it-talba espliċita tagħhom jew jipprojbixxu tali żjarat meta l-konsumatur ikun indika b’mod ċar li tali żjarat mhumiex aċċettabbli jew jippreskrivu l-proċedura ta’ ħlas.
barra minn hekk, tali dispożizzjonijiet jistgħu jistabbilixxu regoli aktar protettivi fl-oqsma armonizzati mid-Direttiva 2011/83/UE.
Id-Direttiva 2011/83/UE jenħtieġ għalhekk li tiġi emendata biex tippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri nazzjonali biex jipprovdu perjodu itwal għad-dritt ta’ reċess u jidderogaw minn eċċezzjonijiet speċifiċi mid-dritt ta’ reċess.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa li jinnotifikaw kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali adottata f’dan ir-rigward lill-Kummissjoni biex din tkun tista’ tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-partijiet interessati kollha u tissorvelja n-natura proporzjonata u l-legalità ta’ dawk il-miżuri.
- = -
(56) Fir-rigward ta’ prattiki aggressivi u qarrieqa fil-kuntest ta’ avvenimenti organizzati f’postijiet differenti mill-bini tal-kummerċjant, id-Direttiva 2005/29/KE hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kundizzjoni ta’ stabbiliment jew ta’ reġimi ta’ awtorizzazzjoni li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq il-kummerċjanti.
barra minn dan, dik id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt kuntrattwali nazzjonali u, b’mod partikolari, għar-regoli dwar il-validità, il-forma u l-effetti ta’ kuntratt.
Il-prattiki aggressivi u qarrieqa fil-kuntest ta’ avvenimenti organizzati f’postijiet differenti mill-bini tal-kummerċjant jistgħu jiġu pprojbiti abbażi ta’ valutazzjoni każ b’każ taħt l-Artikoli 5 sa 9 ta’ dik id-Direttiva.
barra minn hekk, l-Anness I għal dik id-Direttiva jinkludi projbizzjoni ġenerali ta’ prattiki fejn il-kummerċjant joħloq l-impressjoni li l-kummerċjant mhuwiex qed jaġixxi għal skopijiet relatati mal-professjoni tal-kummerċjant, u ta’ prattiki li joħolqu l-impressjoni li l-konsumatur ma jistax jitlaq mill-bini qabel ma jiġi konkluż kuntratt.
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk ir-regoli attwali jipprovdux livell adegwat ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u għodod adegwati biex l-Istati Membri jindirizzaw tali prattiki b’mod effettiv.
- = -
(58) Sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal informazzjoni aġġornata dwar id-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi u dwar ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim barra mill-qorti, il-punt ta’ aċċess online li jrid jiġi żviluppat mill-Kummissjoni jenħtieġ li, sa fejn possibbli, ikun faċli għall-utent, adattat biex jiġi aċċessat fuq il-mowbajl, faċilment aċċessibbli u li jista’ jintuża minn kulħadd, inklużi persuni b’diżabbiltà (“disinn għal kulħadd”).
- = -