(14) Jenħtieġ li jiġu inklużi regoli dwar il-penali fid-Direttiva 93/13/KEE bil-ħsieb li jissaħħaħ l-effett ta’ deterrent tagħha.
L-Istati Membri huma liberi li jiddeċiedu dwar il-proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja għall-applikazzjoni ta’ penali għall-ksur ta’ dik id-Direttiva.
B’mod partikolari, l-awtoritajiet amministrattivi jew il-qrati nazzjonali jistgħu jimponu penali meta jistabbilixxu n-natura inġusta ta’ termini kuntrattwali, inkluż abbażi ta’ proċedimenti ġuridiċi mibdija minn awtorità amministrattiva.
Il-penali jistgħu jiġu imposti wkoll minn awtoritajiet amministrattivi jew qrati nazzjonali meta l-bejjiegħ jew il-fornitur juża termini kuntrattwali li huma b’mod espliċitu definiti bħala inġusti fiċ-ċirkostanzi kollha fid-dritt nazzjonali kif ukoll meta l-bejjiegħ jew il-fornitur juża termini kuntrattwali li jkunu nstabu li huma inġusti permezz ta’ deċiżjoni vinkolanti finali.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-awtoritajiet amministrattivi għandhom ukoll id-dritt li jistabbilixxu n-natura inġusta ta’ termini kuntrattwali.
L-awtoritajiet amministrattivi jew il-qrati nazzjonali jistgħu jimponu penali wkoll permezz tal-istess deċiżjoni li biha tiġi stabbilita n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali.
L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-mekkaniżmi adatti ta’ koordinazzjoni għal azzjonijiet fil-livell nazzjonali fir-rigward tar-rimedju individwali u l-penali.
- = -
(27) Il-fornituri tas-swieq online jenħtieġ li jinfurmaw lill-konsumaturi jekk parti terza li toffri oġġetti, servizzi jew kontenut diġitali tkunx kummerċjant jew le, abbażi tad-dikjarazzjoni li saret lilhom mill-parti terza.
Meta l-parti terza li toffri l-oġġetti, is-servizzi jew il-kontenut diġitali tiddikjara li l-istatus tagħha mhuwiex ta’ kummerċjant, il-fornituri tas-swieq online jenħtieġ li jipprovdu dikjarazzjoni qasira li turi li d-drittijiet tal-konsumatur li jirriżultaw mil-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur ma japplikawx għall-kuntratt konkluż.
Barra minn hekk, il-konsumaturi jenħtieġ li jiġu infurmati dwar kif l-obbligi relatati mal-kuntratt huma kondiviżi bejn il-partijiet terzi li joffru l-oġġetti, is-servizzi jew il-kontenut diġitali u l-fornituri tas-swieq online.
Jenħtieġ li l-informazzjoni tingħata b’mod ċar u komprensibbli u mhux biss fit-termini u kundizzjonijiet standard jew dokumenti kuntrattwali simili.
Jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal fornituri tas-swieq online jkunu proporzjonati.
Dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li joħolqu bilanċ bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetittività tal-fornituri tas-swieq online.
Jenħtieġ li fornituri tas-swieq online ma jkollhomx bżonn jelenkaw drittijiet speċifiċi tal-konsumaturi meta jinfurmaw lill-konsumaturi dwar in-nonapplikabbiltà tagħhom.
Dan huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-konsumatur previsti fid-Direttiva 2011/83/UE, u b’mod partikolari fl-Artikolu 6(1) tagħha.
L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta dwar ir-responsabbiltà għall-iżgurar tad-drittijiet tal-konsumatur tiddependi fuq l-arranġamenti kuntrattwali bejn il-fornituri tas-swieq online u l-kummerċjanti rilevanti ta’ terzi persuni.
Il-fornitur tas-suq online jista’ jindika li kummerċjant terz huwa unikament responsabbli biex ikunu żgurati d-drittijiet tal-konsumatur, jew jista’ jiddeskrivi r-responsabbiltajiet speċifiċi tiegħu stess fejn dak il-fornitur jassumi r-responsabbiltà għal ċerti aspetti tal-kuntratt, pereżempju, għall-kunsinna jew matul l-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess.
- = -
(45) Il-kummerċjanti jistgħu jippersonalizzaw il-prezz tal-offerti tagħhom għal konsumaturi speċifiċi jew kategoriji speċifiċi ta’ konsumatur abbażi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat u tfassil tal-profil tal-imġiba tal-konsumatur li jippermetti lill-kummerċjanti jivvalutaw il-kapaċità tal-akkwist tal-konsumatur.
Għalhekk, il-konsumaturi jenħtieġ li jkunu infurmati b’mod ċar meta l-prezz ippreżentat lilhom ikun personalizzat fuq il-bażi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat, sabiex dawn ikunu jistgħu jqisu r-riskji potenzjali fid-deċiżjoni tagħhom li jakkwistaw.
Konsegwentement, jenħtieġ li jiżdied rekwiżit ta’ informazzjoni speċifiku fid-Direttiva 2011/83/UE biex il-konsumatur jiġi infurmat meta l-prezz ikun personalizzat, abbażi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat.
Dan ir-rekwiżit ta’ informazzjoni jenħtieġ li ma japplikax għal tekniki bħal ipprezzar “dinamiku” jew “f’ħin reali” li jinvolvu bidla fil-prezz b’mod flessibbli ħafna u ta’ malajr b’rispons għad-domandi tas-suq meta dawk it-tekniki ma jkunux jinvolvu l-personalizzazzjoni abbażi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat.
Dan ir-rekwiżit ta’ informazzjoni huwa mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679, li jipprovdi, fost oħrajn, għad-dritt tal-individwu li ma jkunx soġġett għal teħid ta’ deċiżjonijiet individwali awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta’ profili.
- = -
(52) Tali prattika tista’ għalhekk tkun ikkunsidrata bħala li tmur kontra d-Direttiva 2005/29/KE, abbażi ta’ valutazzjoni każ b’każ ta’ elementi rilevanti.
Biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni eżistenti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-konsumatur u l-ikel, ingħatat gwida dwar l-applikazzjoni tar-regoli attwali tal-Unjoni għal sitwazzjonijiet ta’ kwalità dupliċi tal-ikel fl-Avviż tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Settembru 2017“dwar l-applikazzjoni tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-ikel minħabba kwistjonijiet ta’ differenzi fil-kwalità tal-istess prodotti – Il-każ speċifiku tal-ikel”.
F’dan il-kuntest, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni ppreżenta, fil-25 ta’ April 2018, “Qafas għall-għażla u l-ittestjar ta’ prodotti tal-ikel sabiex jiġu evalwati l-karatteristiċi relatati mal-kwalità: metodoloġija ta’ ittestjar armonizzat tal-UE”.
- = -
(56) Fir-rigward ta’ prattiki aggressivi u qarrieqa fil-kuntest ta’ avvenimenti organizzati f’postijiet differenti mill-bini tal-kummerċjant, id-Direttiva 2005/29/KE hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kundizzjoni ta’ stabbiliment jew ta’ reġimi ta’ awtorizzazzjoni li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq il-kummerċjanti.
Barra minn dan, dik id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt kuntrattwali nazzjonali u, b’mod partikolari, għar-regoli dwar il-validità, il-forma u l-effetti ta’ kuntratt.
Il-prattiki aggressivi u qarrieqa fil-kuntest ta’ avvenimenti organizzati f’postijiet differenti mill-bini tal-kummerċjant jistgħu jiġu pprojbiti abbażi ta’ valutazzjoni każ b’każ taħt l-Artikoli 5 sa 9 ta’ dik id-Direttiva.
Barra minn hekk, l-Anness I għal dik id-Direttiva jinkludi projbizzjoni ġenerali ta’ prattiki fejn il-kummerċjant joħloq l-impressjoni li l-kummerċjant mhuwiex qed jaġixxi għal skopijiet relatati mal-professjoni tal-kummerċjant, u ta’ prattiki li joħolqu l-impressjoni li l-konsumatur ma jistax jitlaq mill-bini qabel ma jiġi konkluż kuntratt.
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk ir-regoli attwali jipprovdux livell adegwat ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u għodod adegwati biex l-Istati Membri jindirizzaw tali prattiki b’mod effettiv.
- = -