(1) Sabiex tibqa’ kompetittiva fis-swieq globali, l-Unjoni trid ittejjeb il-funzjonament tas-suq intern u tilħaq b’suċċess l-isfidi multipli maħluqa llum minn ekonomija xprunata dejjem aktar mit-teknoloġija.
L-Istrateġija dwar Suq Uniku Diġitali tistabbilixxi qafas komprensiv li jiffaċilita l-integrazzjoni tad-dimensjoni diġitali fis-suq intern.
L-ewwel pilastru tal-Istrateġija dwar Suq Uniku Diġitali jindirizza l-frammentazzjoni fil-kummerċ intra-UE billi jittratta l-ostakli prinċipali tal-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku transfruntier, li jikkostitwixxi l-aktar parti sinifikanti ta’ bejgħ transfruntier ta’ oġġetti min-negozju għall-konsumatur.
- = -
(6) Ir-regoli tal-Unjoni applikabbli għall-bejgħ ta’ oġġetti għadhom frammentati għalkemm ir-regoli dwar il-kundizzjonijiet tal-konsenja u, fir-rigward ta’ kuntratti mill-bogħod u barra mill-post tan-negozju, ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali u d-dritt tal-irtirar diġà kienu armonizzati b’mod sħiħ fid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).
Elementi kuntrattwali prinċipali oħra bħall-kriterji ta’ konformità, ir-rimedji għal nuqqas ta’ konformità mal-kuntratt u l-modalitajiet prinċipali għall-eżerċitar tagħhom, fil-preżent huma soġġetti għal armonizzazzjoni minima fil-qafas tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).
L-Istati Membri tħallew imorru lil hinn mill-istandards tal-Unjoni u jintroduċu jew iżommu regoli li jiżguraw li jintlaħaq livell saħansitra ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur.
B’dan il-mod, huma ħadu azzjoni fuq elementi differenti u f’livelli differenti.
Għalhekk, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 1999/44/KE jvarjaw b’mod sinifikanti fuq elementi essenzjali, bħan-nuqqas jew l-eżistenza ta’ ġerarkija ta’ rimedji.
- = -
(13) Din id-Direttiva u d-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jenħtieġ li jikkomplementaw lil xulxin.
Filwaqt li d-Direttiva (UE) 2019/770 tistabbilixxi regoli dwar ċerti rekwiżiti li jikkonċernaw kuntratti għall-provvista ta’ kontenut jew servizzi diġitali, din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar ċerti rekwiżiti rigward kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti.
Għaldaqstant, sabiex jiġu ssodisfati l-aspettattivi tal-konsumaturi u jiġi żgurat qafas legali sempliċi u ċar għall-kummerċjanti ta’ kontenut diġitali jew servizzi diġitali, id-Direttiva (UE) 2019/770 tapplika għall-provvista ta’ kontenut jew servizzi diġitali, inkluż kontenut diġitali pprovdut fuq mezz tanġibbli, bħal DVDs, CDs, USB sticks u kards tal-memorja, kif ukoll għall-mezz tanġibbli nnifsu, dment li l-mezz tanġibbli jservi esklussivament bħala trasportatur tal-kontenut diġitali.
Għall-kuntrarju, jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għal kuntratti ta’ bejgħ ta’ oġġetti, inkluż oġġetti b’elementi diġitali li jirrikjedu kontenut jew servizz diġitali sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom.
- = -
(70) Minħabba li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tikkontribwixxi għall-funzjonament tas-suq intern billi tindirizza b’mod konsistenti l-ostakli marbutin mal-liġi dwar il-kuntratti għall-bejgħ transfruntier ta’ oġġetti fl-Unjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, minħabba l-fatt li kull Stat Membru individwalment mhuwiex f’pożizzjoni li jindirizza l-qafas legali frammentat eżistenti billi jiżgura l-koerenza tal-liġi tiegħu mal-liġijiet tal-Istati Membri l-oħra, iżda jista’, billi jitneħħew l-ostakli prinċipali relatati mad-dritt tal-kuntratti permezz ta’ armonizzazzjoni sħiħa jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.
- = -
(71) Huwa xieraq li l-Kummissjoni tagħmel rieżami tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha, inklużi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar ir-rimedji, l-oneru tal-provi anki fir-rigward ta’ oġġetti użati kif ukoll oġġetti mibjugħa f’irkanti pubbliċi u l-garanzija kummerċjali tal-produttur rigward id-durabbiltà.
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta wkoll jekk l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tad-Direttiva (UE) 2019/770 tiżgurax qafas legali konsistenti u koerenti fir-rigward tal-provvista ta’ kontenut jew servizzi diġitali u oġġetti b’elementi diġitali.
- = -