(8) Filwaqt li l-konsumaturi jgawdu livell għoli ta’ protezzjoni meta jixtru minn pajjiż ieħor b’riżultat tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 593/2008, il-frammentazzjoni legali taffettwa b’mod negattiv ukoll il-livell ta’ fiduċja tal-konsumaturi fit-tranżazzjonijiet transfruntiera.
Filwaqt li diversi fatturi jikkontribwixxu għal dan in-nuqqas ta’ fiduċja, l-inċertezza dwar drittijiet kuntrattwali ewlenin hija fost l-akbar tħassib tal-konsumaturi.
Din l-inċertezza teżisti b’mod indipendenti minn jekk il-konsumaturi jkunux protetti bir-regoli obbligatorji tal-liġi tal-kuntratti mal-konsumatur tal-Istat Membru tagħhom stess f’każ li fih bejjiegħa jidderieġu l-attivitajiet transfruntiera tagħhom lejhom, jew jekk il-konsumaturi jikkonkludux kuntratti transfruntiera ma’ bejjiegħa mingħajr ma l-bejjiegħa rispettivi jwettqu attivitajiet kummerċjali fl-Istat Membru tal-konsumatur.
- = -
(15) Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għal kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, inkluż oġġetti b’elementi diġitali meta l-assenza tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness timpedixxi lill-oġġetti milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom u meta tali kontenut jew servizz diġitali jkun ipprovdut mal-oġġetti skont il-kuntratt tal-bejgħ li jikkonċerna dawn l-oġġetti.
Jenħtieġ li l-kwistjoni ta’ jekk il-provvista tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness tiffurmax parti mill-kuntratt tal-bejgħ mal-bejjiegħ tiddependi mill-kontenut ta’ dan il-kuntratt.
Dan jenħtieġ li jinkludi kontenut jew servizzi diġitali inkorporati jew interkonnessi li l-provvista tagħhom tkun meħtieġ b’mod espliċitu fil-kuntratt.
Jenħtieġ li jinkludi wkoll kuntratti ta’ bejgħ li jistgħu jiġu interpretati li jkopru l-provvista ta’ kontenut diġitali speċifiku jew servizz diġitali speċifiku għaliex ikunu normali f’oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jkunu hemm fid-dawl tan-natura tal-oġġetti u ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula mill-bejjiegħ, f’ismu jew minn persuni oħra f’ħoloq preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet, inkluż il-produttur.
Jekk, pereżempju, sett tat-televiżjoni intelliġenti jkun ġie reklamat bħala li jinkludi applikazzjoni partikolari tal-video, dik l-applikazzjoni tkun meqjusa bħala parti mill-kuntratt tal-bejgħ.
Dan jenħtieġ li japplika irrispettivament minn jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali jkunx installat minn qabel fl-oġġett innifsu jew jekk ikollux jitniżżel sussegwentement fuq apparat ieħor u jkun biss interkonness mal-oġġett.
Pereżempju, smartphone jista’ jinbiegħ b’applikazzjoni standardizzata installata minn qabel u pprovduta taħt il-kuntratt tal-bejgħ, pereżempju alarm jew kamera.
Eżempju ieħor possibbli huwa dak ta’ arloġġ intelliġenti.
tali każ, l-arloġġ stess ikun meqjus bħala l-oġġett b’elementi diġitali li jista’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu esklużivament b’applikazzjoni pprovduta skont il-kuntratt tal-bejgħ iżda li trid titniżżel mill-konsumatur fuq smartphone; l-applikazzjoni f’dan il-każ tkun l-element diġitali interkonness.
Jenħtieġ li dan japplika wkoll jekk il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness ma jkunx fornut mill-bejjiegħ innifsu iżda pprovdut, minn parti terza, taħt il-kuntratt tal-bejgħ.
Sabiex tiġi evitata l-inċertezza kemm għall-bejjiegħa kif ukoll għall-konsumaturi, f’każ ta’ dubju dwar jekk il-provvista tal-kontenut jew is-servizz diġitali tkunx parti mill-kuntratt tal-bejgħ, jenħtieġ li japplikaw ir-regoli ta’ din id-Direttiva.
Barra minn hekk, jenħtieġ li r-relazzjoni kuntrattwali bilaterali, bejn il-bejjiegħ u l-konsumatur, li tkopri l-provvista tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness ma tkunx affettwata mis-sempliċi fatt li l-konsumatur għandu jagħti l-kunsens tiegħu għal ftehim ta’ liċenzjar ma’ parti terza sabiex jibbenefika mill-kontenut jew is-servizz diġitali.
- = -
(16) B’kuntrast, jekk in-nuqqas tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness ma jwaqqafx lill-oġġetti milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom, jew jekk il-konsumatur jikkonkludi kuntratt għall-provvista ta’ kontenut jew servizz diġitali li ma jiffurmax parti minn kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, dak il-kuntratt jenħtieġ li ikun meqjus separat mill-kuntratt għal bejgħ tal-oġġetti, anki jekk il-bejjiegħ jaġixxi bħala intermedjarju ta’ dak it-tieni kuntratt mal-fornitur terz, u jista’ jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/770 jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tagħha.
Pereżempju, jekk il-konsumatur iniżżel logħba fuq l-ismartphone tiegħu, il-kuntratt għall-provvista ta’ dik l-applikazzjoni tkun separata mill-kuntratt għall-bejgħ tal-ismartphone innifsu.
Jenħtieġ li din id-Direttiva għalhekk tapplika biss għall-kuntratt tal-bejgħ tal-ismartphone, filwaqt li l-provvista tal-applikazzjoni tal-logħob jenħtieġ taqa’ taħt id-Direttiva (UE) 2019/770, jekk il-kondizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva jiġu ssodisfatti.
Eżempju ieħor huwa fejn jiġi miftiehem b’mod espliċitu li l-konsumatur jixtri smartphone mingħajr sistema operattiva speċifika u l-konsumatur sussegwentement jikkonkludi kuntratt għall-provvista ta’ sistema operattiva minn parti terza.
F’tali każ, il-provvista tas-sistema operattiva li tinxtara separatament ma tifformax parti mill-kuntratt tal-bejgħ u għalhekk ma taqax fl-ambitu tad-Direttiva (UE) 2019/770, iżda tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/770, jekk il-kondizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva jiġu ssodisfatti.
- = -
(21) Jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu wkoll liberi li jestendu l-applikazzjoni tar-regoli ta’ din id-Direttiva għal kuntratti li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jew inkella li jirregolaw dan it-tip ta’ kuntratti.
Pereżempju, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jestendu l-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi minn din id-Direttiva anki għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li mhumiex konsumaturi fis-sens ta’ din id-Direttiva, pereżempju l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, in-negozji l-ġodda u l-SMEs.
- = -
(23) Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għal kwalunkwe kuntratt fejn il-bejjiegħ jittrasferixxi jew jintrabat li jittrasferixxi s-sjieda ta’ oġġetti lill-konsumatur.
Il-fornituri ta’ pjattaformi jistgħu jitqiesu bħala bejjiegħa taħt din id-Direttiva jekk jaġixxu għal skopijiet relatati man-negozju tagħhom u bħala s-sieħeb kuntrattwali dirett tal-konsumatur għall-bejgħ tal-oġġetti.
L-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jestendu l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għal fornituri ta’ pjattaformi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti sabiex ikunu kkunsidrati bejjiegħa taħt din id-Direttiva.
- = -
(65) Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jippreġudika l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 593/2008 u r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).
- = -
(71) Huwa xieraq li l-Kummissjoni tagħmel rieżami tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha, inklużi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar ir-rimedji, l-oneru tal-provi anki fir-rigward ta’ oġġetti użati kif ukoll oġġetti mibjugħa f’irkanti pubbliċi u l-garanzija kummerċjali tal-produttur rigward id-durabbiltà.
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta wkoll jekk l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tad-Direttiva (UE) 2019/770 tiżgurax qafas legali konsistenti u koerenti fir-rigward tal-provvista ta’ kontenut jew servizzi diġitali u oġġetti b’elementi diġitali.
- = -