(1) Sabiex tibqa’ kompetittiva fis-swieq globali, l-Unjoni trid ittejjeb il-funzjonament tas-suq intern u tilħaq b’suċċess l-isfidi multipli maħluqa llum minn ekonomija xprunata dejjem aktar mit-teknoloġija.
L-Istrateġija dwar Suq Uniku Diġitali tistabbilixxi qafas komprensiv li jiffaċilita l-integrazzjoni tad-dimensjoni diġitali fis-suq intern.
L-ewwel pilastru tal-Istrateġija dwar Suq Uniku Diġitali jindirizza l-frammentazzjoni fil-kummerċ intra-UE billi jittratta l-ostakli prinċipali tal-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku transfruntier, li jikkostitwixxi l-aktar parti sinifikanti ta’ bejgħ transfruntier ta’ oġġetti min-negozju għall-konsumatur.
- = -
(20) Jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jirregolaw l-obbligi ta’ informazzjoni tal-bejjiegħ b’rabta mal-konklużjoni tal-kuntratt jew id-dmir tal-bejjiegħ li jwissi lill-konsumatur dwar, pereżempju, ċerti karatteristiċi tal-oġġett, l-adegwatezza tal-materjali pprovduti mill-konsumatur jew l-iżvantaġġi li jistgħu jirriżultaw mit-talbiet speċifiċi tal-konsumatur, pereżempju talba mill-konsumatur għall-użu ta’ drapp speċifiku biex titħiet libsa.
- = -
(31) Bħala prinċipju, fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali fejn il-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporati fl-oġġetti, jew interkonnessi magħhom, ikunu pprovduti f’att ta’ provvista wieħed, il-bejjiegħ jenħtieġ li jkun responsabbli biss għan-nuqqas ta’ konformità eżistenti fil-mument tal-konsenja.
Madankollu, jenħtieġ li fl-obbligu li jingħataw aġġornamenti jirriflettu l-fatt li l-ambjent diġitali ta’ kwalunkwe oġġett bħal dan jinbidel kontinwament.
Għalhekk, l-aġġornamenti huma għodda meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-oġġetti jkunu jistgħu jiffunzjonaw bl-istess mod kif kienu fil-mument tal-konsenja.
Barra minn hekk, b’differenza minn oġġetti tradizzjonali, l-oġġetti b’elementi diġitali mhumiex kompletament separati mill-isfera tal-bejjiegħ peress li l-bejjiegħ, jew persuna terza li tipprovdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali taħt il-kuntratt tal-bejgħ, tista’ taġġorna l-oġġetti mill-bogħod, ġeneralment permezz tal-Internet.
Għalhekk, jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali jkunu fornuti permezz ta’ att uniku ta’ provvista, jenħtieġ li l-bejjiegħ ikun responsabbli li jipprovdi l-aġġornamenti meħtieġa biex l-oġġetti b’elementi diġitali jinżammu f’konformità fil-perjodu li l-konsumatur jista’ jistenna raġonevolment, anki jekk l-oġġetti kienu f’konformità fil-mument tal-konsenja.
Jenħtieġ li l-perjodu ta’ żmien li fih il-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jirċievi aġġornamenti jiġi vvalutat abbażi tat-tip u l-iskop tal-oġġetti u l-elementi diġitali, u filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi u n-natura tal-kuntratt tal-bejgħ.
Konsumatur normalment jistenna li jirċievi aġġornamenti għal mhux inqas mit-tul ta’ żmien li matulu l-bejjiegħ ikun responsabbli għal nuqqas ta’ konformità, waqt li f’xi każijiet l-istennija raġonevoli tal-konsumatur tista’ testendi lil hinn minn dak il-perjodu, kif jista’ jkun il-każ partikolarment fir-rigward tal-aġġornamenti tas-sigurtà.
F’każijiet oħra, pereżempju fir-rigward ta’ oġġetti b’elementi diġitali li l-għan tagħhom huwa limitat fiż-żmien, l-obbligu tal-bejjiegħ li jipprovdi aġġornamenti normalment ikun limitat għal dak iż-żmien.
- = -