(1) Sabiex tibqa’ kompetittiva fis-swieq globali, l-Unjoni trid ittejjeb il-funzjonament tas-suq intern u tilħaq b’suċċess l-isfidi multipli maħluqa llum minn ekonomija xprunata dejjem aktar mit-teknoloġija.
L-Istrateġija dwar Suq Uniku Diġitali tistabbilixxi qafas komprensiv li jiffaċilita l-integrazzjoni tad-dimensjoni diġitali fis-suq intern.
L-ewwel pilastru tal-Istrateġija dwar Suq Uniku Diġitali jindirizza l-frammentazzjoni fil-kummerċ intra-UE billi jittratta l-ostakli prinċipali tal-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku transfruntier, li jikkostitwixxi l-aktar parti sinifikanti ta’ bejgħ transfruntier ta’ oġġetti min-negozju għall-konsumatur.
- = -
(2) L-Artikolu 26(1) u (2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-Unjoni għandha tadotta miżuri bil-għan li tistabbilixxi jew tiżgura l-funzjonament tas-suq intern, li għandu jinkludi żona mingħajr fruntieri interni fejn jiġi żgurat il-moviment liberu tal-oġġetti u s-servizzi.
L-Artikolu 169(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 169(2) tat-TFUE jipprevedu li l-Unjoni tikkontribwixxi biex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur permezz ta’ miżuri adottati skont l-Artikolu 114 tat-TFUE fil-kuntest tat-tlestija tas-suq intern.
Id-Direttiva għandha l-għan li tikseb bilanċ tajjeb bejn il-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-promozzjoni tal-kompetittività tal-impriżi, filwaqt li tiżgura r-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.
- = -
(4) Il-kummerċ elettroniku huwa motivatur ewlieni għat-tkabbir fis-suq intern.
Madankollu l-potenzjal tiegħu għat-tkabbir għadu mhuwiex sfruttat b’mod sħiħ.
Sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-Unjoni u jiżdied it-tkabbir, l-Unjoni hemm bżonn li taġixxi malajr u tinkoraġġixxi lill-atturi ekonomiċi sabiex jisfruttaw il-potenzjal sħiħ offrut mis-suq intern.
Il-potenzjal sħiħ tas-suq intern jista’ jiġi sfruttat biss jekk il-parteċipanti kollha fis-suq igawdu aċċess bla xkiel għall-bejgħ transfruntier ta’ oġġetti, inkluż fi tranżazzjonijiet ta’ kummerċ elettroniku.
Ir-regoli tal-liġi kuntrattwali li abbażi tagħhom il-parteċipanti fis-suq jikkonkludu t-tranżazzjonijiet huma fost il-fatturi ewlenin li jiddeterminaw id-deċiżjoni tan-negozji dwar jekk joffrux oġġetti bejn il-fruntieri jew le.
Dawk ir-regoli jinfluwenzaw ukoll ir-rieda tal-konsumaturi li jħaddnu u jafdaw dan it-tip ta’ xiri.
- = -
(32) L-assigurazzjoni ta’ durabbiltà itwal tal-oġġetti hija importanti sabiex jinkisbu mudelli ta’ konsum aktar sostenibbli u ekonomija ċirkolari.
Bl-istess mod, iż-żamma ta’ prodotti mhux konformi barra mis-suq tal-Unjoni billi tissaħħaħ is-sorveljanza tas-suq u jiġu pprovduti l-inċentivi t-tajbin lill-operaturi ekonomiċi hija essenzjali sabiex tiżdied il-fiduċja fil-funzjonament tas-suq intern.
Għal dawk l-għanijiet, leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifika għall-prodott hija l-aktar mezz xieraq sabiex jiddaħħlu rekwiżiti ta’ durabbiltà u rekwiżiti oħrajn marbutin mal-prodott fir-rigward ta’ tipi jew gruppi speċifiċi ta’ prodotti, u għal dan il-għan jintużaw kriterji addattati.
Jenħtieġ għalhekk li din id-Direttiva tkun komplementari għall-objettivi fil-mira f’leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifika bħal din, u jenħtieġ li tinkludi d-durabbiltà bħala kriterju oġġettiv għall-valutazzjoni tal-konformità tal-oġġetti.
Jenħtieġ li d-durabbiltà f’din id-Direttiva tirreferi għall-kapaċità tal-oġġetti li jżommu l-funzjonijiet u l-prestazzjoni meħtieġa tagħhom f’kondizzjonijiet normali ta’ użu.
Sabiex l-oġġetti jkunu konformi jenħtieġ li jkollhom id-durabbiltà normali għal oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna fid-dawl tan-natura tal-oġġetti speċifiċi, inkluż il-bżonn ta’ manutenzjoni raġonevoli tal-oġġetti, bħall-ispezzjoni regolari jew it-tibdil tal-filtri f’karozza, u ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula minn jew f’isem kwalunkwe persuna li tikkostitwixxi ħolqa fil-katina tat-tranżazzjonijiet.
Jenħtieġ li l-valutazzjoni tqis ukoll iċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra kollha, bħall-prezz tal-oġġetti u l-intensità jew il-frekwenza tal-użu li l-konsumatur jagħmel mill-oġġetti.
Barra minn hekk, sa fejn ikun hemm indikata informazzjoni speċifika dwar id-durabbiltà f’kull dikjarazzjoni prekuntrattwali li tifforma parti mill-kuntratt tal-bejgħ, jenħtieġ li l-konsumatur ikun jista’ jiddependi fuqha bħala parti mir-rekwiżiti soġġettivi għall-konformità.
- = -
(70) Minħabba li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tikkontribwixxi għall-funzjonament tas-suq intern billi tindirizza b’mod konsistenti l-ostakli marbutin mal-liġi dwar il-kuntratti għall-bejgħ transfruntier ta’ oġġetti fl-Unjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, minħabba l-fatt li kull Stat Membru individwalment mhuwiex f’pożizzjoni li jindirizza l-qafas legali frammentat eżistenti billi jiżgura l-koerenza tal-liġi tiegħu mal-liġijiet tal-Istati Membri l-oħra, iżda jista’, billi jitneħħew l-ostakli prinċipali relatati mad-dritt tal-kuntratti permezz ta’ armonizzazzjoni sħiħa jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.
- = -