(6) Id-Direttiva 93/83/KEE (5) tiffaċilita x-xandir transfruntier bis-satellita u r-ritrażmissjoni bil-kejbil tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju minn Stati Membri oħra.
Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta' dik id-Direttiva dwar it-trażmissjonijiet tal-organizzazzjonijiet tax-xandir huma limitati għat-trażmissjonijiet bis-satellita u għalhekk ma japplikawx għas-servizzi online anċillari għax-xandiriet.
Barra minn hekk, filwaqt li d-dispożizzjonijiet dwar trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju minn Stati Membri oħra huma limitati għat-trażmissjonijiet mill-ġdid simultanji, mhux mibdulin u mhux imqassrin bil-kejbil jew b'sistemi microwave u ma jkoprux trażmissjonijiet mill-ġdid permezz ta' teknoloġiji oħra.
- = -
(14) L-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni jistgħu jużaw teknoloġiji differenti meta dawn jittrażmettu mill-ġdid b'mod simultanju, b'mod mhux mibdul u b'mod mhux imqassar, biex tasal għand il-pubbliku trażmissjoni inizjali minn Stat Membru ieħor tal-programmi tat-televiżjoni jew tar-radju.
Is-sinjali li jwasslu l-programmi jistgħu jinkisbu minn operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni mingħand organizzazzjonijiet tax-xandir, li huma stess jittrażmettu dawk is-sinjali lill-pubbliku, b'modi differenti, pereżempju billi jinqabdu s-sinjali trażmessi mill-organizzazzjonijiet tax-xandir jew jirċievu s-sinjali direttament minnhom permezz tal-proċess tekniku ta' injezzjoni diretta.
Is-servizzi ta' tali operaturi jistgħu jiġu offruti bis-satellita, bit-terrestri diġitali, b'netwerks taċ-ċirkwit mobbli jew magħluqin ibbażati fuq l-IPs, u b'netwerks simili jew permezz ta' servizzi tal-aċċess għall-Internet, kif iddefinit fir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).
L-operaturi ta' servizzi ta' trażmissjoni mill-ġdid li jużaw tali teknoloġiji għat-trażmissjonijiet mill-ġdid tagħhom jenħtieġ għalhekk li jkunu koperti minn din id-Direttiva u jibbenefikaw mill-mekkaniżmu li jintroduċi l-immaniġġjar kollettiv obbligatorju tad-drittijiet.
Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm salvagwardji suffiċjenti kontra l-użu mhux awtorizzat ta' xogħlijiet u materjal protett ieħor, li huwa partikolarment importanti fil-każ ta' servizzi bi ħlas, is-servizzi ta' ritrażmissjoni li jiġu offruti permezz ta' servizzi ta' aċċess għall-Internet jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva biss meta dawk is-servizzi ta' ritrażmissjoni jiġu previsti f'ambjent fejn utenti awtorizzati biss ikunu jistgħu jaċċessaw it-trażmissjonijiet mill-ġdid, u l-livell ta' sigurtà tal-kontenut ikun komparabbli għal-livell ta' sigurtà għal kontenut trażmess fuq netwerks immaniġġjati, bħal kejbil jew netwerks taċ-ċirkwit magħluqin ibbażati fuq l-IPs, li fihom il-kontenut li huwa trażmess mill-ġdid ikun kriptat.
Dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li jkunu fattibbli u adegwati.
- = -
(15) Sabiex jittrażmettu mill-ġdid it-trażmissjonijiet inizjali tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju, l-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni għandhom jiksbu awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-dritt esklużiv tal-komunikazzjoni lill-pubbliku ta' xogħlijiet jew materjal protett ieħor.
Sabiex tingħata ċ-ċertezza legali lill-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni u sabiex jingħelbu d-disparitajiet fil-liġi nazzjonali rigward dawn is-servizzi ta' ritrażmissjoni, jenħtieġ li japplikaw regoli simili għal dawk li japplikaw għar-ritrażmissjoni bil-kejbil kif definit fid-Direttiva 93/83/KEE.
Ir-regoli taħt dik id-Direttiva li jinkludu l-obbligu li jiġi eżerċitat id-dritt li tingħata jew tiġi rrifjutata awtorizzazzjoni lil xi operatur ta' servizz ta' ritrażmissjoni permezz ta' organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv.
Taħt dawk ir-regoli, id-dritt ta' għoti jew ċaħda ta' awtorizzazzjoni bħala tali jibqa' intatt, u huwa biss l-eżerċizzju ta' dak id-dritt li huwa sa ċertu punt irregolat.
Id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li jirċievu remunerazzjoni xierqa għar-ritrażmissjoni tax-xogħlijiet tagħhom u ta' materjal protett ieħor.
Meta jiġu ddeterminati termini ta' liċenzjar raġonevoli, inkluża t-tariffa tal-liċenzja, għal ritrażmissjoni f'konformità mad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), jenħtieġ li, fost l-oħrajn, jiġi kkunsidrat il-valur ekonomiku tal-użu tad-drittijiet innegozjati, inkluż il-valur allokat għall-mezzi ta' ritrażmissjoni.
Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju kollettiv tad-dritt tal-ħlas ta' remunerazzjoni unika u ekwa għall-artisti u l-produtturi ta' fonogrammi għall-komunikazzjoni lill-pubbliku ta' fonogrammi kummerċjali kif previst fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE u d-Direttiva 2014/26/UE, b'mod partikolari għad-dispożizzjonijiet tagħhali għandhomx'jaqsmu mad-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet fejn tidħol l-għażla ta' organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv.
- = -
(19) L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw ir-regoli dwar ir-ritrażmissjoni stabbiliti f'din id-Direttiva u fid-Direttiva 93/83/KEE għal sitwazzjonijiet fejn kemm it-trażmissjoni inizjali kif ukoll ir-ritrażmissjoni isiru fit-territorju tagħhom.
- = -
(21) Meta l-organizzazzjonijiet tax-xandir jittrażmettu s-sinjali li jwasslu l-programm tagħhom direttament lill-pubbliku, u b'hekk iwettqu att inizjali ta' trażmissjoni, u b'mod simultanju wkoll jitrażmettu dawk is-sinjali lil organizzazzjonijiet oħra permezz tal-proċess tekniku ta' injezzjoni diretta, pereżempju biex tiġi żgurata l-kwalità tas-sinjali għall-finijiet ta' ritrażmissjoni, it-trażmissjonijiet minn dawk l-organizzazzjonijiet l-oħra jikkostitwixxu att separat ta' komunikazzjoni lill-pubbliku minn dak imwettaq mill-organizzazzjoni tax-xandir.
F'dawk is-sitwazzjonijiet jenħtieġ li japplikaw ir-regoli dwar it-trażmissjonijiet mill-ġdid stabbiliti f'din id-Direttiva u fid-Direttiva 93/83/KEE, kif emendata minn din id-Direttiva.
- = -
(23) Sabiex tkun evitata ċirkomvenzjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini permezz tal-estensjoni tal-perjodu taż-żmien tal-ftehimiet eżistenti dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati li huma rilevanti għall-forniment tas-servizzi anċillari online kif ukoll għall-aċċess għal jew għall-użu ta' dak is-servizz, huwa meħtieġ li l-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jiġi applikat ukoll għall-ftehimiet eżistenti iżda b'perjodu tranżitorju.
Matul dak il-perjodu transitorju, il-prinċipju jenħtieġ li ma japplikax għal dawk il-ftehimiet eżistenti, sabiex b'hekk jingħata l-ħin biex jiġu adattati, fejn huwa neċessarju, skont din id-Direttiva.
Huwa wkoll neċessarju li jiġi previst perjodu tranżitorju sabiex l-organizzazzjonijiet tax-xandir, id-distributuri tas-sinjali u d-detenturi tad-drittijiet jitħallew jadattaw ir-regoli ġodda dwar l-isfruttar ta' xogħlijiet u materjal protett ieħor permezz ta' injezzjoni diretta stabbiliti fid-dispożizzjonijiet f'din id-Direttiva dwar it-trażmissjoni ta' programmi permezz ta' injezzjoni diretta.
- = -
(26) Billi l-għanijiet ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari li tippromwovi l-forniment transfruntier tas-servizzi online anċillari għal ċerti tipi ta' programmi u li tħaffef it-trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista' minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.
Rigward il-forniment transfruntier ta' ċerti servizzi online anċillari tax-xandara, din id-Direttiva ma tobbligax lill-organizzazzjonijiet tax-xandir jipprovdu tali servizzi b'mod transfruntier.
Din id-Direttiva lanqas ma tobbliga lill-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni biex fis-servizzi tagħhom jinkludu programmi tat-televiżjoni jew tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra.
Din id-Direttiva tikkonċerna biss l-eżerċizzju ta' ċerti drittijiet ta' ritrażmissjoni sakemm ikun meħtieġ għas-simplifikazzjoni tal-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati għal tali servizzi, u rigward il-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra.
- = -