(2) L-iżvilupp tat-teknoloġiji diġitali u l-Internet biddlu d-distribuzzjoni tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju u l-aċċess għalihom.
Kulma jmur l-utenti qed jistennew dejjem aktar li jkollhom aċċess għall-programmi tat-televiżjoni u tar-radju kemm diretti kif ukoll on-demand, permezz ta' mezzi tradizzjonali, bħas-satellita jew il-kejbil, u anki b'servizzi online.
Għaldaqstant, minbarra x-xandiriet tagħhom stess tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju, kulma jmur l-organizzazzjonijiet tax-xandir qed joffru dejjem aktar servizzi online anċillari għal tali xandiriet, bħalma huma s-servizzi tax-xandir simultanju u s-servizzi tar-ripetizzjoni.
L-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni, li jiġbru l-programmi tat-televiżjoni u tar-radju f'pakketti u jipprovduhom lill-utenti b'mod simultanju mal-ewwel trażmissjoni ta' dawk ix-xandiriet, mingħajr bidla u mingħajr tqassir, jużaw diversi tekniki ta' ritrażmissjoni, bħall-kejbil, is-satellita, it-terrestri diġitali, u netwerks taċ-ċirkwit mobbli jew magħluqin ibbażati fuq l-IPs, kif ukoll l-Internet miftuħ.
Barra minn hekk, l-operaturi li jiddistribwixxu l-programmi tat-televiżjoni u tar-radju lill-utenti għandhom modi differenti biex jiksbu sinjali li jwasslu l-programmi ta' organizzazzjonijiet tax-xandir, inkluż permezz ta' injezzjoni diretta.
Kulma jmur qed tiżdied id-domanda għal aċċess, min-naħa tal-utenti, għal xandiriet tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li ma joriġinawx biss fl-Istat Membru tagħhom iżda anki fi Stati Membri oħra.
Dawn l-utenti jinkludu membri tal-minoranzi lingwistiċi tal-Unjoni, kif ukollpersuni li jgħixu fi Stat Membru ieħor li mhux l-Istat Membru tal-oriġini tagħhom.
- = -
(8) Din id-Direttiva għandha tkopri s-servizzi online anċillari li joffru l-organizzazzjonijiet tax-xandir li għandhom rabta ċara u subordinata max-xandiriet tal-organizzazzjoni tax-xandir.
Dawk is-servizzi jinkludu s-servizzi li jagħtu aċċess għall-programmi tat-televiżjoni u tar-radju b'mod strettament lineari, b'mod simultanju għax-xandir, u s-servizzi li jagħtu aċċess, fi żmien definit wara x-xandira, għall-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li jkunu diġà xxandru mill-organizzazzjoni tax-xandir, l-hekk imsejħa “servizzi tar-ripetizzjoni”.
Barra minn hekk, is-servizzi online anċillari koperti minn din id-Direttiva jinkludu s-servizzi li jagħtu aċċess għal materjal li jarrekkixxi jew inkella jespandi l-programmi tat-televiżjoni u tar-radju mxandramill-organizzazzjoni tax-xandir, fosthom bi previżjoni, estensjoni, supplimentar jew reviżjoni tal-kontenut tal-programm rilevanti.
Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal servizzi online anċillari li huma pprovduti lill-utenti minn organizzazzjonijiet tax-xandir flimkien mas-servizz tax-xandir.
Jenħtieġ lia tapplika wkoll għal servizzi online anċillari li, filwaqt li jkollhom relazzjoni ċara u subordinata max-xandira, ikunu jistgħu jiġu aċċessati mill-utenti b'mod separat mis-servizz tax-xandir mingħajr ma jkun hemm prekundizzjoni għall-utent li jkollu jikseb aċċess għal dak is-servizz tax-xandir, pereżempju permezz ta' abbonament.
Dan ma jaffetwax il-libertà tal-organizzazzjonijiet tax-xandir li joffru dawn is-servizzi online anċillari bla ħlas jew permezz tal-ħlas. L-għoti tal-aċċess għal xogħol individwali jew materjal protett ieħor li jkun inkorporat fi programm tat-televiżjoni jew tar-radju, jew għal xogħlijiet jew materjal protett ieħor li ma jkunu relatati ma' ebda xandira ta' programmi mill-organizzazzjoni tax-xandir, bħalma huma s-servizzi li jagħtu aċċess għal xogħlijiet mużikali jew awdjoviżivi individwali, albums tal-mużika jew vidjos, pereżempju servizzi ta' video-on-demand, jenħtieġ li ma jaqax fl-ambitu tas-servizzi koperti minn din id-Direttiva.
- = -
(20) Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm ċertezza legali u jinżamm livell għoli ta' protezzjoni għad-detenturi tad-drittijiet, huwa xieraq li jiġi previst li meta l-organizzazzjonijiet tax-xandir jittrażmettu s-sinjali li jwasslu l-programm tagħhom permezz ta' injezzjoni diretta lil distributuri tas-sinjali biss mingħajr ma jittrażmettu direttament il-programmi tagħhom lill-pubbliku, u d-distributuri tas-sinjali jibagħtu dawk is-sinjali li jwasslu l-programm tagħhom lill-utenti tagħhom biex ikunu jistgħu jaraw jew jisimgħu l-programmi, jitqies li jkun seħħ att uniku wieħed biss ta' komunikazzjoni lill-pubbliku, fejn kemm l-organizzazzjonijiet tax-xandir kif ukoll id-distributuri tas-sinjali jipparteċipaw mal-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom.
L-organizzazzjonijiet tax-xandir u d-distributuri tas-sinjali jenħtieġ għalhekk li jiksbu awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet għall-kontribuzzjoni speċifika tagħhom għall-att uniku ta' komunikazzjoni lill-pubbliku.
Il-parteċipazzjoni ta' organizzazzjoni tax-xandir u distributur tas-sinjali fl-att uniku ta' komunikazzjoni lill-pubbliku jenħtieġ li ma twassalx għal responsabbiltà konġunta min-naħa tal-organizzazzjoni tax-xandir u d-distributur tas-sinjal għal dak l-att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku.
L-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jipprovdu fil-livell nazzjonali modalitajiet għall-kisba ta' awtorizzazzjoni għal tali att uniku ta' komunikazzjoni lill-pubbliku, inkluż il-ħlasijiet rilevanti li għandhom isiru lid-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati, b'kont meħud tal-isfruttament rispettiv tax-xogħlijiet u ta' materjal protett ieħor, mill-organizzazzjoni tax-xandir u d-distributur tas-sinjali, relatati mal-att uniku ta' komunikazzjoni lill-pubbliku.
Id-distributuri tas-sinjali jiffaċċjaw, b'mod simili għall-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni, piż sinifikanti għall-awtorizzazzjoni tad-drittijiet, ħlief fir-rigward tad-drittijiet miżmuma mill-organizzazzjonijiet tax-xandir.
L--Istati Membri jenħtieġ għalhekk li jkunu jistgħu jipprevedu li d-distributuri tas-sinjali jibbenefikaw minn mekkaniżmu ta' mmaniġġjar kollettiv obbligatorju tad-drittijiet għat-trażmissjonijiet tagħhom bl-istess mod u sal-istess punt bħall-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni għat-trażmissjonijiet mill-ġdid koperti mid-Direttiva 93/83/KEE u din id-Direttiva.
F'każijiet fejn id-distributuri tas-sinjali sempliċiment jipprovdu “mezzi tekniċi” lill-organizzazzjonijiet tax-xandir, skont it-tifsira tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiżguraw li x-xandira titwassal jew itejbu r-riċeviment tax-xandira, id-distributuri tas-sinjali jenħtieġ li ma jitqisux li jkunu qed jipparteċipaw f'att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku.
- = -