search


keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/2065 MT Art. 36 . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index :


whereas :


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 303

 

Artikolu 36

Mekkaniżmu ta' rispons għall-kriżijiet

1.   Meta sseħħ kriżi, il-Kummissjoni, fuq rakkomandazzjoni tal-Bord, tista' tadotta deċiżjoni li fiha tirrikjedi li fornitur wieħed jew aktar ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jieħdu waħda jew aktar mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

jivvalutaw jekk, u jekk ikun il-każ, sa liema punt u kif, il-funzjonament u l-użu tas-servizzi tagħhom jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għal theddida serja kif imsemmi fil-paragrafu 2, jew x'aktarx jikkontribwixxu għaliha;

(b)

jidentifikaw u japplikaw miżuri speċifiċi, effettivi u proporzjonati, bħal kwalunkwe waħda minn dawk previsti fl-Artikolu 35(1) jew l-Artikolu 48(2), biex jipprevjenu, jeliminaw jew jillimitaw kwalunkwe tali kontribuzzjoni għat-theddida serja identifikata skont il-punt (a) ta' dan il-paragrafu;

(c)

jirrapportaw lill-Kummissjoni, sa ċerta data jew f'intervalli regolari speċifikati fid-deċiżjoni, dwar il-valutazzjonijiet imsemmija fil-punt (a), dwar il-kontenut preċiż, l-implimentazzjoni u l-impatt kwalitattiv u kwantitattiv tal-miżuri speċifiċi meħuda skont il-punt (b) u dwar kwalunkwe kwistjoni oħra relatata ma' dawk il-valutazzjonijiet jew dawk il-miżuri, kif speċifikat fid-deċiżjoni.

Fl-identifikazzjoni u l-applikazzjoni ta' miżuri skont il-punt (b) ta' dan il-paragrafu, il-fornituri tas-servizz għandhom iqisu kif xieraq il-gravità tat-theddida serja msemmija fil-paragrafu 2, l-urġenza tal-miżuri u l-implikazzjonijiet attwali jew potenzjali għad-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha kkonċernati, inkluża l-possibbiltà li l-miżuri jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta.

2.   Għall-fini ta' dan l-Artikolu, kriżi għandha titqies li tkun seħħet meta ċirkostanzi straordinarji jwasslu għal theddida serja għas-sigurtà jew is-saħħa pubblika fl-Unjoni jew f'partijiet sinifikanti tagħha.

3.   Fit-teħid tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

l-azzjonijiet mitluba mid-deċiżjoni jkunu strettament neċessarji, ġustifikati u proporzjonati, b'attenzjoni partikolari għall-gravità tat-theddida serja msemmija fil-paragrafu 2, l-urġenza tal-miżuri u l-implikazzjonijiet attwali jew potenzjali għad-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha kkonċernati, inkluża l-possibbiltà li l-miżuri jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta;

(b)

id-deċiżjoni tispeċifika perjodu raġonevoli li fih ikunu jridu jittieħdu l-miżuri speċifiċi msemmija fil-paragrafu 1, punt (b), b'attenzjoni partikolari għall-urġenza ta' dawk il-miżuri u ż-żmien meħtieġ biex jitħejjew u jiġu implimentati;

(c)

l-azzjonijiet meħtieġa mid-deċiżjoni jkunu limitati għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet xhur.

4.   Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed, tieħu l-passi li ġejjin:

(a)

tinnotifika d-deċiżjoni lill-fornituri li lilhom tkun indirizzata d-deċiżjoni;

(b)

tqiegħed id-deċiżjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku; u

(c)

tinforma lill-Bord bid-deċiżjoni, tistiednu jissottometti l-fehmiet tiegħu dwarha, u żżommu infurmat bi kwalunkwe żvilupp sussegwenti relatat mad-deċiżjoni.

5.   L-għażla ta' miżuri speċifiċi li jkunu jridu jittieħdu skont il-paragrafu 1, punt (b), u l-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu, għandha tibqa' f'idejn il-fornituri indirizzati bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

6.   Il-Kummissjoni tista', fuq inizjattiva tagħha jew fuq talba tal-fornitur, tidħol fi djalogu mal-fornitur biex tiddetermina jekk, fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-fornitur, il-miżuri maħsuba jew implimentati msemmija fil-paragrafu 1, punt (b), humiex effettivi u proporzjonati biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri meħuda mill-fornitur tas-servizzi skont il-paragrafu 1, punt (b) jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 3, punti (a) u (c).

7.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-applikazzjoni tal-miżuri speċifiċi meħuda skont id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, abbażi tar-rapporti msemmija fil-punt (c) ta' dak il-paragrafu u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, inkluża l-informazzjoni li tista' titlob skont l-Artikolu 40 jew 67, b'kont meħud tal-evoluzzjoni tal-kriżi. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-Bord dwar dak il-monitoraġġ, mill-inqas ta' kull xahar.

Jekk il-Kummissjoni tqis li l-miżuri speċifiċi maħsuba jew implimentati skont il-paragrafu 1, punt (b) ma jkunux effettivi jew proporzjonati, hija tista', wara konsultazzjoni mal-Bord, tadotta deċiżjoni li teħtieġ lill-fornitur jirrieżamina l-identifikazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dawk il-miżuri speċifiċi.

8.   Fejn xieraq, fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-kriżi, il-Kummissjoni, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Bord, tista' temenda d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu, billi:

(a)

tirrevoka d-deċiżjoni u, fejn xieraq, ir-rekwiżit li l-pjattaformi online kbar ħafna jew il-magni tat-tiftix online kbar ħafna jieqfu japplikaw il-miżuri identifikati u implimentati skont il-paragrafu 1, punt (b), jew it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7, b'mod partikolari meta r-raġunijiet għal dawn il-miżuri ma jkunux għadhom jeżistu;

(b)

testendi l-perjodu msemmi fil-paragrafu 3, punt (c), b'perjodu ta' mhux aktar minn tliet xhur;

(c)

tqis l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-miżuri, b'mod partikolari l-possibbiltà li l-miżuri jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta.

9.   Ir-rekwiżiti tal-paragrafi 1 sa 6 għandhom japplikaw għad-deċiżjoni u għall-emenda tagħha msemmija f'dan l-Artikolu.

10.   Il-Kummissjoni għandha tqis bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni maħruġa mill-Bord skont dan l-Artikolu.

11.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq bażi annwali wara l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet skont dan l-Artikolu, u, fi kwalunkwe każ, tliet xhur wara t-tmiem tal-kriżi, dwar l-applikazzjoni tal-miżuri speċifiċi meħuda skont dawk id-deċiżjonijiet.


whereas









keyboard_arrow_down