(53) L-għeluq tat-terminu ta' protezzjoni ta' xogħol jinvolvi d-dħul ta' dak ix-xogħol fid-dominju pubbliku u t-tmiem tad-drittijiet li l-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur tipprovdi għal dak ix-xogħol.
Fil-qasam tal-arti viżiva, iċ-ċirkolazzjoni tar-riproduzzjonijiet leali ta' xogħlijiet fid-dominju pubbliku tikkontribwixxi għall-aċċess għall-kultura u l-promozzjoni tagħha, u l-aċċess għall-wirt kulturali.
Fl-ambjent diġitali, il-protezzjoni ta' tali riproduzzjonijiet permezz tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati hija inkonsistenti mat-tmiem tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tax-xogħlijiet.
Barra minn hekk, id-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur li jirregolaw il-protezzjoni ta' tali riproduzzjonijiet iwasslu għal inċertezza legali u jaffettwaw it-tixrid transfruntier ta' xogħlijiet tal-arti viżiva fid-dominju pubbliku. Ċerti riproduzzjonijiet ta' xogħlijiet tal-arti viżiva fid-dominju pubbliku jenħtieġ, għalhekk, li ma jkunux protetti bid-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati.
Dan kollu jenħtieġ li ma jżommx lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali milli jbigħu r-riproduzzjonijiet, bħal kartolini.
- = -
(62) Ċerti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, bħala parti mill-użu normali tagħhom, huma ddisinjati biex jagħtu aċċess lill-pubbliku għal kontenut jew materjal ieħor protetti mid-drittijiet tal-awtur imtella' mill-utenti tagħhom.
Id-definizzjoni ta' fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online stabbilita f'din id-Direttiva jenħtieġ li tkun immirata biss lejn is-servizzi online li għandhom rwol importanti fis-suq tal-kontenut online billi dawn jikkompetu ma' servizzi tal-kontenut online oħrajn, bħas-servizzi ta' streaming awdjo u vidjo online, għall-istess udjenzi.
Is-servizzi koperti minn din id-Direttiva huma servizzi, li l-għanijiet prinċipali tagħhom jew waħda minnhom huma li jaħżnu u jippermettu lill-utenti jtellgħu u jikkondividu ammont kbir ta' kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur bl-iskop li jiksbu profitt minnu, direttament jew indirettament, billi jorganizzawh u jippromwovuh sabiex jattiraw udjenza akbar, inkluż billi jikkategorizzawh u jużaw promozzjoni mmirata fih.
Tali servizzi jenħtieġ li ma jinkludux servizzi li għandhom għan ewlieni ieħor barra dak li jippermetti lill-utenti li jtellgħu u jaqsmu ammont kbir ta' kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur bl-iskop li jiksbu profitt minn dik l-attività.
Is-servizz tal-aħħar jinkludi, pereżempju, servizzi ta' komunikazzjoni elettronika skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), kif ukoll fornituri ta' servizz ta' cloud ta' negozju għal negozju u servizzi ta' cloud, li jippermettu lill-utenti jtellgħu kontenut għall-użu tagħhom infushom, bħaċ-ċiberarmarji (cyberlockers), jew swieq online li l-attività ewlenija tagħhom hija l-bejgħ online, u li ma jagħtux aċċess għal kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur.
- = -
(78) Ċerti kuntratti għall-isfruttament tad-drittijiet armonizzati fil-livell tal-Unjoni għandhom durata twila, li joffru ftit opportunitajiet għal awturi u artisti biex jinnegozjawhom mill-ġdid mal-kontropartijiet tagħhom jew mas-suċċessuri tagħhom fit-titolu fil-każ li l-valur ekonomiku tad-drittijiet ikun ogħla sew mill-istima inizjali.
Għaldaqstant, mingħajr preġudizzju għal-liġi applikabbli għall-kuntratti fl-Istati Membri, jenħtieġ li jiġi previst mekkaniżmu ta' aġġustament tar-remunerazzjoni fir-rigward ta' każijiet meta l-ħlas kien oriġinarjament miftiehem taħt liċenzja jew trasferiment ta' drittijiet isir sproporzjonament baxx b'mod evidenti meta mqabbel mal-ammont tad-dħul rilevanti mill-isfruttament sussegwenti tax-xogħol jew l-iffissar tal-prestazzjoni min-naħa tal-kontroparti kuntrattwali tal-awtur jew l-artist.
Id-dħul kollu rilevanti għall-każ partikolari, inkluż, fejn applikabbli, id-dħul mill-merchandising jenħtieġ li jitqies għall-valutazzjoni ta' jekk in-numerazzjoni hijiex disproporzjonalment baxxa.
Jenħtieġ li l-istudju tas-sitwazzjoni jqis iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull każ, inkluż il-kontribut tal-awtur u l-artist, kif ukoll l-ispeċifiċitajiet u l-prattiki ta' rimunerazzjoni fis-setturi ta' kontenut differenti, u jekk il-kuntratt huwiex ibbażat fuq ftehim ta' negozjar kollettiv.
Jenħtieġ li r-rappreżentanti tal-awturi u l-artisti b'mandat xieraq skont il-liġi nazzjonali, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, ikunu jistgħu jipprovdu assistenza lil awtur jew artist wieħed jew aktar fir-rigward ta' talbiet għall-aġġustament tal-kuntratti, filwaqt li jqisu wkoll l-interessi ta' awturi jew artisti oħra fejn rilevanti.
Jenħtieġ li dawk ir-rappreżentanti jipproteġu l-identità tal-awturi u l-artisti rrappreżentati sakemm dak ikun possibbli.
- = -