(26) L-eżistenza ta' approċċi differenti fl-istati Membri fir-rigward ta' atti ta' riproduzzjoni għall-preservazzjoni minn istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jfixklu l-kooperazzjoni transfruntiera, il-kondiviżjoni tal-mezzi ta' preservazzjoni u l-istabbiliment ta' netwerks ta' preservazzjoni transfruntieri minn tali istituzzjonijiet fis-suq intern, li jwasslu għal użu mhux effiċjenti tar-riżorsi.
Dak jista' jkollu impatt negattiv fuq il-preservazzjoni tal-wirt kulturali.
- = -
(32) Id-dispożizzjonijiet dwar il--liċenzjar kollettiv ta' xogħolijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq introdotti minn din id-Direttiva jistgħu ma jipprovdux soluzzjoni għall-każijiet kollha fejn l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex jiksbu l-awtorizzazzjonijiet kollha neċessarji mid-detenturi tad-drittijiet għall-użu ta' tali xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq.
Dan jista' jkun il-każ pereżempju, fejn ma hemm l-ebda prattika ta' mmaniġġjar kollettiv ta' drittijiet għal ċertu tip ta' xogħol jew materjal ieħor fejn l-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv rilevanti ma tkunx rappreżentattiva b'mod suffiċjenti għall-kategorija tad-detenturi tad-drittijiet u tad-drittijiet ikkonċernati.
F'każijiet partikolari bħal dawn, jenħtieġ li jkun possibbli għall-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali li jagħmlu xogħlijiet jew materjal ieħor, li mhumiex fis-suq u li huma permanentement fil-kollezzjoni tagħhom, disponibbli online fl-istati Membri kollha taħt eċċezzjoni jew limitazzjoni armonizzati għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati.
Huwa importanti li l-użi taħt tali eċċezzjoni jew limitazzjoni jseħħu biss meta jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward tad-disponibbiltà ta' soluzzjonijiet ta' liċenzjar.
In-nuqqas ta' qbil dwar il-kundizzjonijiet tal-liċenzja jenħtieġ li ma jiġix interpretat bħala nuqqas ta' disponibbiltà ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq il-liċenzji.
- = -
(60) Il-pubblikaturi, inklużi dawk ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa, kotba jew pubblikazzjonijiet xjentifiċi u pubblikazzjonijiet tal-mużika, ta' spiss joperaw fuq il-bażi tat-trasferiment tad-drittijiet tal-awtur permezz ta' ftehim kuntrattwali jew dispożizzjonijiet statutorji.
F'dak il-kuntest, il-pubblikaturi jagħmlu investiment bl-għan li jisfruttaw ix-xogħlijiet li jinsabu fil-pubblikazzjonijiet tagħhom u jistgħu f'ċerti każijiet jiġu mċaħħda mid-dħul meta tali xogħlijiet jintużaw skont l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet bħal dawk għall-ikkupjar privat u r-reprografija, inklużi l-iskemi nazzjonali eżistenti korrispondenti għar-reprografija fl-istati Membri, jew taħt skemi ta' self pubbliku.
F'ħafna Stati Membri, il-kumpens għall-użi taħt dawn l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet jinqasam bejn l-awturi u l-pubblikaturi.
Sabiex titqies din is-sitwazzjoni u biex tittejjeb iċ-ċertezza legali għall-partijiet kollha kkonċernati, din id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri li għandhom fis-seħħ skemi eżistenti għall-kondiviżjoni ta' kumpens bejn l-awturi u l-pubblikaturi biex iżommuhom.
Dak huwa partikolarment importanti għall-Istati Membri li kellhom tali mekkaniżmi għall-kondiviżjoni ta' kumpens qabel it-12 ta' Novembru 2015, għalkemm fi Stati Membri oħra, il-kumpens mhuwiex kondiviż u dovut biss lill-awturi f'konformità mal-politiki kulturali nazzjonali.
Filwaqt li din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika b'mod mhux diskriminatorju għall-Istati Membri kollha, jenħtieġ li tirrispetta t-tradizzjonijiet f'dan il-qasam u ma tobbligax lill-Istati Membri li attwalment m'għandhomx dawn l-iskemi ta' kondiviżjoni ta' kumpens biex jintroduċuhom.
Jenħtieġ li hija ma taffettwax l-arranġamenti eżistenti jew dawk futuri fl-istati Membri rigward ir-remunerazzjoni fil-kuntest tas-self pubbliku.
- = -
(78) Ċerti kuntratti għall-isfruttament tad-drittijiet armonizzati fil-livell tal-Unjoni għandhom durata twila, li joffru ftit opportunitajiet għal awturi u artisti biex jinnegozjawhom mill-ġdid mal-kontropartijiet tagħhom jew mas-suċċessuri tagħhom fit-titolu fil-każ li l-valur ekonomiku tad-drittijiet ikun ogħla sew mill-istima inizjali.
Għaldaqstant, mingħajr preġudizzju għal-liġi applikabbli għall-kuntratti fl-istati Membri, jenħtieġ li jiġi previst mekkaniżmu ta' aġġustament tar-remunerazzjoni fir-rigward ta' każijiet meta l-ħlas kien oriġinarjament miftiehem taħt liċenzja jew trasferiment ta' drittijiet isir sproporzjonament baxx b'mod evidenti meta mqabbel mal-ammont tad-dħul rilevanti mill-isfruttament sussegwenti tax-xogħol jew l-iffissar tal-prestazzjoni min-naħa tal-kontroparti kuntrattwali tal-awtur jew l-artist.
Id-dħul kollu rilevanti għall-każ partikolari, inkluż, fejn applikabbli, id-dħul mill-merchandising jenħtieġ li jitqies għall-valutazzjoni ta' jekk in-numerazzjoni hijiex disproporzjonalment baxxa.
Jenħtieġ li l-istudju tas-sitwazzjoni jqis iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull każ, inkluż il-kontribut tal-awtur u l-artist, kif ukoll l-ispeċifiċitajiet u l-prattiki ta' rimunerazzjoni fis-setturi ta' kontenut differenti, u jekk il-kuntratt huwiex ibbażat fuq ftehim ta' negozjar kollettiv.
Jenħtieġ li r-rappreżentanti tal-awturi u l-artisti b'mandat xieraq skont il-liġi nazzjonali, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, ikunu jistgħu jipprovdu assistenza lil awtur jew artist wieħed jew aktar fir-rigward ta' talbiet għall-aġġustament tal-kuntratti, filwaqt li jqisu wkoll l-interessi ta' awturi jew artisti oħra fejn rilevanti.
Jenħtieġ li dawk ir-rappreżentanti jipproteġu l-identità tal-awturi u l-artisti rrappreżentati sakemm dak ikun possibbli.
- = -