(15) L-organizzazzjonijiet ta' riċerka u l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jistgħu, f'ċerti każijiet, pereżempju għal verifika sussegwenti tar-riżultati tar-riċerka xjentifika, ikollhom bżonn iżommu l-kopji li jkunu saru taħt l-eċċezzjoni għall-finijiet tat-twettiq tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data.
F'każijiet bħal dawn, il-kopji jenħtieġ li jinħażnu f'ambjent sikur.
L-Istati Membri jenħtieġ li jiddeċiedu, fil-livell nazzjonali u wara diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, dwar arranġamenti speċifiċi ulterjurii għaż-żamma tal-kopji, inkluża l-kapaċità li jinħatru korpi fdati bil-għan li jinħażnu dawn il-kopji.
Sabiex ma tiġix ristretta bla bżonn l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni, tali arranġamenti jenħtieġ li jkunu proporzjonati u limitati għal dak li huwa meħtieġ għaż-żamma tal-kopji b'mod sikur u għall-prevenzjoni ta' użi mhux awtorizzati.
Jenħtieġ li użi għall-fini ta' riċerka xjentifika, għajr l-estrazzjoni tat-testi u tad-data, bħar-rieżami xjentifika bejn il-pari u r-riċerka konġunta, jibqgħu koperti, fejn applikabbli, bl-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni previsti fl-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva 2001/29/KE.
- = -
(22) L-użu tax-xogħlijiet jew materjal ieħor taħt l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni għall-fini uniku ta' illustrazzjoni għat-tagħlim previst f'din id-Direttiva jenħtieġ li jkun biss fil-kuntest ta' attivitajiet ta' għoti u teħid ta' tagħlim imwettqa taħt ir-responsabbiltà ta' stabbilimenti edukattivi, inkluż matul l-eżamijiet jew attivitajiet ta' tagħlim li jsiru barra mill-bini tal-istabbilimenti edukattivi, pereżempju f'mużew, librerija jew istituzzjoni oħra tal-wirt kulturali, u jenħtieġ li jkun limitat għal dak li huwa meħtieġ għall-iskop ta' attivitajiet bħal dawn.
L-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni jenħtieġ li jkopru kemm l-użi ta' xogħlijiet jew ta' materjal ieħor li jkunu saru fil-klassi jew f'postijiet oħra permezz ta' mezzi diġitali, pereżempju whiteboards elettroniċi jew tagħmir diġitali li jistgħu jkunu konnessi mal-Internet, kif ukoll użi magħmula mill-bogħod permezz ta' ambjenti elettroniċi siguri, bħal fil-kuntest ta' korsijiet online jew aċċess għal materjal ta' tagħlim li jikkumplimenta kors partikolari.
Ambjenti elettroniċi siguri jenħtieġ li jinftiehmu bħala ambjenti diġitali ta' għoti u teħid ta' tagħlim li l-aċċess għalih ikun limitat għall-persunal tat-tagħlim tal-istabbiliment edukattiv u għat-tfal tal-iskola jew l-istudenti li jkunu rreġistrati fi programm ta' studju, b'mod partikolari permezz ta' proċeduri ta' awtentikazzjoni xierqa inklużi awtentikazzjonijiet ibbażati fuq passwords.
- = -
(61) Matul dawn is-snin reċenti, il-funzjonament tas-suq tal-kontenut online sar iktar kumpless. Is-servizzi online tal-kondiviżjoni tal-kontenut li jipprovdu aċċess għal ammont kbir ta' kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur imtella' mill-utenti tagħhom saru sors ewleni ta' aċċess għall-kontenut online.
Is-servizzi online huma mezz kif jingħata aċċess usa' għal xogħlijiet kulturali u kreattivi u jiġu offruti opportunitajiet kbar biex l-industriji kulturali u kreattivi jiżviluppaw mudelli kummerċjali ġodda.
Madankollu, għalkemm huma jippermettu d-diversità u l-faċilità tal-aċċess għall-kontenut, huma jiġġeneraw ukoll kontestazzjonijiet meta kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur jittella' mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tad-detenturi tad-drittijiet.
Teżisti inċertezza legali dwar jekk il-fornituri ta' tali servizzi jinvolvux ruħhom f'atti rilevanti għad-drittijiet tal-awtur u jekk hemmx bżonn li jiksbu awtorizzazzjonijiet mid-detenturi tad-drittijiet għall-kontenut imtella' mill-utenti tagħhom li ma jkollhomx id-drittijiet rilevanti fil-kontenut imtella', mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fil-liġi tal-Unjoni.
Dik l-inċertezza taffettwa l-kapaċità tad-detenturi tad-drittijiet li jiddeterminaw jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, ix-xogħlijiet u materjal ieħor tagħhom jintużawx kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jiksbu remunerazzjoni xierqa għal tali użu.
Għalhekk huwa importanti li jitrawwem l-iżvilupp tas-suq tal-liċenzjar bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online.
Dawn il-ftehimiet ta' liċenzjar jenħtieġ li jkunu ġusti u jżommu bilanċ raġonevoli bejn iż-żewġ partijiet.
Id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li jiksbu remunerazzjoni xierqa għall-użu tax-xogħlijiet u ta' materjal ieħor tagħhom.
Madankollu, billi l-libertà kuntrattwali jenħtieġ li ma tiġix affettwata minn dawk id-dispożizzjonijiet, id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li ma jkunux obbligati jagħtu awtorizzazzjoni jew jikkonkludu ftehimiet ta' liċenzjar.
- = -
(67) B'mod simili għall-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/26/UE, din id-Direttiva tipprevedi regoli fir-rigward ta' servizzi online ġodda.
Ir-regoli previsti f'din id-Direttiva huma maħsuba biex iqisu l-każ speċifiku ta' kumpanniji ġodda li jaħdmu bl-uploads tal-utenti biex jiżviluppaw mudelli ġodda ta' negozju.
Jenħtieġ li r-reġim modifikat applikabbli għal fornituri ta' servizz ġdid b'fatturat u udjenza żgħar ikun ta' benefiċċju għal negozji ġenwinament ġodda, u għalhekk jenħtieġ li ma jibqax japplika tliet snin wara li s-servizzi tagħhom saru disponibbli online għall-ewwel darba fl-Unjoni.
Dak ir-reġim jenħtieġ li ma jiġix abbużat b'arranġamenti li għandhom l-għan li jestendu l-benefiċċji tiegħu wara l-ewwel tliet snin.
B'mod partikolari, jenħtieġ li ma japplikax għal servizzi maħluqa ġodda jew għal servizzi pprovduti taħt isem ġdid iżda li qed iwettqu l-attività ta' fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online diġà eżistenti li ma setax jew ma jibqax jibbenefika minn dak ir-reġim.
- = -