search


keyboard_tab Diritto d'autore 2019/0790 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2019/0790 MT cercato: 'fis-suq' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


index fis-suq:


whereas fis-suq:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 641

 

Artikolu 5

L-użu ta' xogħlijiet u materjal ieħor f'attivitajiet ta' tagħlim diġitali u transfruntier

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet previsti mill-Artikolu 5(a), (b), (d) u (e) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE, l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29/KE, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/24/KE u l-Artikolu 15(1) ta' din id-Direttiva sabiex jippermettu l-użu diġitali ta' xogħlijiet u materjal ieħor għall-iskop uniku ta' illustrazzjoni għat-tagħlim, sa fejn ikun ġustifikat li jintlaħaq mill-iskop mhux kummerċjali, bil-kundizzjoni li tali l-użu:

(a)

isir fi taħt ir-responsabbiltà ta' stabbiliment edukattiv, fil-binjiet tiegħu jew f'postijiet oħra, jew permezz ta' netwerk elettroniku sigur, aċċessibbli biss mill-istabbilimenti edukattivi tal-istudenti u l-għalliema; u

(b)

ikun akkumpanjat bl-indikazzjoni tas-sors, inkluż l-isem tal-awtur, sakemm dan ma jkunx sar impossibbli.

2.   Minkejja l-Artikolu 7(1), l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni adottata skont il-paragrafu 1 ma tapplikax jew ma tapplikax fir-rigward ta' użi jew tipi speċifiċi ta' xogħlijiet jew materjal ieħor, bħal materjal li huwa prinċipalment maħsub għas-suq tal-edukazzjoni jew partituri, sal-punt li liċenzji adegwati li jawtorizzaw l-atti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u li jkopru l-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet tal-istabbilimenti edukattivi ikunu disponibbli faċilment fis-suq.

L-Istati Membri li jiddeċiedu li jagħmlu użu mill-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-liċenzji li jawtorizzaw l-atti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu huma disponibbli u viżibbli b'mod adatt għall-istabbilimenti edukattivi.

3.   L-użu ta' xogħlijiet u materjal ieħor għall-iskop uniku ta' illustrazzjoni għat-tagħlim permezz ta' ambjenti elettroniċi sikuri li jkunu ttieħdu f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati skont dan l-Artikolu għandhom jitqiesu bħala li jseħħu biss fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit l-istabbiliment edukattiv.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu kumpens ġust għad-detenturi tad-drittijiet għall-użu tax-xogħlijiet jew ta' materjal ieħor protetti tagħhom skont il-paragrafu 1.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet komuni

1.   Kwalunkwe dispożizzjoni kuntrattwali kuntrarja għall-eċċezzjonijiet previsti mill-Artikoli 3, 5 u 6 m'għandhiex tkun eżegwibbli.

2.   L-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29/KE għandu japplika għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti minn dan it-Titolu. L-ewwel, it-tielet u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2001/29/KE għandhom japplikaw għall-Artikoli 3 sa 6 ta' din id-Direttiva.

TITOLU III

MIŻURI BIEX JITTEJBU L-PRATTIKI TA' LIĊENZJAR U JIŻGURAW L-AĊĊESS USA' GĦALL-KONTENUT

KAPITOLU 1

Xogħlijiet u materjal ieħor li mhumiex fis-suq

Artikolu 8

L-użu ta' xogħlijiet u materjal ieħor li mhumiex fis-suq minn istituzzjonijiet tal-wirt kulturali

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li meta organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv, f'konformità mal-mandati tagħha mid-detenturi tad-drittijiet, tista' tikkonkludi liċenzja mhux esklużiva għal skopijiet mhux kummerċjali ma' istituzzjoni tal-wirt kulturali għar-riproduzzjoni, id-distribuzzjoni, il-komunikazzjoni lill-pubbliku u t-tqegħid għad-disponibbiltà tal-pubbliku ta' xogħlijiet li mhumiex fis-suq jew materjal ieħor li jkunu permanentement fil-kollezzjoni tal-istituzzjoni, irrispettivament minn jekk id-detenturi tad-drittijiet kollha koperti mil-liċenzja ikunux taw mandat lill-organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv, bil-kundizzjoni li:

(a)

l-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv għandha, abbażi ta' mandati tagħha, li jirrappreżentaw b'mod suffiċjenti lid-detenturi tad-drittijiet fit-tip rilevanti ta' xogħlijiet jew materjal ieħor u tad-drittijiet li huma s-suġġett tal-liċenzja; u

(b)

id-detenturi tad-drittijiet kollha huma ggarantiti trattament ugwali f'dak li għandu x'jaqsam mat-termini tal-liċenzja.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet previsti mill-Artikolu 5(a) (b), (d) u (e) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE, l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29/KE, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/24/KE, u l-Artikolu 15(1) ta' din id-Direttiva, bil-għan li jippermettu lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, jagħmlu, għal skopijiet mhux kummerċjali, xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq u li jinsabu fil-kollezzjonijiet tagħhom disponibbli, bil-kundizzjoni li:

(a)

jiġi indikat l-isem tal-awtur jew kwalunkwe detentur tad-dritt identifikabbli ieħor, sakemm dan ma jinstabx li jkun impossibbli; u

(b)

dawn ix-xogħlijiet jew materjal ieħor huma disponibbli fuq siti web mhux kummerċjali.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni previsti fil-paragrafu 2 japplikaw biss għal tipi ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li għalihom ma teżisti l-ebda organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv li tissodisfa l-kundizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-detenturi tad-drittijiet kollha jistgħu, fi kwalunkwe ħin, b'mod faċli u effikaċi, jeskludu x-xogħlijiet jew materjal ieħor tagħhom mill-mekkaniżmu ta' liċenzjar stabbilit fil-paragrafu 1 jew mill-applikazzjoni tal-eċċezzjoni jew tal-limitazzjoni previsti fil-paragrafu 2, jew b'mod ġenerali jew f'każijiet speċifiċi, fosthom wara l-konklużjoni ta' liċenzja jew wara l-bidu tal-użu kkonċernat.

5.   Xogħol jew materjal ieħor għandhom jitqiesu li mhumiex fis-suq meta ikun jista' jiġi preżunt in bona fede li x-xogħol jew materjal ieħor sħaħ ma jkunux disponibbli għall-pubbliku permezz tal-mezzi tas-soltu tal-kummerċ, wara li jkun sar sforz raġonevoli biex jiġi ddeterminat jekk huwiex disponibbli għall-pubbliku.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu rekwiżiti speċifiċi, bħad-data tal-iskadenza, biex jiddeterminaw jekk ix-xogħlijiet u materjal ieħor jistgħux jiġu lliċenzjati skont il-paragrafu 1 jew jekk jintużawx skont l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni prevista fil-paragrafu 2. Tali rekwiżiti m'għandhomx jestendu lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u raġonevoli, u m'għandhomx jipprekludu li jkun jista' jiġi ddeterminat li sett ta' xogħlijiet jew materjal ieħor bħala entità sħiħa mhuwiex fis-suq, meta huwa raġonevoli li jiġi preżunt li x-xogħlijiet jew materjal ieħor mhumiex fis-suq.

6.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-liċenzji imsemmija fil-paragrafu 1 jitfittxu minn organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv li hija rappreżentattiva tal-Istat Membru fejn hija stabbilita l-istituzzjoni tal-wirt kulturali.

7.   Dan l-Artikolu m'għandux japplika għal settijiet ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq jekk, abbażi tal-isforz raġonevoli msemmi fil-paragrafu 5, ikun hemm evidenza li tali settijiet jikkonsistu l-aktar f':

(a)

xogħlijiet jew materjal ieħor, ħlief għal xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi, li ġew ippubblikati għall-ewwel darba jew, fin-nuqqas ta' pubblikazzjoni, li xxandar għall-ewwel darba f'pajjiż terz;

(b)

xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi, li l-produtturi tagħhom għandhom il-kwartieri ġenerali jew ir-residenza abitwali tagħhom f'pajjiż terz; jew

(c)

ix-xogħlijiet jew materjal ieħor ta' ċittadini ta' pajjiż terz, meta wara sforz raġonevoli l-ebda Stat Membru jew pajjiż terz ma setgħa jiġi determinat skont il-punti (a) u (b).

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, dan l-Artikolu għandu japplika fejn l-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv tkun rappreżentattiva biżżejjed fis-sens tat-tifsira tal-punt (a) tal-paragrafu 1, tad-detenturi tad-dritt tal-pajjiż terz rilevanti.

Artikolu 9

Każijiet transfruntiera

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liċenzji mogħtija f'konformità mal-Artikolu 8 jistgħu jippermettu l-użu ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq min-naħa tal-istituzzjoni tal-wirt kulturali fi kwalunkwe Stat Membru.

2.   L-użu ta' xogħlijiet u materjal ieħor skont l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 8(2) għandu jitqies li jseħħ biss fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-istituzzjoni tal-wirt kulturali li tkun qed tagħmel użu minnu.

Artikolu 10

Miżuri ta' pubbliċità

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, l-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv jew l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti għall-iskopijiet ta' identifikazzjoni ta' xogħlijiet u materjal ieħor li mhumiex fis-suq koperti minn liċenzja mogħtija skont l-Artikolu 8(1), jew użati taħt l-eċċezzjoni jew limitazzjoni previsti fl-Artikolu 8(2), kif ukoll l-informazzjoni dwar il-għażliet disponibbli għad-detenturi tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 8(4), u, malli tkun disponibbli u fejn rilevanti, l-informazzjoni dwar il-partijiet għal-liċenzja, it-territorji koperti u l-użi, tkun permanentement, faċilment u effettivament disponibbli f'portal pubbliku online wieħed minn tal-anqas sitt xhur qabel ma x-xogħlijiet u materjal ieħor jiġu distribwiti, ikkomunikati lill-pubbliku jew magħmula disponibbli lill-pubbliku f'konformità mal-liċenzja jew taħt eċċezzjoni jew limitazzjoni.

Il-portal għandu jiġi stabbilit u amministrat mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea skont ir-Regolament (UE) Nru 386/2012.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, jekk meħtieġ għas-sensibilizzazzjoni ġenerali tad-detenturi tad-drittijiet, jittieħdu miżuri ta' pubbliċità xierqa addizzjonali rigward il-kapaċità għall-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv li jilliċenzjaw xogħlijiet jew materjal ieħor skont l-Artikolu 8, il-liċenzji mogħtija, l-użi skont l-eċċezzjoni jew limitazzjoni previsti mill-Artikolu 8(2) u l-għażliet disponibbli għad-detenturi tad-drittijiet kif imsemmija fl-Artikolu 8(4).

Il-miżuri ta' pubbliċità xierqa msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jittieħdu fl-Istat Membru fejn tintalab il-liċenzja skont l-Artikolu 8(1) jew, għal użi taħt l-eċċezzjoni jew limitazzjoni previsti fl-Artikolu 8(2), fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-istituzzjoni tal-wirt kulturali. Jekk ikun hemm evidenza, bħall-oriġini tax-xogħlijiet jew materjal ieħor, li tissuġġerixxi li s-sensibilizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tista' ssir b'mod aktar effiċjenti fi Stati Membri oħra jew f'pajjiżi terzi, tali miżuri ta' pubbliċità għandhom ikopru wkoll lil dawk l-Istati Membri u pajjiżi terzi.

Artikolu 24

Emendi għad-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE

1.   Id-Direttiva 96/9/KE hija emendata kif ġej:

(a)

Fl-Artikolu 6(2), il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

meta jsir użu għall-fini biss ta' illustrazzjoni għal tagħlim jew riċerka xjentifika, sakemm ikun indikat l-oriġini tal-materjal u kemm ikun ġustifikat għall-fini mhux kummerċjali maħsub għalih;, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti mid-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(*1)  Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).”."

(b)

Fl-Artikolu 9, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

fil-każ ta' estrazzjoni għall-finijiet ta' illustrazzjoni għal tagħlim jew riċerka xjentifika, sakemm ikun indikat l-oriġini tal-materjal u sakemm ikun ġustifikat għall-fini mhux kummerċjali maħsub għalih, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti mid-Direttiva (UE) 2019/790;”

2.   Id-Direttiva 2001/29/KE hija emendata kif ġej:

(a)

Fl-Artikolu 5(2), il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

“(c)

rigward l-atti speċifiċi ta' riproduzzjoni magħmula minn libreriji, stabbilimenti edukattivi jew mużewijiet jew arkivji li għandhom aċċess mill-pubbliku, li mhumiex għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti mid-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2);

(*2)  Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).”."

(b)

Fl-Artikolu 5(3), il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

użu għall-iskop uniku ta' illustrazzjoni għat-tagħlim jew riċerka xjentifika, kemm-il darba s-sors, inkluż l-isem tal-awtur, tkun indikata, sakemm ma jinstabx li jkun impossibbli u sa fejn ikun ġustifikat li jintlaħaq mill-iskop mhux kummerċjali, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti mid-Direttiva (UE) 2019/790;”

(c)

Fl-Artikolu 12(4), jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(e)

li jeżamina l-impatt tat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/790 dwar il-funzjonament tas-suq intern u biex jiġu enfasizzati kwalunkwe diffikultajiet fit-traspożizzjoni;

(f)

biex jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni dwar żviluppi rilevanti fil-leġislazzjoni u fil-każistika, kif ukoll fuq l-applikazzjoni prattika tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jimplimentaw id-Direttiva (UE) 2019/790;

(g)

biex jiddiskuti kwalunkwe mistoqsija oħra li tirriżulta mill-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/790.”.

Artikolu 32

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' April 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 27.

(2)  ĠU C 207, 30.6.2017, p. 80.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' April 2019.

(4)  Id-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta' databases (ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20).

(5)  Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).

(7)  Id-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar dritt ta' kiri u dritt ta' self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 28).

(8)  Id-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter (ĠU L 111, 5.5.2009, p. 16)..

(9)  Id-Direttiva 2012/28/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ċerti użi permessi ta' xogħlijiet orfni (ĠU L 299, 2012.10.27, p. 5).

(10)  Id-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta' liċenzji multiterritorjali ta' drittijiet f'xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 72).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 386/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' April 2012 li permezz tiegħu l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-suq Intern (Trademarks u Disinji) jiġi fdat b'ċerti kompiti relatati mal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż it-tlaqqigħ ta' rappreżentanti mis-settur pubbliku u privat bħala Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (ĠU L 129, 16.5.2012, p. 1).

(12)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta' Settembru 1993 dwar il-kordinazzjoni ta' ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma' drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU L 248, 6.10.1993, p. 15).

(13)  Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

(14)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(15)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) ( ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(17)  Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6).

(18)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(19)  Id-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2017 dwar ċerti użi permessi ta' ċerti xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 242, 20.9.2017, p. 6).

(20)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).


whereas









keyboard_arrow_down