search


keyboard_tab Data Act 2023/2854 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2854 MT cercato: 'organizzattivi' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index organizzattivi:


whereas organizzattivi:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 1179

 

Artikolu 4

Id-drittijiet u l-obbligi tal-utenti u tad-detenturi tad-data fir-rigward tal-aċċess, l-użu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data tal-prodott u data tas-servizz relatat

1.   Fejn id-data ma tistax tiġi aċċessata direttament mill-utent mill-prodott konness jew mis-servizz relatat, id-detenturi tad-data għandhom jagħmlu data faċilment disponibbli, kif ukoll il- metadata rilevanti neċessarja biex tiġi interpretata u użata dik id-data, aċċessibbli għall-utent mingħajr dewmien żejjed, tal-istess kwalità kif inhi disponibbli għad-detentur tad-data, b'mod faċli, b'mod sigur, mingħajr ħlas, f'format komprensiv, strutturat, użat b'mod komuni u li jinqara minn magna, u, fejn rilevanti u teknikament fattibbli, kontinwament u f'ħin reali. Dan għandu jsir abbażi ta' talba sempliċi permezz ta' mezzi elettroniċi fejn dan ikun teknikament fattibbli.

2.   L-utenti u d-detenturi tad-data jistgħu kuntrattwalment jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-aċċess, l-użu jew il-kondiviżjoni ulterjuri tad-data, jekk tali pproċessar jista' jimmina r-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodott konness, kif stabbilit mil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, li jirriżulta f'effett negattiv serju fuq is-saħħa, is-sikurezza jew is-sigurtà ta’ persuni fiżiċi. L-awtoritajiet settorjali jistgħu jipprovdu lill-utenti u lid-detenturi b’għarfien espert tekniku f'dak il-kuntest. Meta d-detentur tad-data jirrifjuta li jikkondividi d-data skont dan l-Artikolu, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-utent li jfittex rimedju fi kwalunkwe stadju quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru, l-utent jista', fir-rigward ta' kwalunkwe tilwima mad-detentur tad-data dwar ir-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet kuntrattwali msemmija fil-paragrafu 2:

(a)

iressaq, f'konformità mal-Artikolu 37(3), il-punt (b), ilment mal-awtorità kompetenti; jew

(b)

jaqbel mad-detentur tad-data li jirreferi l-kwistjoni lil korp għas-soluzzjoni tat-tilwim f'konformità mal-Artikolu 10(1).

4.   Id-detenturi tad-data ma għandhomx irendu indebitament diffiċli l-eżerċizzju tal-għażliet jew id-drittijiet tal-utenti skont dan l-Artikolu, inkluż billi joffru għażliet lill-utenti b'mod mhux newtrali jew billi jimminaw jew jippreġudikaw l-awtonomija, it-teħid tad-deċiżjonijiet jew l-għażliet tal-utent permezz tal-istruttura, id-disinn, il-funzjoni jew il-funzjonament ta' interfaċċa diġitali tal-utent jew parti minnha.

5.   Sabiex tiġi vverifikata jekk persuna fiżika jew ġuridika tikkwalifikax bħala utent skont il-paragrafu 1, detentur tad-data ma għandux jirrikjedi li dik il-persuna tipprovdi kwalunkwe informazzjoni lil hinn minn dak neċessarju. Detentur tad-data ma għandu jżomm l-ebda informazzjoni, b'mod partikolari data tar-reġistru, dwar l-aċċess tal-utent għad-data mitluba lil hinn minn dak neċessarju għall-eżekuzzjoni tajba tat-talba għall-aċċess tal-utent u għas-sigurtà u għall-manutenzjoni tal-infrastruttura tad-data.

6.   Is-sigrieti kummerċjali għandhom jiġu ppreservati u għandhom jiġu ddivulgati biss meta d-detentur tad-data u l-utent jieħdu l-miżuri kollha neċessarji qabel id-divulgazzjoni biex jippreservaw il-kunfidenzjalità tagħhom b'mod partikolari fir-rigward ta' partijiet terzi. Id-detentur tad-data, jew fejn dawn ma jkunux l-istess persuna, id-detentur ta' sigriet kummerċjali, għandu jidentifika d-data li hija protetta bħala sigrieti kummerċjali, inkluż fil- metadata rilevanti, u għandu jaqbel mal-utent dwar miżuri tekniċi u organizzattivi proporzjonati neċessarji biex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tad-data kondiviża, b'mod partikolari fir-rigward ta' partijiet terzi, bħal mudelli ta' termini kuntrattwali, ftehimiet ta' kunfidenzjalità, protokolli stretti ta' aċċess, standards tekniċi u l-applikazzjoni ta' kodiċijiet ta' kondotta.

7.   Meta ma jkun hemm l-ebda ftehim dwar il-miżuri neċessarji msemmija fil-paragrafu 6, jew jekk l-utent jonqos milli jimplimenta l-miżuri miftiehma skont il-paragrafu 6 jew jimmina l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali, id-detentur tad-data jista' jżomm jew, skont il-każ, jissospendi l-kondiviżjoni tad-data identifikata bħala sigrieti kummerċjali. Id-deċiżjoni tad-detentur tad-data għandha tiġi debitament sostanzjata u pprovduta bil-miktub lill-utent mingħajr dewmien żejjed. F'każijiet bħal dawn, id-detentur tad-data jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 31 li jkun żamm jew issospenda l-kondiviżjoni tad-data u jidentifika liema miżuri ma ġewx miftiehma jew implimentati jew, fejn rilevanti, liema sigrieti kummerċjali kellhom il-kunfidenzjalità tagħhom imminata..

8.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali, meta d-detentur tad-data li jkun detentur ta' sigriet kummerċjali kapaċi juri li huwa probabbli ħafna li jġarrab dannu ekonomiku serju mid-divulgazzjoni ta' sigrieti kummerċjali, minkejja l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħuda mill-utent skont il-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, dak id-detentur tad-data jista' jirrifjuta fuq il-bażi ta’ każ b’każ talba għal aċċess għad-data speċifika inkwistjoni. Dik id-dimostrazzjoni għandha tkun debitament sostanzjata abbażi ta' elementi oġġettivi, b'mod partikolari l-infurzabbiltà tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali f'pajjiżi terzi, in-natura u l-livell ta' kunfidenzjalità tad-data mitluba, u l-uniċità u n-novità tal-prodott konness, u għandha tiġi pprovduta bil-miktub lill-utent mingħajr dewmien żejjed. Meta d-detentur tad-data jirrifjuta li jikkondividi d-data skont dan il-paragrafu, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37.

9.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ utent li jfittex rimedju fi kwalunkwe stadju quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru, utent li jixtieq jikkontesta deċiżjoni ta' detentur tad-data li jirrifjuta jew li jżomm jew jissospendi l-kondiviżjoni tad-data skont il-paragrafi 7 u 8 jista':

(a)

iressaq, f'konformità mal-Artikolu 37(5), il-punt (b), ilment mal-awtorità kompetenti, li għandha, mingħajr dewmien żejjed, tiddeċiedi jekk u taħt liema kundizzjonijiet il-kondiviżjoni tad-data tibda jew tkompli; jew

(b)

jaqbel mad-detentur tad-data li jirreferi l-kwistjoni lil korp għas-soluzzjoni tat-tilwim f'konformità mal-Artikolu 10(1).

10.   L-utent ma għandux juża data miksuba skont talba msemmija fil-paragrafu 1 biex jiżviluppa prodott konness li jikkompeti mal-prodott konness, li minnu toriġina d-data, u lanqas ma għandu jikkondividi d-data ma' parti terza b'dik l-intenzjoni u ma għandux juża tali data biex jikseb għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika, l-assi u l-metodi ta' produzzjoni tal-manifattur jew, fejn applikabbli d-detentur tad-data.

11.   L-utent ma għandux juża mezzi koerċittivi jew jabbuża minn lakuni fl-infrastruttura teknika tad-detentur tad-data li hija mfassla għall-protezzjoni tad-data sabiex jikseb aċċess għad-data.

12.   Meta l-utent ma jkunx is-suġġett tad-data li tkun ġiet mitluba d-data personali tiegħu, kwalunkwe data personali ġġenerata bl-użu ta' prodott konness jew servizz relatat għandha ssir disponibbli mid-detentur tad-data għall-utent biss fejn ikun hemm bażi legali valida għall-ipproċessar skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679 u, fejn rilevanti, huma ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament u tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58/KE.

13.   Detentur tad-data għandu juża biss kwalunkwe data faċilment disponibbli li mhijiex data personali abbażi ta' kuntratt mal-utent. Id-detentur tad-data ma għandux juża tali data biex jikseb għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika, assi u metodi ta' produzzjoni ta', jew l-użu minn, l-utent bi kwalunkwe mod ieħor li jista' jimmina l-pożizzjoni kummerċjali ta’ dak l-utent fis-swieq li fihom huwa attiv l-utent.

14.   Id-detenturi tad-data ma għandhomx jagħmlu disponibbli data ta' prodott mhux personali lil partijiet terzi għal skopijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali għajr l-issodisfar tal-kuntratt tagħhom mal-utent. Fejn rilevanti, id-detenturi tad-data għandhom jorbtu kuntrattwalment lill-partijiet terzi biex ma jikkondividux aktar id-data li jirċievu mingħandhom.

Artikolu 5

Dritt tal-utent li jikkondividi data ma' partijiet terzi

1.   Fuq talba minn utent, jew minn parti li taġixxi f'isem utent, id-detentur tad-data għandu jagħmel disponibbli data faċilment disponibbli, kif ukoll il- metadata rilevanti neċessarja biex tiġi interpretata u użata dik id-data, lil parti terza mingħajr dewmien żejjed, bl-istess kwalità kif disponibbli għad-detentur tad-data faċilment, b'mod sigur, mingħajr ħlas għall-utent, f'format komprensiv, strutturat, użat b'mod komuni u li jinqara minn magna u, fejn rilevanti u teknikament fattibbli, kontinwament u f'ħin reali. Id-data għandha ssir disponibbli mid-detentur tad-data għall-parti terza f’konformità mal-Artikoli 8 u 9.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal data faċilment disponibbli fil-kuntest tal-ittestjar ta' prodotti konnessi, sustanzi jew proċessi ġodda li għadhom ma tqiegħdux fis-suq sakemm l-użu tagħhom minn parti terza ma jkunx permess kuntrattwalment.

3.   Kwalunkwe impriża maħtura bħala gwardjan, skont l-Artikolu 3 tar- Regolament (UE) 2022/1925, ma għandhiex tkun parti terza eliġibbli skont dan l-Artikolu u għalhekk ma għandhiex:

(a)

tħajjar jew tinċentiva kummerċjalment utent bi kwalunkwe mod, inkluż billi tipprovdi kumpens monetarju jew kwalunkwe kumpens ieħor, biex tagħmel id-data disponibbli għal wieħed mis-servizzi tiegħu li l-utent ikun kiseb wara talba skont l-Artikolu 4(1);

(b)

tfittex jew tinċentiva kummerċjalment utent biex jitlob lid-detentur tad-data jagħmel id-data disponibbli għal wieħed mis-servizzi tiegħu skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

(c)

tirċievi data minn utent li l-utent ikun kiseb wara talba skont l-Artikolu 4(1).

4.   Għall-fini ta' verifika ta' jekk persuna fiżika jew ġuridika tikkwalifikax bħala utent jew bħala parti terza għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-utent jew il-parti terza ma għandhiex tirrikjedi li l-utent jipprovdi kwalunkwe informazzjoni lil hinn minn dak neċessarju. Id-detenturi tad-data ma għandhom iżommu l-ebda informazzjoni dwar l-aċċess tal-parti terza għad-data mitluba lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-eżekuzzjoni tajba tat-talba għal aċċess tal-parti terza u għas-sigurtà u l-manutenzjoni tal-infrastruttura tad-data.

5.   Il-parti terza ma għandhiex tuża mezzi koerċittivi jew ta' abbuż li juru lakuni evidenti fl-infrastruttura teknika ta' detentur tad-data li hija mfassla għall-protezzjoni tad-data sabiex tikseb aċċess għad-data.

6.   Id-detentur tad-data ma għandu juża l-ebda data faċilment disponibbli biex jikseb għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika, l-assi u l-metodi ta' produzzjoni tal-parti terza jew l-użu minnha b’xi mod ieħor li jistgħu jimminaw il-pożizzjoni kummerċjali tal-parti terza fis-swieq li fihom hija attiva l-parti terza, sakemm il-parti terza ma tkunx tat permess għal tali użu u jkollha l-possibbiltà teknika li tirtira faċilment dak il-permess fi kwalunkwe ħin.

7.   Meta l-utent ma jkunx is-suġġett tad-data li tkun intalbet id-data personali tiegħu, kwalunkwe data personali ġġenerata bl-użu ta' prodott konness jew servizz relatat għandha ssir disponibbli mid-detentur tad-data lill-parti terza biss meta jkun hemm bażi legali valida għall-ipproċessar skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679 u, fejn rilevanti, huma ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9 ta' dak ir-Regolament u tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58/KE.

8.   Kwalunkwe nuqqas min-naħa tad-detentur tad-data u tal-parti terza milli jaqbel fuq arranġamenti għat-trażmissjoni tad-data ma għandux ifixkel, jipprevjeni jew jinterferixxi mal-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u, b'mod partikolari, mad-dritt għall-portabbiltà tad-data skont l-Artikolu 20 ta' dak ir-Regolament.

9.   Is-sigrieti kummerċjali għandhom jiġu ppreservati u għandhom jiġu divulgati lil partijiet terzi biss safejn tali divulgazzjoni jkun strettament neċessarju biex jintlaħaq l-għan miftiehem bejn l-utent u l-parti terza. Id-detentur tad-data jew, fejn dawn ma jkunux l-istess persuna, id-detentur ta' sigriet kummerċjali għandu jidentifika d-data li hija protetta bħala sigrieti kummerċjali, inkluż fil- metadata rilevanti, u għandu jaqbel mal-parti terza dwar miżuri tekniċi u organizzattivi proporzjonati neċessarji biex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tad-data kondiviża, bħal mudelli ta' termini kuntrattwali, ftehimiet ta' kunfidenzjalità, protokolli stretti ta' aċċess, standards tekniċi u l-applikazzjoni ta' kodiċijiet ta' kondotta.

10.   Meta ma jkun hemm l-ebda ftehim dwar il-miżuri neċessarji msemmija fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu jew jekk il-parti terza tonqos milli timplimenta l-miżuri miftiehma skont il-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu jew timmina l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali, id-detentur tad-data jista' jżomm jew, skont il-każ, jissospendi l-kondiviżjoni tad-data identifikata bħala sigrieti kummerċjali. Id-deċiżjoni tad-detentur tad-data għandha tiġi debitament issostanzjata u pprovduta bil-miktub lill-parti terza mingħajr dewmien żejjed. F'każijiet bħal dawn, id-detentur tad-data għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu l-Artikolu 37 li jkun żamm jew issospenda l-kondiviżjoni tad-data u jidentifika liema miżuri ma ġewx miftiehma jew implimentati jew, fejn rilevanti, liema kunfidenzjalità ta' sigrieti kummerċjali ġiet imminata.

11.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali, meta d-detentur tad-data li jkun detentur ta' sigriet kummerċjali jista' juri li huwa probabbli ħafna li jġarrab dannu ekonomiku serju mid-divulgazzjoni ta' sigrieti kummerċjali, minkejja l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħuda mill-parti terza skont il-paragrafu 9 ta' dan l-Artikolu, dak id-detentur tad-data jista' jirrifjuta fuq bażi ta' każ b'każ talba għal aċċess għad-data speċifika inkwistjoni. Dik id-dimostrazzjoni għandha tkun debitament sostanzjata abbażi ta' elementi oġġettivi, b'mod partikolari l-infurzabbiltà tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali f'pajjiżi terzi, in-natura u l-livell ta' kunfidenzjalità tad-data mitluba, u l-uniċità u n-novità tal-prodott konness, u għandha tiġi pprovduta bil-miktub lill-parti terza mingħajr dewmien żejjed. Meta d-detentur tad-data jirrifjuta li jikkondividi d-data skont dan il-paragrafu, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37.

12.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-parti terza li tfittex rimedju fi kwalunkwe stadju quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru, parti terza li tixtieq tikkontesta d-deċiżjoni ta' detentur tad-data li jirrifjuta jew li jżomm jew jissospendi l-kondiviżjoni tad-data skont il-paragrafi 10 u 11 tista':

(a)

tressaq, f'konformità mal-Artikolu 37(5), il-punt (b), ilment mal-awtorità kompetenti, li għandha, mingħajr dewmien żejjed, tiddeċiedi jekk u taħt liema kundizzjonijiet il-kondiviżjoni tad-data trid tibda jew tkompli; jew

(b)

taqbel mad-detentur tad-data li tirreferi l-kwistjoni lil korp għas-soluzzjoni tat-tilwim f'konformità mal-Artikolu 10(1).

13.   Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 ma għandux jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet ta' suġġetti tad-data oħra skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali.

Artikolu 11

Miżuri tekniċi ta' protezzjoni dwar l-użu jew id-divulgazzjoni mhux awtorizzati tad-data

1.   Detentur tad-data jista' japplika miżuri tekniċi ta' protezzjoni adatti, inkluż kuntratti intelliġenti u kriptaġġ, biex jipprevjeni aċċess mhux awtorizzat għad-data, inkluż metadata , u biex jiżgura l-konformità mal-Artikoli 4, 5, 6, 8 u 9, kif ukoll mat-termini kuntrattwali miftiehma biex id-data tkun magħmula disponibbli. Tali miżuri tekniċi ta' protezzjoni ma għandhomx jiddiskriminaw bejn ir-riċevituri tad-data jew ifixklu d-dritt ta’ utent li jikseb kopja tad-data, jirkupraha, jużaha jew ikollu aċċess għaliha, biex jipprovdi data lil partijiet terzi skont l-Artikolu 5 jew kwalunkwe dritt ta' parti terza f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. L-utenti, il-partijiet terzi u r-riċevituri tad-data ma għandhomx ibiddlu jew ineħħu tali miżuri tekniċi ta' protezzjoni sakemm ma jkunx hemm qbil mid-detentur tad-data.

2.   Fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 3, il-parti terza jew riċevitur tad-data għandhom jikkonformaw, mingħajr dewmien żejjed, mat-talbiet tad-detentur tad-data u, fejn ikun japplika, u fejn dawn ma jkunux l-istess persuna, id-detentur ta' sigriet kummerċjali jew l-utent:

(a)

iħassru d-data magħmula disponibbli mid-detentur tad-data u kwalunkwe kopja tagħha;

(b)

itemmu l-produzzjoni, l-offerta, jew it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta' oġġetti, data derivattiva jew servizzi prodotti abbażi tal-għarfien miksub permezz ta' dik id-data, jew l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew il-ħżin ta' oġġetti kontraventorji għal dawk il-finijiet, u jeqirdu kwalunkwe oġġett kontraventorju, fejn ikun hemm riskju serju li l-użu illegali ta' dik id-data jikkawża ħsara sinifikanti lid-detentur tad-data, lid-detentur tas-sigriet kummerċjali jew lill-utent jew fejn tali miżura ma tkunx sproporzjonata fid-dawl tal-interessi tad-detentur tad-data, id-detentur tas-sigriet kummerċjali jew tal-utent;

(c)

jgħarrfu lill-utent bl-użu jew id-divulgazzjoni mhux awtorizzati tad-data u bil-miżuri meħuda biex jitwaqqfu l-użu jew id-divulgazzjoni mhux awtorizzati tad-data;

(d)

jikkumpensaw lill-parti li ġarrbet dannu mill-użu ħażin jew mid-divulgazzjoni ta' dik id-data li sar aċċess għaliha jew intużat illegalment.

3.   Il-paragrafu 2 għandu japplika wkoll meta parti terza jew riċevitur tad-data jkunu:

(a)

għall-finijiet li tinkiseb data, ipprovdew informazzjoni falza lil detentur tad-data, użaw mezzi qarrieqa jew koerċittivi jew abbużaw minn lakuni fl-infrastruttura teknika tad-detentur tad-data mfassla biex tipproteġi d-data;

(b)

użaw id-data magħmula disponibbli għal finijiet mhux awtorizzati, inkluż l-iżvilupp ta' prodott konness li jikkompeti skont it-tifsira tal-Artikolu 6(2), il-punt (e);

(c)

iddivulgaw data illegalment lil parti oħra;

(d)

ma żammewx il-miżuri tekniċi u organizzattivi miftiehma skont l-Artikolu 5(9); jew

(e)

biddlu jew neħħew miżuri tekniċi ta' protezzjoni applikati mid-detentur tad-data skont il-paragrafu 1 mingħajr il-qbil tad-detentur tad-data.

4.   Il-paragrafu 2 għandu japplika fejn utent ibiddel jew ineħħi miżuri tekniċi ta' protezzjoni applikati mid-detentur tad-data jew ma jżommx il-miżuri tekniċi u organizzattivi meħuda mill-utent bi ftehim mad-detentur tad-data jew, fejn dawn mhumiex l-istess persuna, mad-detentur ta' sigrieti kummerċjali sabiex jippreserva sigrieti kummerċjali, kwalunkwe parti oħra li tkun irċeviet id-data mingħand l-utent permezz ta’ ksur ta' dan ir-Regolament.

5.   Meta r-riċevitur tad-data jkun kiser l-Artikolu 6(2), il-punti (a) jew (b), l-utenti għandu jkollhom l-istess drittijiet bħad-detenturi tad-data skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 17

Talbiet biex data ssir disponibbli

1.   Meta jitolbu data skont l-Artikolu 14, korp tas-settur pubbliku jew il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni għandhom:

(a)

jispeċifikaw id-data meħtieġa, inkluż il- metadata rilevanti neċessarja għall-interpretazzjoni u l-użu ta' dik id-data;

(b)

juru li l-kundizzjonijiet neċessarji għall-eżistenza tal-ħtieġa eċċezzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 15 li għall-fini tagħha qed tintalab id-data huma ssodisfati;

(c)

jispjegaw l-iskop tat-talba, l-użu maħsub tad-data mitluba, inkluż, fejn applikabbli, minn parti terza f'konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, it-tul ta' żmien ta' dak l-użu, u, fejn ikun rilevanti, kif l-ipproċessar ta' data personali ser jindirizza l-ħtieġa eċċezzjonali;

(d)

jispeċifikaw, jekk ikun possibbli, meta d-data tkun mistennija li titħassar mill-partijiet kollha li jkollhom aċċess għaliha;

(e)

jiġġustifikaw l-għażla tad-detentur tad-data li lilu tkun indirizzata t-talba;

(f)

jispeċifikaw kwalunkwe korp ieħor tas-settur pubbliku jew il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korpi tal-Unjoni u l-partijiet terzi li magħhom tkun mistennija tiġi kondiviża d-data mitluba;

(g)

meta tintalab data personali, jispeċifikaw kwalunkwe miżura teknika u organizzattiva neċessarja u proporzjonata għall-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data u s-salvagwardji neċessarji, bħall-psewdonimizzazzjoni, u jekk tistax tiġi applikata anonimizzazzjoni mid-detentur tad-data qabel ma jagħmel id-data disponibbli;

(h)

jispeċifikaw id-dispożizzjoni legali li talloka lill-korp tas-settur pubbliku li jagħmel it-talba, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew jew lill-korp tal-Unjoni l-kompitu speċifiku mwettaq fl-interess pubbliku rilevanti għat-talba tad-data;

(i)

jispeċifikaw l-iskadenza sa meta d-data trid issir disponibbli u l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 18(2) sa meta d-detentur tad-data jista' jirrifjuta jew ifittex il-modifika tat-talba;

(j)

jagħmlu l-aħjar almu tagħhom biex jevitaw il-konformità mat-talba għad-data li tirriżulta fir-responsabbiltà tad-detenturi tad-data għall-ksur tal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

2.   Talba għad-data magħmula skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha:

(a)

issir bil-kitba u tkun ifformulata b'lingwaġġ ċar, konċiż u sempliċi li jista' jinftiehem mid-detentur tad-data;

(b)

tkun speċifika fir-rigward tat-tip ta' data mitluba u tikkorrispondi għal data li d-detentur tad-data jkollu kontroll fuqha fil-mument tat-talba;

(c)

tkun proporzjonata għall-ħtieġa eċċezzjonali u debitament ġustifikata, fir-rigward tal-granularità u l-volum tad-data mitluba u l-frekwenza tal-aċċess għad-data mitluba;

(d)

tirrispetta l-għanijiet leġittimi tad-detentur tad-data, filwaqt li tintrabat li tiżgura l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali f'konformità mal-Artikolu 19(3), u b'kont meħud tal-kost u l-isforz meħtieġa biex id-data ssir disponibbli;

(e)

tikkonċerna data mhux personali, u fil-każ biss li jintwera li dan mhux biżżejjed għar-rispons għall-ħtieġa eċċezzjonali li tintuża d-data, f'konformità mal-Artikolu 15(1), il-punt (a), tintalab data personali f'forma psewdonimizzata u tistabbilixxi l-miżuri tekniċi u organizzattivi li jridu jittieħdu biex tiġi protetta d-data;

(f)

tinforma lid-detentur tad-data dwar il-penali li jiġu imposti skont l-Artikolu 40 mill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37 fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mat-talba;

(g)

meta t-talba ssir minn korp tas-settur pubbliku, tiġi trażmessa lill-koordinatur tad-data msemmi fl-Artikolu 37 tal-Istat Membrufejn il-korp tas-settur pubbliku rikjedenti jkun stabbilit, li għandu jagħmel it-talba disponibbli għall-pubbliku online mingħajr dewmien żejjed sakemm il-koordinatur tad-data ma jqisx li tali pubblikazzjoni toħloq riskju għas-sigurtà pubblika.

(h)

meta t-talba ssir mill-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni, issir disponibbli online mingħajr dewmien żejjed;

(i)

meta tintalab data personali, tiġi nnotifikata mingħajr dewmien żejjed lill-awtorità superviżorja iresponsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-korp tas-settur pubbliku.

Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-korpi tal-Unjoni għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bit-talbiet tagħhom.

3.   Korp tas-settur pubbliku il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni ma għandhomx jagħmlu d-data miksuba skont dan il-Kapitolu disponibbli għall-użu mill-ġdid kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 2, tar-Regolament (UE) 2022/868 jew l-Artikolu 2, il-punt 11, tad-Direttiva (UE) 2019/1024. Ir-Regolament (UE) 2022/868 u d-Direttiva (UE) 2019/1024 ma għandhomx japplikaw għad-data miżmuma mill-korpi tas-settur pubbliku miksuba skont dan il-Kapitolu.

4.   Il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu ma jipprekludix lil korp tas-settur pubbliku,lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew jew lil korp tal-Unjoni milli jiskambjaw data miksuba skont dan il-Kapitolu ma' korp ieħor tas-settur pubbliku jew mal-Kummissjoni, mal-Bank Ċentrali Ewropew jew ma' korp tal-Unjoni bil-ħsieb li jikkompletaw il-kompiti msemmija fl-Artikolu 15, kif speċifikat fit-talba f'konformità mal-paragrafu 1, il-punt (f), ta' dan l-Artikolu jew li jagħmlu d-data disponibbli għal parti terza meta dan ikun iddelega, permezz ta' ftehim disponibbli għall-pubbliku, spezzjonijiet tekniċi jew funzjonijiet oħra lil dik il-parti terza. L-obbligi fuq il-korpi tas-settur pubbliku skont l-Artikolu 19, b'mod partikolari s-salvagwardji biex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali, għandhom japplikaw ukoll għal dawn il-partijiet terzi. Meta korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni jittrażmetti jew jagħmel id-data disponibbli skont dan il-paragrafu, huma għandhom jinnotifikaw lid-detentur tad-data li mingħandu tkun waslet id-data mingħajr dewmien żejjed.

5.   Meta d-detentur tad-data jqis li d-drittijiet tiegħu skont dan il-Kapitolu jkunu nkisru bit-trażmissjoni jew bit-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data, huwa jista' jressaq ilment mal-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37 tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit id-detentur tad-data.

6.   Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa mudell għat-talbiet skont dan l-Artikolu.

Artikolu 18

Konformità mat-talbiet għad-data

1.   Detentur tad-data li jirċievi talba biexid-data ssir disponibbli skont dan il-Kapitolu għandu jagħmel id-data disponibbli għall-korp tas-settur pubbliku rikjedenti, għall-Kummissjoni, għall-Bank Ċentrali Ewropew jew għal korp tal-Unjoni mingħajr dewmien żejjed, filwaqt li jqis il-miżuri tekniċi, organizzattivi u legali neċessarji.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-ħtiġijiet speċifiċi fir-rigward tad-disponibbiltà tad-data definiti fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, detentur tad-data jista' jirrifjuta jew ifittex il-modifika ta' talba biex id-data ssir disponibbli skont dan il-Kapitolu mingħajr dewmien żejjed u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol wara li jirċievi talba għad-data neċessarja bħala tweġiba għal emerġenza pubblika u mingħajr dewmien żejjed u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn 30 jum tax-xogħol wara li tkun waslet tali talba f'każijiet oħra ta' ħtieġa eċċezzjonali, għal xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

id-detentur tad-data ma jkollux kontroll fuq id-data mitluba;

(b)

talba simili għall-istess għan tkun ġiet sottomessa qabel minn korp ieħor tas-settur pubbliku jew mill-Kummissjoni, mill-Bank Ċentrali Ewropew jew minn korp tal-Unjoni u d-detentur tad-data ma jkunx ġie nnotifikat bit-tħassir tad-data skont l-Artikolu 19(1), il-punt (c);

(c)

it-talba ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(1) u (2).

3.   Jekk id-detentur tad-data jiddeċiedi li jirrifjuta t-talba jew ifittex il-modifika tagħha f'konformità mal-paragrafu 2, il-punt (b), huwa għandu jindika l-identità tal-korp tas-settur pubbliku jew tal-Kummissjoni, tal-Bank Ċentrali Ewropew jew tal-korp tal-Unjoni li qabel ikunu ssottomettew talba għall-istess għan.

4.   Meta d-data mitluba tinkludi data personali, id-detentur tad-data għandu janonimizza d-data kif xieraq, sakemm il-konformità mat-talba biex id-data ssir disponibbli għal korp tas-settur pubbliku, għall-Kummissjoni, għall-Bank Ċentrali Ewropew jew għal korp tal-Unjoni ma tkunx teħtieġ l-iżvelar ta' data personali. F'każijiet bħal dawn, id-detentur tad-data għandu jippsewdonimizza d-data.

5.   Meta l-korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korp tal-Unjoni jkunu jixtiequ jikkontestaw ir-rifjut ta' detentur tad-data milli jipprovdi d-data mitluba, jew meta d-detentur tad-data jkun jixtieq jikkontesta t-talba, u l-kwistjoni ma tkunx tista' tiġi risolta permezz ta' modifika xierqa tat-talba, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37 tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit id-detentur tad-data.

Artikolu 19

Obbligi tal-korpi tas-settur pubbliku, tal-Kummissjoni, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-korpi tal-Unjoni

1.   Korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni li jirċievu data fuq talba magħmula skont l-Artikolu 14 għandhom:

(a)

ma jużawx id-data b'mod li ma jkunx kompatibbli mal-għan li għalih tkun intalbet;

(b)

ikunu implimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi li jippreservaw il-kunfidenzjalità u l-integrità tad-data mitluba u s-sigurtà tat-trasferimenti tad-data, b'mod partikolari d-data personali, u jissalvagwardaw id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data;

(c)

iħassru d-data hekk kif ma tibqax aktar neċessarja għall-għan iddikjarat u jinformaw lid-detentur tad-data u lill-individwi jew lill-organizzazzjonijiet li jkunu rċevew id-data skont l-Artikolu 21(1) mingħajr dewmien żejjed li d-data tkun tħassret, sakemm ma jkunx meħtieġ l-arkivjar tad-data f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti fil-kuntest tal-obbligi ta' trasparenza.

2.   Korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew, korp tal-Unjoni jew parti terza li jirċievu data skont dan il-Kapitolu ma għandhomx:

(a)

jużaw id-data jew l-għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika, l-assi u l-metodi ta' produzzjoni jew ta' operat tad-detentur tad-data biex jiżviluppaw jew itejbu prodott konness jew servizz relatat li jikkompeti mal-prodott konness jew mas-servizz relatat tad-detentur tad-data;

(b)

jikkondividu d-data ma' parti terza oħra għal kwalunkwe wieħed mill-għanijiet imsemmija fil-punt (a).

3.   L-iżvelar ta' sigrieti kummerċjali lil korp tas-settur pubbliku, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew jew lil korp tal-Unjoni għandu jkun meħtieġ biss sa fejn ikun strettament neċessarju biex jintlaħaq l-għan ta' talba skont l-Artikolu 15. F'każ bħal dan, id-detentur tad-data jew, jekk ma jkunux l-istess persuna, id-detentur ta' sigriet kummerċjali għandu jidentifika d-data li tkun protetta bħala sigriet kummerċjali, inkluż fil- metadata rilevanti. Il-korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korp tal-Unjoni għandhom, qabel l-iżvelar ta' sigriet kummerċjali, jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi kollha neċessarji u xierqa biex jippreservaw il-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali, inkluż, skont kif ikun xieraq, l-użu ta' mudelli ta' termini kuntrattwali, standards tekniċi u l-applikazzjoni ta' kodiċijiet ta' kondotta.

4.   Korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni għandhom ikunu responsabbli għas-sigurtà tad-data li jirċievu.

Artikolu 20

Kumpens f'każijiet ta' ħtieġa eċċezzjonali

1.   Id-detenturi tad-data għajr l-intrapriżi żgħar u l-intrapriżi mikro għandhom jagħmlu disponibbli d-data neċessarja biex iwieġbu għal emerġenza pubblika skont l-Artikolu 15(1), il-punt (a), mingħajr ħlas. Il-korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korp tal-Unjoni li jkunu rċevew data għandhom jagħtu rikonoxximent pubbliku lid-detentur tad-data jekk dan jintalab mid-detentur tad-data.

2.   Id-detentur tad-data għandu jkun intitolat għal kumpens ġust talli jkun għamel id-data disponibbli f'konformità ma' talba magħmula skont l-Artikolu 15(1), il-punt (b). Tali kumpens għandu jkopri l-kostijiet tekniċi u organizzattivi mġarrba għall-konformità mat-talba inkluż, fejn applikabbli, il-kostijiet tal-anonimizzazzjoni, il-psewdonimizzazzjoni, l-aggregazzjoni u l-adattament tekniku, u marġni raġonevoli. Fuq talba tal-korp tas-settur pubbliku, tal-Kummissjoni, tal-Bank Ċentrali Ewropew jew tal-korp tal-Unjoni, id-detentur tad-data għandu jipprovdi informazzjoni abbażi tal-kalkolu tal-kostijiet u tal-marġni raġonevoli.

3.   Il-paragrafu 2 għandu japplika wkoll meta mikrointrapriża u intrapriża żgħira titlob kumpens talli tagħmel id-data disponibbli.

4.   Id-detenturi tad-data ma għandhomx ikunu intitolati għal kumpens talli jagħmlu d-data disponibbli f'konformità ma' talba magħmula skont l-Artikolu 15(1), il-punt (b), meta l-kompitu speċifiku mwettaq fl-interess pubbliku jkun il-produzzjoni ta' statistika uffiċjali u meta x-xiri tad-data ma jkunx permess mil-liġi nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni meta x-xiri ta' data għall-produzzjoni ta' statistika uffiċjali ma jkunx permess mil-liġi nazzjonali.

5.   Meta l-korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korp tal-Unjoni ma jaqblux mal-livell ta' kumpens mitlub mid-detentur tad-data, huma jistgħu jressqu lment mal-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37 tal-Istat Membru fejn ikun ibbażat id-detentur tad-data.

Artikolu 21

Kondiviżjoni ta' data miksuba fil-kuntest ta' ħtieġa eċċezzjonali ma' organizzazzjonijiet tar-riċerka jew korpi tal-istatistika

1.   Korp tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni għandhom ikunu intitolati jikkondividu d-data li jkunu rċevew skont dan il-Kapitolu:

(a)

ma' individwi jew organizzazzjonijiet bil-ħsieb li jwettqu riċerka xjentifika jew analitika kompatibbli mal-għan li għalih tkun intalbet id-data; jew

(b)

ma' istituti nazzjonali tal-istatistika u l-Eurostat għall-produzzjoni ta' statistika uffiċjali.

2.   L-individwi jew l-organizzazzjonijiet li jirċievu d-data skont il-paragrafu 1 għandhom jaġixxu mingħajr skop ta' qligħ jew fil-kuntest ta' missjoni ta' interess pubbliku rikonoxxuta fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Dawn ma għandhomx jinkludu organizzazzjonijiet li l-impriżi kummerċjali jkollhom influwenza sinifikanti fuqhom li x'aktarx tirriżulta f'aċċess preferenzjali għar-riżultati tar-riċerka.

3.   L-individwi jew l-organizzazzjonijiet li jirċievu d-data skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkonformaw mal-istess obbligi li japplikaw għall-korpi tas-settur pubbliku, għall-Kummissjoni, għall-Bank Ċentrali Ewropew jew għall-korpi tal-Unjoni skont l-Artikolu 17(3) u l-Artikolu 19.

4.   Minkejja l-Artikolu 19(1), il-punt (c), l-individwi jew l-organizzazzjonijiet li jirċievu d-data skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jistgħu jżommu d-data li jirċievu għall-għan li għalih tkun intalbet id-data sa sitt xhur wara t-tħassir tad-data mill-korpi tas-settur pubbliku, mill-Kummissjoni, mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-korpi tal-Unjoni.

5.   Meta korp tas-settur pubbliku,il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew korp tal-Unjoni jkollhom l-intenzjoni li jittrażmettu jew jagħmlu d-data disponibbli skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, huma għandhom jinnotifikaw mingħajr dewmien żejjed lid-detentur tad-data li mingħandu tkun waslet id-data, u jiddikjaraw l-identità u d-dettalji ta' kuntatt tal-organizzazzjoni jew tal-individwu li jkun qed jirċievi d-data, l-għan tat-trażmissjoni jew tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data, il-perjodu li għalih tintuża d-data u l-miżuri ta' protezzjoni teknika u organizzattivi meħuda, inkluż fejn ikunu involuti data personali jew sigrieti kummerċjali. Meta d-detentur tad-data ma jaqbilx mat-trażmissjoni jew mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data, huwa jista' jressaq ilment mal-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37 tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit id-detentur tad-data.

Artikolu 23

Tneħħija tal-ostakli għall-qlib effettiv

Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jieħdu l-miżuri previsti fl-Artikoli 25, 26, 27, 29 u 30 biex jippermettu lill-klijenti jaqilbu għal servizz tal-ipproċessar tad-data, li jkopri l-istess tip ta' servizz, li huwa pprovdut minn fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, jew għal intrastruttura tal-ICT fuq il-post, jew, fejn rilevanti, jużaw diversi fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data fl-istess ħin. B'mod partikolari, il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data ma għandhomx jimponu u għandhom ineħħu l-ostakli prekummerċjali, kummerċjali, tekniċi, kuntrattwali u organizzattivi li jimpedixxu lill-klijenti milli:

(a)

itemmu, wara l-perjodu massimu ta' avviż u t-tlestija b'suċċess tal-proċess tal-qlib, f'konformità mal-Artikolu 25, il-kuntratt tas-servizz tal-ipproċessar tad-data;

(b)

jikkonkludu kuntratti ġodda ma' fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li jkopru l-istess tip ta' servizz;

(c)

jittrasferixxu d-data tal-klijent li tista' tiġi esportata u assi diġitali, lil fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jew lil infrastruttura tal-ICT fuq il-post, inkluż wara li jkun ibbenefika minn offerta bla ħlas;

(d)

f'konformità mal-Artikolu 24, jiksbu ekwivalenza funzjonali fl-użu tas-servizz il-ġdid tal-ipproċessar tad-data fl-ambjent tal-ICT tal-fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li jkopru l-istess tip ta' servizz;

(e)

jisseparaw, fejn ikun teknikament fattibbli, is-servizzi tal-ipproċessar tad-data msemmija fl-Artikolu 30(1) minn servizzi oħra tal-ipproċessar tad-data pprovduti mill-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data.

Artikolu 28

Obbligi ta' trasparenza kuntrattwali dwar l-aċċess u t-trasferiment internazzjonali

1.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jagħmlu l-informazzjoni li ġejja disponibbli fuq is-siti web tagħhom, u jżommu dik l-informazzjoni aġġornata:

(a)

il-ġuriżdizzjoni li għaliha tkun soġġetta l-infrastruttura tal-ICT użata għall-ipproċessar tad-data tas-servizzi individwali tagħhom;

(b)

deskrizzjoni ġenerali tal-miżuri tekniċi, organizzattivi u kuntrattwali adottati mill-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data sabiex jiġi evitat l-aċċess jew it-trasferiment internazzjonali mill-gvern ta’ data mhux personali miżmuma fl-Unjoni fejn tali aċċess jew trasferiment joħloq kunflitt mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti.

2.   Is-siti web imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu elenkati fi kuntratt għas-servizzi kollha tal-ipproċessar tad-data offruti mill-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data.

Artikolu 32

Aċċess u trasferiment governattiv internazzjonali

1.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi, organizzattivi u legali adegwati kollha, inkluż kuntratti, sabiex jevitaw l-aċċess u t-trasferiment internazzjonali u minn gvernijiet ta' pajjiżi terzi ta' data mhux personali miżmuma fl-Unjoni fejn tali trasferiment jew aċċess joħloq kunflitt mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 jew 3.

2.   Kwalunkwe deċiżjoni jew sentenza ta' qorti jew tribunal ta' pajjiż terz u kwalunkwe deċiżjoni ta' awtorità amministrattiva ta' pajjiż terz li tirrikjedi li fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jittrasferixxi jew jagħti aċċess għal data mhux personali li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament miżmuma fl-Unjoni għandha tiġi rikonoxxuta jew infurzabbli bi kwalunkwe mod biss jekk tkun ibbażata fuq ftehim internazzjonali, bħal trattat dwar l-assistenza legali reċiproka, fis-seħħ bejn il-pajjiż terz rikjedenti u l-Unjoni, jew kwalunkwe ftehim bħal dan bejn il-pajjiż terz rikjedenti u Stat Membru.

3.   Fin-nuqqas ta' ftehim internazzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 2, fejn fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jkun id-destinatarju ta' deċiżjoni jew sentenza ta' qorti jew ta' tribunal ta' pajjiż terz jew deċiżjoni ta' awtorità amministrattiva ta' pajjiż terz li tittrasferixxi jew tagħti aċċess għal data mhux personali li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament miżmuma fl-Unjoni u l-konformità ma' tali deċiżjoni tkun qed tissogra li tpoġġi lid-destinatarju f'kunflitt mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti, it-trasferiment ta' tali data jew l-aċċess għaliha minn dik l-awtorità ta' pajjiż terz għandu jsir biss fejn:

(a)

is-sistema ta' pajjiż terz teħtieġ li jiġu stabbiliti r-raġunijiet u l-proporzjonalità ta' tali deċiżjoni jew sentenza u tirrikjedi li tali deċiżjoni jew sentenza tkun ta' natura speċifika, pereżempju billi tiġi stabbilita rabta suffiċjenti ma' ċerti persuni jew ksur suspettati;

(b)

l-oġġezzjoni motivata tad-destinatarju tkun soġġetta għal rieżami minn qorti jew tribunal kompetenti ta' pajjiż terz; u

(c)

il-qorti jew it-tribunal kompetenti ta' pajjiż terz li joħroġ id-deċiżjoni jew is-sentenza jew li jirrieżamina d-deċiżjoni ta' awtorità amministrattiva jingħata s-setgħa skont il-liġi ta' dak il-pajjiż terz li jqis debitament l-interessi legali rilevanti tal-fornitur tad-data protetta mil-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti.

Id-destinatarju tad-deċiżjoni jew sentenza jista' jitlob l-opinjoni tal-korp jew l-awtorità nazzjonali rilevanti kompetenti għall-kooperazzjoni internazzjonali fi kwistjonijiet legali, sabiex jiddetermina jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu humiex issodisfati, b'mod partikolari meta jqis li d-deċiżjoni tista' tkun relatata ma' sigrieti kummerċjali u data kummerċjalment sensittiva oħra kif ukoll ma' kontenut protett mid-drittijiet ta' proprjetà intellettwali jew it-trasferiment jista' jwassal għal identifikazzjoni mill-ġdid. Il-korp jew l-awtorità nazzjonali rilevanti jistgħu jikkonsultaw lill-Kummissjoni. Jekk id-destinatarju jqis li d-deċiżjoni jew sentenza tista' taffettwa l-interessi tas-sigurtà nazzjonali jew tad-difiża tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, huwa għandu jitlob l-opinjoni tal-korp jew l-awtorità nazzjonali rilevanti sabiex jiddetermina jekk id-data mitluba tikkonċernax l-interessi tas-sigurtà nazzjonali jew tad-difiża tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha. Jekk id-destinatarju ma jkunx irċieva tweġiba fi żmien xahar, jew jekk l-opinjoni ta’ tali korp jew awtorità tikkonkludi li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu mhumiex issodisfati, id-destinatarju jista' jiċħad it-talba għal trasferiment jew aċċess, għad-data mhux personali, abbażi ta' dawk ir-raġunijiet.

L-EDIB imsemmi fl-Artikolu 42 għandu jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp ta' linji gwida dwar il-valutazzjoni ta' jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu humiex issodisfati.

4.   Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 jew 3 jiġu ssodisfati, il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jipprovdi l-ammont minimu ta' data permissibbli bi tweġiba għal talba, abbażi tal-interpretazzjoni raġonevoli ta’ dik it-talba mill-fornitur jew mill-korp jew awtorità nazzjonali rilevanti msemmija fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu.

5.   Il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jinforma lill-klijent tad-data dwar l-eżistenza ta' talba minn awtorità ta' pajjiż terz biex taċċessa d-data tiegħu qabel ma jikkonforma ma' dik it-talba, ħlief fejn it-talba sservi skopijiet ta' infurzar tal-liġi u sakemm dan ikun neċessarju biex tiġi ppreservata l-effettività tal-attività tal-infurzar tal-liġi.

KAPITOLU VIII

INTEROPERABBILTÀ


whereas









keyboard_arrow_down