search


keyboard_tab Data Act 2023/2854 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2854 MT Art. 2 . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index :


whereas :


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 584

 

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

"data" tfisser kwalunkwe rappreżentazzjoni diġitali ta' atti, fatti jew informazzjoni u kwalunkwe kompilazzjoni ta' dawn l-atti, fatti jew informazzjoni, inkluż fil-forma ta' reġistrazzjoni awdjo, viżiva jew awdjoviżiva;

(2)

" metadata" tfisser deskrizzjoni strutturata tal-kontenut jew tal-użu tad-data li tiffaċilita s-sejbien jew l-użu ta' dik id-data;

(3)

"data personali" tfisser data personali kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(4)

"data mhux personali" tfisser data li mhijiex data personali;

(5)

"prodott konness" tfisser oġġett li jikseb, jiġġenera jew jiġbor data dwar l-użu jew l-ambjent tiegħu u li jkun jista' jikkomunika data ta' prodott permezz ta' servizz ta' komunikazzjoni elettronika, konnessjoni fiżika jew aċċess fuq l-apparat, u li l-funzjoni primarja tiegħu ma tkunx il-ħżin, l-ipproċessar jew it-trażmissjoni tad-data f'isem kwalunkwe parti għajr l-utent;

(6)

"servizz relatat" tfisser servizz diġitali, għajr servizz tal-komunikazzjoni elettronika, inkluż software, li jkun konness mal-prodott fil-mument tax-xiri, kiri jew lokazzjoni b'tali mod li n-nuqqas tiegħu jipprevjeni lill-prodott konness milli jwettaq waħda jew aktar mill-funzjonijiet tiegħu, jew li sussegwentement ikun konness mal-prodott mill-manifattur jew parti terza biex iżid, jaġġorna jew jadatta l-funzjonijiet tal-prodott konness;

(7)

"ipproċessar" tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta' operazzjonijiet li jitwettqu fuq data jew fuq settijiet ta' data, sew jekk b'mezzi awtomatizzati, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħżin, l-adattament jew it-tibdil, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, id-divulgazzjoni permezz ta' trażmissjoni, id-disseminazzjoni, jew mezzi oħra biex isiru disponibbli, l-allinjament jew il-kombinament, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

(8)

"servizz tal-ipproċessar tad-data" tfisser servizz diġitali li jkun ipprovdut lil klijent u li jippermetti aċċess minn kullimkien u fuq talba għan-network għal grupp kondiviż ta' riżorsi tal-informatika konfigurabbli, skalabbli u elastiċi ta' natura ċentralizzata, distribwita jew distribwita ħafna li jista' jiġi fornut malajr u rilaxxat bi sforz minimu ta' ġestjoni jew interazzjoni mal-fornitur tas-servizz;

(9)

"l-istess tip ta' servizz" tfisser sett ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li jaqsmu l-istess objettiv primarju, mudell ta' servizz tal-ipproċessar tad-data u funzjonalitajiet prinċipali;

(10)

"servizz ta' intermedjazzjoni tad-data" tfisser servizz ta' intermedjazzjoni tad-data kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (11), tar-Regolament (UE) 2022/868;

(11)

"suġġett tad-data" tfisser suġġett tad-data kif imsemmi fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(12)

"utent" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun is-sid ta' prodott konness jew li lilha jkunu ġew ittrasferiti kuntrattwalment drittijiet temporanji għall-użu ta' dak il-prodott konness, jew li tirċievi servizzi relatati;

(13)

"detentur tad-data" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li jkollha d-dritt jew l-obbligu, f'konformità ma' dan ir-Regolament, il-liġi tal-Unjoni applikabbli jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, li tuża u tagħmel disponibbli data, inkluż, fejn miftiehem kuntrattwalment, data ta' prodott jew data ta' servizz relatat li tkun irkuprat jew iġġenerat matul il-forniment ta' servizz relatat;

(14)

"riċevitur tad-data" tfisser persuna fiżika jew ġuridika, li taġixxi għal finijiet li huma relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni ta' dik il-persuna, minbarra l-utent ta' prodott konness jew servizz relatat, li d-detentur tad-data jagħmel id-data disponibbli lilha, inkluż parti terza wara talba mill-utent lid-detentur tad-data jew f'konformità ma' obbligu legali skont il-liġi tal-Unjoni jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f’konformità mal-liġi tal-Unjoni;

(15)

"data ta' prodott" tfisser data ġġenerata mill-użu ta' prodott konness li l-manifattur iddiżinja biex ikun tista' tiġi rkuprata, permezz ta' servizz ta' komunikazzjoni elettronika, konnessjoni fiżika jew aċċess fuq l-apparat, minn utent, detentur tad-data jew parti terza, inkluż, fejn rilevanti, il-manifattur;

(16)

"data ta' servizz relatat" tfisser data li tirrappreżenta d-diġitalizzazzjoni tal-azzjonijiet tal-utent jew tal-avvenimenti relatati mal-prodott konness, irreġistrata intenzjonalment mill-utent jew iġġenerata bħala prodott sekondarju tal-azzjoni tal-utent matul il-forniment ta' servizz relatat mill-fornitur;

(17)

"data faċilment disponibbli" tfisser data ta' prodott u data ta' servizz relatat li detentur tad-data jikseb legalment jew jista' jikseb legalment mill-prodott konness jew servizz relatat, mingħajr sforz sproporzjonat li jmur lil hinn minn operazzjoni sempliċi;

(18)

"sigriet kummerċjali" tfisser sigriet kummerċjali kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2016/943;

(19)

"detentur ta' sigriet kummerċjali" tfisser detentur ta' sigriet kummerċjali kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2), tad-Direttiva (UE) 2016/943;

(20)

“tfassil tal-profil” tfisser tfassil tal-profil kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (4), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(21)

"tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq" tfisser kwalunkwe provvista ta' prodott konness għad-distribuzzjoni, għall-konsum jew għall-użu fis-suq tal-Unjoni waqt attività kummerċjali, sew bi ħlas u anki mingħajru;

(22)

"tqegħid fis-suq" tfisser li prodott konness jitqiegħed għall-ewwel darba għad-dispożizzjoni fis-suq tal-Unjoni;

(23)

"konsumatur" tfisser kwalunkwe persuna fiżika li taġixxi għal finijiet li ma jkunux fl-ambitu tal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni ta' dik il-persuna;

(24)

"intrapriża" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li, fir-rigward ta' kuntratti u prattiki koperti minn dan ir-Regolament, tkun qed taġixxi għal finijiet li huma relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni ta' dik il-persuna;

(25)

“intrapriża żgħira” tfisser intrapriża żgħira kif definit fl-Artikolu 2(1) tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;

(26)

"mikrointrapriża" tfisser mikrointrapriża kif definit fl-Artikolu 2(3) tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;

(27)

"korpi tal-Unjoni" tfisser il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni stabbiliti skont atti adottati abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-TFUE jew it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika;

(28)

"korp tas-settur pubbliku" tfisser awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali tal-Istati Membri u korpi regolati mil-liġi pubblika tal-Istati Membri, jew assoċjazzjonijiet iffurmati minn tali awtorità waħda jew aktar jew minn tali korp wieħed jew aktar;

(29)

"emerġenza pubblika" tfisser sitwazzjoni eċċezzjonali, limitata fiż-żmien, bħal emerġenza tas-saħħa pubblika, emerġenza li tirriżulta minn diżastri naturali, diżastru kbir ħafna kkaġunat mill-bniedem, inkluż inċident maġġuri ta' ċibersigurtà, li taffettwa b'mod negattiv il-popolazzjoni tal-Unjoni jew Stat Membru sħiħ jew parti minnu, b'riskju ta' riperkussjonijiet serji u dejjiema għall-kundizzjonijiet tal-għajxien jew l-istabbiltà ekonomika, l-istabbiltà finanzjarja, jew id-degradazzjoni sostanzjali u immedjata tal-assi ekonomiċi fl-Unjoni jew fl-Istat Membru rilevanti u li hija determinata jew iddikjarata uffiċjalment f’konformità mal-proċeduri rilevanti skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali;

(30)

"klijent" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun daħlet f'relazzjoni kuntrattwali ma' fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data bl-objettiv li tuża servizz wieħed jew aktar tal-ipproċessar tad-data;

(31)

"assistenti virtwali" tfisser software li jista' jipproċessa d-domandi, il-kompiti jew il-mistoqsijiet, inkluż dawk abbażi ta' awdjo, input bil-miktub, ġesti jew movimenti, u li, abbażi ta' dawk id-domandi, il-kompiti jew il-mistoqsijiet, jipprovdi aċċess għal servizzi oħra jew jikkontrolla l-funzjonijiet tal-prodotti konnessi;

(32)

"assi diġitali" tfisser elementi f'forma diġitali, inkluż applikazzjonijiet, li għalihom il-klijent għandu d-dritt tal-użu, indipendentement mir-relazzjoni kuntrattwali mas-servizz tal-ipproċessar tad-data li biħsiebu jaqleb minnu;

(33)

“infrastruttura tal-ICT fuq il-post" tfisser infrastruttura tal-ICT u riżorsi tal-informatika li jkunu proprjetà tal klijent jew mikrija jew mogħtija b'lokazzjoni mill-klijent, li tinsab fiċ-ċentru tad-data tal-klijent innifsu u operata mill-klijent jew minn parti terza;

(34)

"qlib" tfisser il-proċess li jinvolvi fornitur sors ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, klijent ta' servizz tal-ipproċessar tad-data u fornitur ta' destinazzjoni ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, fejn il-klijent ta' servizz tal-ipproċessar tad-data jibdel mill-użu ta' servizz tal-ipproċessar tad-data wieħed għall-użu ta' servizz ieħor tal-ipproċessar tad-data tal-istess tip ta' servizz, jew servizz ieħor, offrut minn fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, inkluż permezz tal-estrazzjoni, it-trasformazzjoni u l-uploading tad-data;

(35)

"imposti tal-ħruġ ta' data" tfisser tariffi tat-trasferiment tad-data imposti fuq il-klijenti għall-estrazzjoni tad-data tagħhom permezz tan-network mill-infrastruttura tal-ICT ta' fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għas-sistema ta' fornitur differenti jew għal infrastruttura ICT fuq il-post;

(36)

"imposti tal-qlib" tfisser imposti, għajr it-tariffi tas-servizz standard jew penali għal terminazzjoni bikrija, imposti minn fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data fuq klijent għall-azzjonijiet meħtieġa minn dan ir-Regolament għall-qlib għas-sistema ta' fornitur differenti jew għal infrastruttura tal-ICT fuq il-post, inkluż imposti tal-ħruġ tad-data;

(37)

"ekwivalenza funzjonali" tfisser l-istabbiliment mill-ġdid, abbażi tad-data li tista' tiġi esportata u l-assi diġitali tal-klijent, ta' livell minimu ta' funzjonalità fl-ambjent ta' servizz tal-ipproċessar tad-data ġdid tal-istess tip ta' servizz wara l-proċess ta' qlib, fejn is-servizz ta' pproċessar ta' data tad-destinazzjoni jagħti eżitu materjalment komparabbli b'rispons għall-istess input għal karatteristiċi kondiviżi pprovduti lill-klijent skont il-kuntratt;

(38)

"data li tista' tiġi esportata", għall-fini tal-Artikoli 23 sa 31 u l-Artikolu 35, tfisser id-data tal-input u l-output, inkluż il- metadata , iġġenerata direttament jew indirettament, jew koġenerata, mill-użu mill-klijent tas-servizz tal-ipproċessar tad-data, minbarra kwalunkwe assi jew data protetta mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li tikkostitwixxi sigriet kummerċjali, tal-fornituri tas-servizz tal-ipproċessar tad-data jew ta’ partijiet terzi;

(39)

"kuntratt intelliġenti" tfisser programm tal-kompjuter użat għall-eżekuzzjoni awtomatizzata ta' ftehim jew parti minnu, bl-użu ta' sekwenza ta' rekords elettroniċi tad-data u l-iżgurar tal-integrità tagħhom u l-preċiżjoni tal-ordni kronoloġika tagħhom;

(40)

"interoperabbiltà" tfisser il-kapaċità ta' żewġ spazji jew aktar tad-data jew networks ta' komunikazzjoni, sistemi, prodotti konnessi, applikazzjonijiet, servizzi tal-ipproċessar tad-data jew komponenti għall-iskambju u għall-użu tad-data sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom;

(41)

"speċifikazzjoni miftuħa tal-interoperabbiltà" tfisser speċifikazzjoni teknika, fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni,, li hija orjentata lejn il-prestazzjoni biex jiksbu l-interoperabbiltà bejn is-servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(42)

"speċifikazzjonijiet komuni" tfisser dokument, għajr standard, li jkun fih soluzzjonijiet tekniċi li jipprovdu mezz għall-konformità ma' ċerti rekwiżiti u obbligi stabbiliti skont dan ir-Regolament;

(43)

"standard armonizzat" tfisser standard armonizzat kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1)(c), tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

KAPITOLU II

KONDIVIŻJONI TAD-DATA BEJN NEGOZJU U KONSUMATUR U BEJN IN-NEGOZJI


whereas









keyboard_arrow_down