(45) Sabiex ikun hemm konformità u biex ikun żgurat li l-konsumaturi ma jiġux imċaħħda minn drittijiethom, pereżempju f'każijiet fejn il-kuntratt jistabbilixxi standards baxxi ħafna, il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jenħtieġ li mhux biss jikkonforma mar-rekwiżiti soġġettivi għal konformità, iżda jenħtieġ li jikkonforma ukoll mar-rekwiżiti oġġettivi għall-konformità stabbiliti f'din id-Direttiva.
Jenħtieġ li l-konformità tiġi vvalutata, inter alia, b'kunsiderazzjoni tal-iskop li għalih kontenut diġitali jew servizzi diġitali tal-istess tip jintuża normalment.
Jenħtieġ li jkollu wkoll il-kwalitajiet u l-karatteristiċi ta' prestazzjoni li jkunu normali għall-kontenut diġitali jew għas-servizzi diġitali tal-istess tip u li l-konsumaturi jistgħu jistennew b'mod raġonevoli, minħabba n-natura tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali u b'kunsiderazzjoni ta' kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika dwar il-karatteristiċi speċifiċi tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali li jsiru mill-kummerċjant jew f'ismu jew minn persuni oħra f'ħoloq preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet.
- = -
(48) Jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/679 jew kwalunkwe liġi oħra tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data tapplika bis-sħiħ għall-ipproċessar ta' data personali b'rabta ma' kwalunkwe kuntratt li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.
Barra minn hekk, jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet, l-obbligi u r-rimedji mhux kuntrattwali previsti mir-Regolament (UE) 2016/679.
Il-fatti li jwasslu għal nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti previsti mir-Regolament (UE) 2016/679, inklużi l-prinċipji ċentrali bħar-rekwiżiti għall-minimizzazzjoni tad-data, il-protezzjoni tad-data bid-disinn u l-protezzjoni tad-data b'mod awtomatiku, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, jistgħu jitqiesu wkoll li jikkostitwixxu nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali ma' rekwiżiti ta' konformità soġġettivi jew oġġettivi previsti f'din id-Direttiva.
Eżempju wieħed jista’ jkun fejn kummerċjant jassumi espliċitament obbligu fil-kuntratt, jew il-kuntratt jista' jiġi interpretat b'dak il-mod, li huwa marbut ukoll mal-obbligi tal-kummerċjant taħt ir-Regolament (UE) 2016/679.
F'dak il-każ, impenn kuntrattwali bħal dan jista' jsir parti mir-rekwiżiti ta' konformità soġġettivi.
It-tieni eżempju jista' jkun meta nuqqas ta' konformità mal-obbligi taħt ir-Regolament (UE) 2016/679 jista', fl-istess ħin, jagħmel il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali mhux adatt għall-iskop maħsub tiegħu u, għalhekk, jikkostitwixxi nuqqas ta' konformità mar-rekwiżit oġġettiv għall-konformità li jirrikjedi li l-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali jkunu adatt għall-iskopijiet li għalihom normalment jintużaw il-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali tal-istess tip.
- = -
(54) Difetti legali huma kwistjoni partikolarment importanti fir-rigward tal-kontenut diġitali jew tas-servizzi diġitali, li huma soġġetti għal drittijiet dwar il-proprjetà intellettwali.
Restrizzjonijiet dwar l-użu tal-kontenut diġitali jew servizz diġitali tal-konsumatur f'konformità ma' din id-Direttiva jistgħu jkunu r-riżultat ta' vjolazzjoni ta' drittijiet ta' parti terza.
Tali ksur jista' jżomm lill-konsumatur milli jgawdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jew xi wħud mill-karatteristiċi tiegħu, pereżempju meta l-konsumatur assolutament ma jkunx jista' jikseb aċċess għall-kontenut diġitali jew għas-servizz diġitali jew ma jkunx jista' jagħmel dan legalment.
Dan jista’ jkun minħabba l-fatt li l-parti terza, ġustament, iġġiegħel lill-kummerċjant iwaqqaf il-ksur ta' dawk id-drittijiet u ma jkomplix joffri l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali inkwistjoni jew li l-konsumatur ma jistax juża l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali mingħajr ma jikser il-liġi.
F'każ ta' ksur tad-drittijiet ta' partijiet terzi li jirriżulta f'restrizzjoni li tipprevjeni jew tillimita l-użu tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali f'konformità mar-rekwiżiti soġġettivi u oġġettivi għall-konformità, il-konsumatur jenħtieġ li jkun intitolat għar-rimedji għan-nuqqas ta' konformità, sakemm il-liġijiet nazzjonali ma jipprevedux in-nullità tal-kuntratt, jew għar-riżoluzzjoni tiegħu, pereżempju għall-ksur tal-garanzija legali kontra l-iżgumbrament.
- = -
(77) Meta modifika jkollha impatt negattiv, b'mod mhux minuri, fuq l-aċċess jew l-użu tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali mill-konsumatur, jenħtieġ li l-konsumatur igawdi, bħala riżultat ta' tali modifika, id-dritt li jittermina l-kuntratt mingħajr ħlas.
Alternattivament, il-kummerċjant jista' jiddeċiedi li jippermetti lill-konsumatur iżomm aċċess għall-kontenut diġitali jew għas-servizz diġitali mingħajr ebda spiża addizzjonali mingħajr il-modifika u f'konformità, f'liema każ il-konsumatur jenħtieġ li ma jkunx intitolat li jittermina l-kuntratt.
Madankollu, jekk il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali li l-kummerċjant ippermetta lill-konsumatur iżomm ma għadux konformi mar-rekwiżiti soġġettivi u oġġettivi tal-konformità, il-konsumatur jenħtieġ li jkun jista' joqgħod fuq ir-rimedji għal nuqqas ta' konformità kif previst taħt din id-Direttiva.
Meta r-rekwiżiti għal tali modifika kif indikat f’din id-Direttiva ma jiġux issodisfati u l-modifika tirriżulta f'nuqqas ta' konformità, id-dritt tal-konsumatur li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jinġieb f'konformità, li jkollu l-prezz imnaqqas jew il-kuntratt terminat, kif previst taħt din id-Direttiva, jenħtieġ li jibqgħu mhux affettwati.
Bl-istess mod, meta, wara li tkun saret modifika, jirriżulta nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali li ma jkunx ġie kkawżat mill-modifika, jenħtieġ li l-konsumatur jibqa' intitolat li joqgħod fuq ir-rimedji kif previst taħt din id-Direttiva għan-nuqqas ta' konformità fir-rigward ta' dan il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali.
- = -