(42) Jenħtieġ li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jikkonforma mar-rekwiżiti miftiehma bejn il-kummerċjant u l-konsumatur fil-kuntratt.
B'mod partikolari, jenħtieġ li jkun konformi mad-deskrizzjoni, il-kwantità, pereżempju n-numru ta' fajls mużikali li wieħed jikseb aċċess għalihom, il-kwalità, pereżempju, ir-riżoluzzjoni tal-istampa, il-lingwa u l-verżjoni miftiehma fil-kuntratt.
Jenħtieġ li jkollu wkoll is-sigurtà, il-funzjonalità, il-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u karatteristiċi oħra, kif jirrikjedi l-kuntratt.
Jenħtieġ li r-rekwiżiti tal-kuntratt jinkludu dawk li jirriżultaw mill-informazzjoni prekuntrattwali, li, f'konformità mad-Direttiva 2011/83/UE, jifformaw parti integrali mill-kuntratt.
Dawk ir-rekwiżiti jistgħu jiġu stabbiliti wkoll fi ftehim dwar il-livell ta' servizz, fejn, taħt il-liġi nazzjonali applikabbli, tali tip ta’ ftehim jifforma parti mir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-konsumatur u l-kummerċjant.
- = -
(48) Jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/679 jew kwalunkwe liġi oħra tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data tapplika bis-sħiħ għall-ipproċessar ta' data personali b'rabta ma' kwalunkwe kuntratt li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.
Barra minn hekk, jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet, l-obbligi u r-rimedji mhux kuntrattwali previsti mir-Regolament (UE) 2016/679.
Il-fatti li jwasslu għal nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti previsti mir-Regolament (UE) 2016/679, inklużi l-prinċipji ċentrali bħar-rekwiżiti għall-minimizzazzjoni tad-data, il-protezzjoni tad-data bid-disinn u l-protezzjoni tad-data b'mod awtomatiku, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, jistgħu jitqiesu wkoll li jikkostitwixxu nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali ma' rekwiżiti ta' konformità soġġettivi jew oġġettivi previsti f'din id-Direttiva.
Eżempju wieħed jista’ jkun fejn kummerċjant jassumi espliċitament obbligu fil-kuntratt, jew il-kuntratt jista' jiġi interpretat b'dak il-mod, li huwa marbut ukoll mal-obbligi tal-kummerċjant taħt ir-Regolament (UE) 2016/679.
F'dak il-każ, impenn kuntrattwali bħal dan jista' jsir parti mir-rekwiżiti ta' konformità soġġettivi.
It-tieni eżempju jista' jkun meta nuqqas ta' konformità mal-obbligi taħt ir-Regolament (UE) 2016/679 jista', fl-istess ħin, jagħmel il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali mhux adatt għall-iskop maħsub tiegħu u, għalhekk, jikkostitwixxi nuqqas ta' konformità mar-rekwiżit oġġettiv għall-konformità li jirrikjedi li l-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali jkunu adatt għall-iskopijiet li għalihom normalment jintużaw il-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali tal-istess tip.
- = -
(57) Kontenut diġitali jew servizzi diġitali jista' wkoll jiġi pprovdut lill-konsumaturi b'mod kontinwu fuq perjodu ta' żmien.
Provvista kontinwa tista' tinkludi każijiet fejn il-kummerċjant iqiegħed servizz għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi għal perjodu ta' żmien fiss jew indefinit, bħal kuntratt ta' sentejn ta' ħżin fil-cloud jew sħubija indefinita fi pjattaforma tal-midja soċjali.
L-element distintiv ta' din il-kategorija huwa l-fatt li l-kontenut jew is-servizz diġitali jkun disponibbli jew aċċessibbli għall-konsumaturi biss għall-perjodu ta' żmien fiss tal-kuntratt jew sakemm il-kuntratt indefinit jibqa' fis-seħħ.
Għaldaqstant, huwa ġġustifikat li jkun jenħtieġ li f'każijiet bħal dawn il-kummerċjant ikun responsabbli biss għal nuqqas ta' konformità li titfaċċa matul dak il-perjodu ta' żmien.
Jenħtieġ li l-element ta' provvista kontinwa ma jirrikjedix neċessarjament provvista fuq perjodu ta' żmien twil.
Każijiet bħall-web-streaming ta' filmat jenħtieġ li jitqiesu bħala provvista kontinwa matul perjodu ta' żmien, irrispettivament minn kemm fil-fatt idum il-fajl awdjoviżiv.
Każijiet fejn elementi speċifiċi tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali jkunu magħmula disponibbli perjodikament jew għal diversi drabi matul il-perjodu ta' żmien fiss tal-kuntratt, jew sakemm il-kuntratt indefinit ikun fis-seħħ, jenħtieġ li wkoll jiġu kkunsidrati bħala provvista kontinwa matul perjodu ta' żmien, pereżempju meta l-kuntratt jistipula li kopja ta’ softwer anti-virus tista' tintuża għal sena u jiġi aġġornat awtomatikament fl-ewwel jum tax-xahar ta' dan il-perjodu, jew li l-kummerċjant joħroġ aġġornamenti kull meta jsiru disponibbli karatteristiċi ġodda ta' logħba diġitali, u l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jkun disponibbli jew ikun aċċessibbli għall-konsumaturi biss għall-perjodu fiss tal-kuntratt jew sakemm il-kuntratt indefinit ikun fis-seħħ.
- = -