(13) Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jiġux preklużi milli jżommu jew jintroduċu fid-dritt nazzjonali tagħhom multi ogħla bbażati fuq il-fatturat massimu għal każijiet ta’ ksur mifruxa u każijiet ta’ ksur mifruxa b’dimensjoni tal-Unjoni.
Jenħtieġ ikun possibbli wkoll li l-Istati Membri jibbażaw tali multi fuq il-fatturat dinji tan-negozjant, jew li jestendu r-regoli dwar multi għal ksur ieħor mhux kopert mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva relatat mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2017/2394.
Ir-rekwiżit li jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa f’livell ta’ mhux inqas minn 4 % tal-fatturat annwali tal-kummerċjant jenħtieġ li ma japplika għal ebda regola addizzjonali tal-Istati Membri dwar il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, bħal multi ta’ kuljum, għal nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe deċiżjoni, ordni, miżura interim, impenn tal-kummerċjant jew miżura oħra bil-għan li jitwaqqaf il-ksur.
- = -
(30) Id-definizzjonijiet tal-kontenut diġitali u tas-servizzi diġitali fid-Direttiva 2011/83/UE jenħtieġ li jiġu allinjati ma’ dawk tad-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).
Il-kontenut diġitali kopert mid-Direttiva (UE) 2019/770 ikopri att uniku ta’ forniment, sensiela ta’ atti individwali ta’ forniment, jew forniment kontinwu fuq perjodu ta’ żmien.
Jenħtieġ li l-element ta’ provvista kontinwa ma jirrikjedix neċessarjament provvista fuq perjodu ta’ żmien twil.
Każijiet bħall-web-streaming ta’ filmati jenħtieġ li jitqiesu bħala provvista kontinwa matul perjodu ta’ żmien, irrispettivament minn kemm fil-fatt idum il-fajl awdjoviżiv.
Għalhekk jista’ jkun diffiċli li ssir distinzjoni bejn ċerti tipi ta’ kontenut diġitali u servizzi diġitali, peress li t-tnejn li huma jistgħu jinvolvu forniment kontinwu min-naħa tal-kummerċjant tul iż-żmien tal-kuntratt.
Eżempji ta’ servizzi diġitali huma servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ vidjo u awdjo u l-ospitar ta’ fajls oħra, word processing jew logħob offruti fl-ambjent tal-cloud, cloud storage, posta web, midja soċjali u applikazzjonijiet tal-cloud.
L-involviment kontinwu tal-fornitur tas-servizzi jiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli dwar id-dritt ta’ reċess stabbilit fid-Direttiva 2011/83/UE li effettivament jippermetti lill-konsumatur li jittestja s-servizz u jiddeċiedi, matul il-perjodu ta’ 14-il jum mill-konklużjoni tal-kuntratt, jekk iżżommux jew le. Ħafna kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli huma kkaratterizzati minn att uniku ta’ forniment lill-konsumatur ta’ biċċa jew biċċiet speċifiċi ta’ kontenut diġitali, bħal fajls speċifiċi tal-mużika jew tal-vidjo.
Il-kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli jibqgħu soġġetti għall-eċċezzjoni mid-dritt ta’ reċess imsemmi fil-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/83/UE, li jipprovdi li l-konsumatur jitlef id-dritt ta’ reċess meta tkun inbdiet l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, bħal tniżżil jew streaming tal-kontenut, soġġett għall-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur biex tinbeda l-eżekuzzjoni matul il-perjodu tad-dritt ta’ reċess u għar-rikonoxximent li b’hekk huwa jkun tilef id-dritt tiegħu ta’ reċess.
Fejn ikun hemm dubju dwar jekk il-kuntratt huwiex kuntratt ta’ servizz jew kuntratt għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli, jenħtieġ li japplikaw ir-regoli tad-dritt ta’ reċess għas-servizzi.
- = -
(41) Il-punt (h) tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83/UE jesiġi li l-kummerċjanti jipprovdu lill-konsumaturi bl-informazzjoni prekuntrattwali dwar id-dritt ta’ reċess, inkluż b’mudell tal-formola ta’ reċess kif stabbilita fl-Anness I(B) ta’ dik id-Direttiva.
L-Artikolu 8(4) ta’ dik id-Direttiva jipprovdi għal aktar rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali, jekk il-kuntratt jiġi konkluż permezz ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li jippermetti spazju jew żmien limitat biex tintwera l-informazzjoni, bħal bit-telefown, permezz ta’ assistenti tax-xiri f’forma ta’ leħen jew b’SMS.
L-informazzjoni prekuntrattwali obbligatorja li għandha tiġi pprovduta fuq, jew permezz ta’, dak il-mezz partikolari ta’ komunikazzjoni mill-bogħod tinkludi informazzjoni dwar id-dritt ta’ reċess kif imsemmi fil-punt (h) tal-Artikolu 6(1).
Għaldaqstant, hija wkoll tinkludi l-provvediment ta’ mudell ta’ formola ta’ reċess kif stabbilita fl-Anness I(B).
Madankollu, il-forniment tal-formola ta’ reċess tkun impossibbli meta l-kuntratt jiġi konkluż permezz tat-telefown, jew permezz ta’ assistenti tax-xiri f’forma ta’ leħen u jista’ ma jkunx teknikament fattibbli b’mod faċli għall-utent fuq mezzi oħra ta’ komunikazzjoni mill-bogħod koperti mill-Artikolu 8(4).
Huwa għalhekk xieraq li jiġi eskluż l-għoti tal-mudell ta’ formola standard ta’ reċess mill-informazzjoni li l-kummerċjanti jridu jipprovdu fi kwalunkwe każ fuq jew permezz tal-mezz partikolari ta’ komunikazzjoni mill-bogħod użat għall-konklużjoni tal-kuntratt skont l-Artikolu 8(4).
- = -