(11) Kif stabbilit fl-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) 2017/2394, meta jiġu imposti penali jenħtieġ tingħata konsiderazzjoni dovuta, kif adatt, lin-natura, il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-każ ta’ ksur inkwistjoni.
L-impożizzjoni ta’ penali jenħtieġ tkun proporzjonata u jenħtieġ tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, inkluż ma’ salvagwardji proċedurali applikabbli u mal-prinċipji tal-Karta.
Fl-aħħar nett, il-penali imposti jenħtieġ ikunu adegwati għan-natura u għall-ħsara effettiva jew potenzjali b’mod ġenerali tal-ksur tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumatur.
Is-setgħa li jiġu imposti penali għandha tiġi eżerċitata jew direttament mill-awtoritajiet kompetenti taħt l-awtorità tagħhom stess, jew, fejn ikun adatt, bl-assistenza ta’ awtoritajiet kompetenti oħra jew awtoritajiet pubbliċi oħra, jew billi jingħataw istruzzjonijiet lil korpi nominati, jekk applikabbli, jew b’rikors lill-qrati kompetenti biex jagħtu d-deċiżjoni meħtieġa, inkluż, fejn xieraq, b’appell, jekk ir-rikors biex tingħata d-deċiżjoni meħtieġa jiġi miċħud.
- = -
(13) Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jiġux preklużi milli jżommu jew jintroduċu fid-dritt nazzjonali tagħhom multi ogħla bbażati fuq il-fatturat massimu għal każijiet ta’ ksur mifruxa u każijiet ta’ ksur mifruxa b’dimensjoni tal-Unjoni.
Jenħtieġ ikun possibbli wkoll li l-Istati Membri jibbażaw tali multi fuq il-fatturat dinji tan-negozjant, jew li jestendu r-regoli dwar multi għal ksur ieħor mhux kopert mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva relatat mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2017/2394.
Ir-rekwiżit li jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa f’livell ta’ mhux inqas minn 4 % tal-fatturat annwali tal-kummerċjant jenħtieġ li ma japplika għal ebda regola addizzjonali tal-Istati Membri dwar il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, bħal multi ta’ kuljum, għal nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe deċiżjoni, ordni, miżura interim, impenn tal-kummerċjant jew miżura oħra bil-għan li jitwaqqaf il-ksur.
- = -
(22) Il-kummerċjanti li jippermettu lill-konsumaturi jfittxu prodotti u servizzi, bħal vjaġġar, akkomodazzjoni u attivitajiet ta’ divertiment, offruti minn negozjanti differenti jew minn konsumaturi jenħtieġ li jinfurmaw lill-konsumaturi dwar il-parametri ewlenin awtomatiċi li jiddeterminaw il-klassifikazzjoni tal-offerti ppreżentati lill-konsumatur bħala riżultat tat-talba ta’ tfittxija u l-importanza relattiva tagħhom meta mqabbla ma’ parametri oħrajn.
Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tkun konċiża u ssir disponibbli b’mod faċli, prominenti u dirett.
Parametri li jiddeterminaw il-klassifikazzjoni tfisser kwalunkwe kriterji ġenerali, proċessi, sinjali speċifiċi inkorporati fl-algoritmi jew mekkaniżmi oħra ta’ aġġustament jew tnaqqis fil-klassifika użati fil-kuntest tal-ikklassifikar.
- = -
(23) Ir-rekwiżit tal-informazzjoni dwar il-parametri ewlenin li jiddeterminaw l-ikklassifikar huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).
Jenħtieġ li l-kummerċjanti ma jkunux meħtieġa jiżvelaw id-dettalji tal-funzjonament tal-mekkaniżmi tal-klassifikazzjoni tagħhom, inkluż l-algoritmi.
Jenħtieġ li l-kummerċjanti jipprovdu deskrizzjoni ġenerali tal-parametri ewlenin li jiddeterminaw l-ikklassifikar li tispjega l-parametri prestabbiliti ewlenin użati mill-kummerċjant u l-importanza relattiva tagħhom meta mqabbel ma’ parametri oħra, iżda ma hemmx għalfejn dik id-deskrizzjoni tiġi ppreżentata b’mod personalizzat għal kull talba ta’ tfittxija individwali.
- = -
(26) Jenħtieġ, għalhekk, li fid-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE jiġu pprovduti rekwiżiti speċifiċi ta’ informazzjoni għas-swieq online biex il-konsumaturi li jużaw is-swieq online jiġu infurmati dwar il-parametri ewlenin li jiddeterminaw il-klassifikazzjoni tal-offerti, u jekk jidħlu f’kuntratt ma’ negozjant jew mhux negozjat, bħal konsumatur ieħor.
- = -
(30) Id-definizzjonijiet tal-kontenut diġitali u tas-servizzi diġitali fid-Direttiva 2011/83/UE jenħtieġ li jiġu allinjati ma’ dawk tad-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).
Il-kontenut diġitali kopert mid-Direttiva (UE) 2019/770 ikopri att uniku ta’ forniment, sensiela ta’ atti individwali ta’ forniment, jew forniment kontinwu fuq perjodu ta’ żmien.
Jenħtieġ li l-element ta’ provvista kontinwa ma jirrikjedix neċessarjament provvista fuq perjodu ta’ żmien twil.
Każijiet bħall-web-streaming ta’ filmati jenħtieġ li jitqiesu bħala provvista kontinwa matul perjodu ta’ żmien, irrispettivament minn kemm fil-fatt idum il-fajl awdjoviżiv.
Għalhekk jista’ jkun diffiċli li ssir distinzjoni bejn ċerti tipi ta’ kontenut diġitali u servizzi diġitali, peress li t-tnejn li huma jistgħu jinvolvu forniment kontinwu min-naħa tal-kummerċjant tul iż-żmien tal-kuntratt.
Eżempji ta’ servizzi diġitali huma servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ vidjo u awdjo u l-ospitar ta’ fajls oħra, word processing jew logħob offruti fl-ambjent tal-cloud, cloud storage, posta web, midja soċjali u applikazzjonijiet tal-cloud.
L-involviment kontinwu tal-fornitur tas-servizzi jiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli dwar id-dritt ta’ reċess stabbilit fid-Direttiva 2011/83/UE li effettivament jippermetti lill-konsumatur li jittestja s-servizz u jiddeċiedi, matul il-perjodu ta’ 14-il jum mill-konklużjoni tal-kuntratt, jekk iżżommux jew le. Ħafna kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli huma kkaratterizzati minn att uniku ta’ forniment lill-konsumatur ta’ biċċa jew biċċiet speċifiċi ta’ kontenut diġitali, bħal fajls speċifiċi tal-mużika jew tal-vidjo.
Il-kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli jibqgħu soġġetti għall-eċċezzjoni mid-dritt ta’ reċess imsemmi fil-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/83/UE, li jipprovdi li l-konsumatur jitlef id-dritt ta’ reċess meta tkun inbdiet l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, bħal tniżżil jew streaming tal-kontenut, soġġett għall-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur biex tinbeda l-eżekuzzjoni matul il-perjodu tad-dritt ta’ reċess u għar-rikonoxximent li b’hekk huwa jkun tilef id-dritt tiegħu ta’ reċess.
Fejn ikun hemm dubju dwar jekk il-kuntratt huwiex kuntratt ta’ servizz jew kuntratt għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli, jenħtieġ li japplikaw ir-regoli tad-dritt ta’ reċess għas-servizzi.
- = -
(34) Sabiex jiġi żgurat allinjament sħiħ mad-Direttiva (UE) 2019/770, jekk il-kontenut diġitali u s-servizzi diġitali ma jkunux fornuti bi skambju ma’ prezz, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/83/UE ma tapplikax għal sitwazzjonijiet fejn il-kummerċjant jiġbor data personali għall-iskop waħdieni li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti legali li għalihom ikun soġġett il-kummerċjant.
Tali sitwazzjonijiet jistgħu jinkludu, pereżempju, każijiet fejn ir-reġistrazzjoni tal-konsumatur tkun meħtieġa mil-liġijiet applikabbli għal skopijiet ta’ sigurtà u ta’ identifikazzjoni.
- = -
(36) Il-kunċett ta’ funzjonalità jenħtieġ li jinftiehem bħala li jirreferi għall-modi li bihom il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jista’ jintuża.
Pereżempju, in-nuqqas jew il-preżenza ta’ kwalunkwe restrizzjoni teknika bħall-protezzjoni permezz tal-Ġestjoni tad-Drittijiet Diġitali jew tal-ikkowdjar tar-reġjun jista’ jkollha impatt fuq il-kapaċità li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jwettaq il-funzjonijiet kollha tiegħu fir-rigward tal-iskop tiegħu.
Il-kunċett ta’ interoperabbiltà jirrelata ma’ jekk u sa liema punt il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali kapaċi jiffunzjona b’hardware jew software li jkunu differenti minn dawk li normalment bihom jintużaw kontenut diġitali jew servizzi diġitali tal-istess tip.
Funzjonament b’suċċess jista’ jinkludi, pereżempju, il-kapaċità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali li jiskambja informazzjoni ma’ tali software jew hardware ieħor u juża l-informazzjoni skambjata.
Il-kunċett ta’ kompatibbiltà huwa definit fid-Direttiva (UE) 2019/770.
- = -
(47) Il-konsumaturi qegħdin jistrieħu dejjem aktar fuq ir-reċensjonijiet u l-approvazzjonijiet tal-konsumaturi meta jieħdu deċiżjonijiet rigward xiri.
Għalhekk, meta l-kummerċjanti jipprovdu aċċess għal reċensjonijiet tal-konsumatur dwar il-prodotti, dawn jenħtieġ li jinfurmaw lill-konsumaturi jekk hemmx proċessi jew proċeduri fis-seħħ biex jiżguraw li r-reċensjonijiet ippubblikati joriġinaw minn konsumaturi li fil-fatt użaw jew xtraw il-prodotti.
Jekk dawn il-proċessi jew proċeduri jkunu fis-seħħ, jenħtieġ li l-kummerċjanti jipprovdu informazzjoni dwar kif isiru l-verifiki u jipprovdu informazzjoni ċara lill-konsumaturi dwar kif jiġu pproċessati r-reċensjonijiet, pereżempju jekk jintwerewx ir-reċensjonijiet kollha, kemm pożittivi kif ukoll negattivi, jew jekk dawk ir-reċensjonijiet ikunux ġew sponsorjati jew influwenzati minn relazzjoni kuntrattwali ma’ kummerċjant.
Barra minn hekk, jenħtieġ li għalhekk titqies li hija prattika kummerċjali żleali li l-konsumaturi jiġu mqarrqa billi jiġi ddikjarat li reċensjonijiet dwar prodott ġew sottomessi minn konsumaturi li fil-fatt użaw jew xtraw dak il-prodott meta ma jkun ittieħed l-ebda pass raġonevoli u proporzjonat biex jiġi żgurat li dawn joriġinaw minn tali konsumaturi.
Tali miżuri jistgħu jinkludu mezzi tekniċi biex tiġi vverifikata l-affidabbiltà tal-persuna li tagħmel ir-reċensjoni, pereżempju, billi tintalab informazzjoni biex jiġi vverifikat li l-konsumatur ikun fil-fatt uża jew xtara l-prodott.
- = -
(49) Jenħtieġ ukoll li l-kummerċjanti jiġu pprojbiti milli jippreżentaw reċensjonijiet u approvazzjonijiet tal-konsumatur foloz, bħal “likes” fuq il-midja soċjali, jew milli jikkummissjonaw lil oħrajn biex jagħmlu dan sabiex jippromwovu l-prodotti tagħhom, kif ukoll milli jimmanipulaw ir-reċensjonijiet u l-approvazzjonijiet tal-konsumatur, bħall-pubblikazzjoni ta’ reċensjonijiet pożittivi biss u t-tħassir ta’ dawk negattivi.
Tali prattika tista’ wkoll isseħħ permezz tal-estrapolazzjoni ta’ approvazzjonijiet soċjali, fejn l-interazzjoni pożittiva tal-utent ma’ ċertu kontenut online tiġi marbuta jew trasferita għal kontenut differenti iżda relatat, u b’hekk tinħoloq l-illużjoni li dak l-utent ikun iqis ukoll b’mod pożittiv il-kontenut relatat.
- = -