(4) Id-Direttivi 98/6/KE (5), 2005/29/KE u 2011/83/UE (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jinkludu rekwiżiti li l-Istati Membri jipprovdu għal penali effettivi, proporzjonati u dissważivi biex jindirizzaw il-ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu dawk id-Direttivi.
Barra minn hekk, l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jesiġi li l-Istati Membri jieħdu miżuri ta’ infurzar, inkluża l-impożizzjoni ta’ penali, b’mod effettiv, effiċjenti u kkoordinat biex jitwaqqfu jew jiġu pprojbiti każijiet ta’ ksur mifruxa jew każijiet ta’ ksur mifruxa b’dimensjoni tal-Unjoni.
- = -
(8) dawk il-kriterji mhux eżawrjenti u indikattivi komuni għall-applikazzjoni ta’ penali jistgħu ma jkunux rilevanti fid-deċiżjoni dwar penali fir-rigward ta’ kull każ ta’ ksur, b’mod partikolari fir-rigward ta’ ksur mhux serju.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw ukoll prinċipji ġenerali oħrajn tal-liġi applikabbli għall-impożizzjoni ta’ penali, bħal pereżempju l-prinċipju ta’ non bis in idem.
- = -
(16) Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm rimedji disponibbli għal konsumaturi li jsofru dannu minn prattiki kummerċjali żleali biex jiġu eliminati l-effetti kollha ta’ dawk il-prattiki żleali.
Qafas ċar għal rimedji individwali jkun jiffaċilita l-infurzar privat.
Il-konsumatur jenħtieġ li jkollu aċċess għal kumpens għad-danni u, fejn rilevanti, għal tnaqqis fil-prezz jew terminazzjoni tal-kuntratt, b’mod proporzjonat u effettiv.
L-Istati Membri jenħtieġ li ma jkunux preklużi milli jżommu jew jintroduċu drittijiet għal rimedji oħrajn bħat-tiswija jew is-sostituzzjoni għall-konsumaturi li jsofru minn prattiċi kummerċjali żleali biex tiġi żgurata t-tneħħija sħiħa tal-effetti ta’ tali prattiki.
Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jinżammux milli jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u l-effetti tar-rimedji għall-konsumaturi.
Fl-applikazzjoni tar-rimedji, jistgħu, fejn xieraq, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità u n-natura tal-prattika kummerċjali żleali, id-dannu mġarrab mill-konsumatur u ċirkostanzi rilevanti oħrajn, bħall-kondotta ħażina tal-kummerċjant jew il-ksur tal-kuntratt.
- = -
(19) L-ikklassifikar jirreferi għall-prominenza relattiva tal-offerti tal-kummerċjanti jew ir-rilevanza li tingħata lir-riżultati ġġenerati mit-tiftix kif ippreżentati, organizzati jew ikkomunikati mill-fornituri tal-funzjonalità tat-tiftix online, inklużi dawk li jirriżultaw mill-użu ta’ sekwenzar algoritmiku, mekkaniżmi tal-ikklassifikar jew tar-riċensjoni, prominenza viżwali jew għodod oħra li jagħtu prominenza, jew kombinamenti ta’ dawn.
- = -
(21) Ir-rekwiżiti tat-trasparenza fir-rigward tal-parametri ewlenin li jiddeterminaw il-klassifikazzjoni huma rregolati wkoll bir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).
Ir-rekwiżiti ta’ trasparenza taħt dak ir-Regolament ikopru firxa wiesgħa ta’ intermedjarji online, inklużi swieq online, iżda japplikaw biss bejn il-kummerċjanti u l-intermedjarji online.
Għalhekk jenħtieġ li jiġu introdotti rekwiżiti tat-trasparenza simili fid-Direttiva 2005/29/KE biex tiġi żgurata trasparenza adegwata għall-konsumaturi, ħlief fil-każ ta’ fornituri ta’ magni tat-tiftix online, li diġà huma mitluba minn dak ir-Regolament li jistabbilixxu l-parametri prinċipali li b’mod individwali jew kollettiv huma l-aktar sinifikanti biex jiddeterminaw l-ikklassifikar u l-importanza relattiva ta’ dawk il-parametri prinċipali, billi jipprovdu deskrizzjoni aċċessibbli faċilment u disponibbli għall-pubbliku mfassla b’lingwaġġ sempliċi u intelliġibbli dwar il-magni tat-tiftix online ta’ dawk il-fornituri.
- = -
(27) Il-fornituri tas-swieq online jenħtieġ li jinfurmaw lill-konsumaturi jekk parti terza li toffri oġġetti, servizzi jew kontenut diġitali tkunx kummerċjant jew le, abbażi tad-dikjarazzjoni li saret lilhom mill-parti terza.
Meta l-parti terza li toffri l-oġġetti, is-servizzi jew il-kontenut diġitali tiddikjara li l-istatus tagħha mhuwiex ta’ kummerċjant, il-fornituri tas-swieq online jenħtieġ li jipprovdu dikjarazzjoni qasira li turi li d-drittijiet tal-konsumatur li jirriżultaw mil-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur ma japplikawx għall-kuntratt konkluż.
Barra minn hekk, il-konsumaturi jenħtieġ li jiġu infurmati dwar kif l-obbligi relatati mal-kuntratt huma kondiviżi bejn il-partijiet terzi li joffru l-oġġetti, is-servizzi jew il-kontenut diġitali u l-fornituri tas-swieq online.
Jenħtieġ li l-informazzjoni tingħata b’mod ċar u komprensibbli u mhux biss fit-termini u kundizzjonijiet standard jew dokumenti kuntrattwali simili.
Jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal fornituri tas-swieq online jkunu proporzjonati.
dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li joħolqu bilanċ bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetittività tal-fornituri tas-swieq online.
Jenħtieġ li fornituri tas-swieq online ma jkollhomx bżonn jelenkaw drittijiet speċifiċi tal-konsumaturi meta jinfurmaw lill-konsumaturi dwar in-nonapplikabbiltà tagħhom.
Dan huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-konsumatur previsti fid-Direttiva 2011/83/UE, u b’mod partikolari fl-Artikolu 6(1) tagħha.
L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta dwar ir-responsabbiltà għall-iżgurar tad-drittijiet tal-konsumatur tiddependi fuq l-arranġamenti kuntrattwali bejn il-fornituri tas-swieq online u l-kummerċjanti rilevanti ta’ terzi persuni.
Il-fornitur tas-suq online jista’ jindika li kummerċjant terz huwa unikament responsabbli biex ikunu żgurati d-drittijiet tal-konsumatur, jew jista’ jiddeskrivi r-responsabbiltajiet speċifiċi tiegħu stess fejn dak il-fornitur jassumi r-responsabbiltà għal ċerti aspetti tal-kuntratt, pereżempju, għall-kunsinna jew matul l-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess.
- = -
(30) Id-definizzjonijiet tal-kontenut diġitali u tas-servizzi diġitali fid-Direttiva 2011/83/UE jenħtieġ li jiġu allinjati ma’ dawk tad-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).
Il-kontenut diġitali kopert mid-Direttiva (UE) 2019/770 ikopri att uniku ta’ forniment, sensiela ta’ atti individwali ta’ forniment, jew forniment kontinwu fuq perjodu ta’ żmien.
Jenħtieġ li l-element ta’ provvista kontinwa ma jirrikjedix neċessarjament provvista fuq perjodu ta’ żmien twil.
Każijiet bħall-web-streaming ta’ filmati jenħtieġ li jitqiesu bħala provvista kontinwa matul perjodu ta’ żmien, irrispettivament minn kemm fil-fatt idum il-fajl awdjoviżiv.
Għalhekk jista’ jkun diffiċli li ssir distinzjoni bejn ċerti tipi ta’ kontenut diġitali u servizzi diġitali, peress li t-tnejn li huma jistgħu jinvolvu forniment kontinwu min-naħa tal-kummerċjant tul iż-żmien tal-kuntratt.
Eżempji ta’ servizzi diġitali huma servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ vidjo u awdjo u l-ospitar ta’ fajls oħra, word processing jew logħob offruti fl-ambjent tal-cloud, cloud storage, posta web, midja soċjali u applikazzjonijiet tal-cloud.
L-involviment kontinwu tal-fornitur tas-servizzi jiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli dwar id-dritt ta’ reċess stabbilit fid-Direttiva 2011/83/UE li effettivament jippermetti lill-konsumatur li jittestja s-servizz u jiddeċiedi, matul il-perjodu ta’ 14-il jum mill-konklużjoni tal-kuntratt, jekk iżżommux jew le. Ħafna kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli huma kkaratterizzati minn att uniku ta’ forniment lill-konsumatur ta’ biċċa jew biċċiet speċifiċi ta’ kontenut diġitali, bħal fajls speċifiċi tal-mużika jew tal-vidjo.
Il-kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli jibqgħu soġġetti għall-eċċezzjoni mid-dritt ta’ reċess imsemmi fil-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/83/UE, li jipprovdi li l-konsumatur jitlef id-dritt ta’ reċess meta tkun inbdiet l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, bħal tniżżil jew streaming tal-kontenut, soġġett għall-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur biex tinbeda l-eżekuzzjoni matul il-perjodu tad-dritt ta’ reċess u għar-rikonoxximent li b’hekk huwa jkun tilef id-dritt tiegħu ta’ reċess.
Fejn ikun hemm dubju dwar jekk il-kuntratt huwiex kuntratt ta’ servizz jew kuntratt għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli, jenħtieġ li japplikaw ir-regoli tad-dritt ta’ reċess għas-servizzi.
- = -
(36) Il-kunċett ta’ funzjonalità jenħtieġ li jinftiehem bħala li jirreferi għall-modi li bihom il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jista’ jintuża.
Pereżempju, in-nuqqas jew il-preżenza ta’ kwalunkwe restrizzjoni teknika bħall-protezzjoni permezz tal-Ġestjoni tad-Drittijiet Diġitali jew tal-ikkowdjar tar-reġjun jista’ jkollha impatt fuq il-kapaċità li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jwettaq il-funzjonijiet kollha tiegħu fir-rigward tal-iskop tiegħu.
Il-kunċett ta’ interoperabbiltà jirrelata ma’ jekk u sa liema punt il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali kapaċi jiffunzjona b’hardware jew software li jkunu differenti minn dawk li normalment bihom jintużaw kontenut diġitali jew servizzi diġitali tal-istess tip.
Funzjonament b’suċċess jista’ jinkludi, pereżempju, il-kapaċità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali li jiskambja informazzjoni ma’ tali software jew hardware ieħor u juża l-informazzjoni skambjata.
Il-kunċett ta’ kompatibbiltà huwa definit fid-Direttiva (UE) 2019/770.
- = -
(39) L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29/KE jistabbilixxi rekwiżiti ta’ informazzjoni ta’ “stedina għax-xiri” ta’ prodott bi prezz speċifiku.
dawk ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni diġà japplikaw fl-istadju ta’ reklamar, filwaqt li d-Direttiva 2011/83/UE timponi l-istess rekwiżiti ta’ informazzjoni u oħrajn iktar dettaljati fi stadju prekuntrattwali aktar tard (jiġifieri eżatt qabel ma l-konsumatur jidħol f’kuntratt).
F’dan ir-rigward, il-kummerċjanti jistgħu jiġu mitluba li jipprovdu l-istess informazzjoni fl-istadju tar-reklamar (eż.
riklam online fuq sit web tal-midja) u fl-istadju prekuntrattwali (eż.
fil-paġni elettroniċi tal-ħwienet online tagħhom).
- = -
(42) Il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/83/UE jipprovdi għal eċċezzjoni mid-dritt ta’ reċess fir-rigward tal-kuntratti ta’ servizz wara l-eżekuzzjoni totali tas-servizz jekk l-eżekuzzjoni tkun inbdiet, bil-kunsens minn qabel tal-konsumatur u bir-rikonoxximent li huwa jitlef id-dritt tiegħu ta’ reċess ladarba tkun saret l-eżekuzzjoni totali tal-kuntratt min-naħa tal-kummerċjant.
B’kuntrast, l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 8(8) ta’ dik id-Direttiva, li jittrattaw l-obbligi tal-kummerċjant f’sitwazzjonijiet fejn l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tkun ġiet mibdija qabel ma jiskadi l-perjodu tad-dritt ta’ reċess, jirrikjedu biss li l-kummerċjanti jiksbu l-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur, iżda mhux rikonoxximent li d-dritt ta’ reċess se jintilef meta l-prestazzjoni tkun kompluta.
Biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet, huwa meħtieġ li jiżdied obbligu fl-Artikolu 7(3) u fl-Artikolu 8(8) għall-kummerċjant biex jikseb ukoll ir-rikonoxximent mingħand il-konsumatur li d-dritt ta’ reċess jintilef meta l-eżekuzzjoni tkun kompluta, fil-każ li l-kuntratt ipoġġi lill-konsumatur taħt l-obbligu li jħallas.
Barra minn hekk, il-formulazzjoni tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 jenħtieġ li tiġi emendata sabiex tieħu inkunsiderazzjoni t-tibdil fl-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 8(8) fejn ir-rekwiżit għall-kummerċjanti li jiksbu l-kunsens espliċitu minn qabel u r-rikonoxximent tal-konsumatur japplika biss għal kuntratti ta’ servizz li jpoġġu lill-konsumatur f’obbligu li jħallas.
Madankollu, l-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw l-għażla li ma japplikawx ir-rekwiżit li jinkiseb r-rikonoxximent mill-konsumatur li d-dritt ta’ reċess jintilef meta l-eżekuzzjoni tkun kompluta fil-każ ta’ kuntratti ta’ servizzi fejn il-konsumatur ikun talab speċifikament żjara mill-kummerċjant bil-għan li jagħmel tiswijiet.
Il-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 ta’ dik id-Direttiva jipprovdi għal eċċezzjoni mid-dritt ta’ reċess fir-rigward ta’ kuntratti dwar il-forniment ta’ oġġetti magħmula skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur jew personalizzati b’mod ċar.
Dik l-eċċezzjoni tkopri, pereżempju, il-manifattura u l-installazzjoni ta’ għamara personalizzata fid-dar tal-konsumatur meta tiġi pprovduta taħt kuntratt ta’ bejgħ uniku.
- = -
(44) L-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/83/UE jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom, fil-każ li jeżerċita d-dritt ta’ reċess, il-konsumatur ma għandux iġarrab l-ispejjeż għall-eżekuzzjoni ta’ servizzi, għall-provvista ta’ utilitajiet pubbliċi u għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli.
Meta kwalunkwe waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tiġi ssodisfata, il-konsumatur ma jkollux għalfejn iħallas il-prezz tas-servizz, l-utilitajiet pubbliċi jew kontenut diġitali li jaslu qabel l-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess.
Fir-rigward tal-kontenut diġitali, waħda minn dawk il-kundizzjonijiet mhux kumulattivi, jiġifieri taħt il-punt (b)(iii) tal-Artikolu 14(4), hija nuqqas li tiġi pprovduta l-konferma tal-kuntratt, li tinkludi l-konferma tal-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur biex tinbeda l-eżekuzzjoni tal-kuntratt qabel ma jiskadi l-perjodu tad-dritt ta’ reċess u rikonoxximent li d-dritt ta’ reċess jintilef bħala riżultat ta’ dan.
Madankollu, dik il-kundizzjoni mhijiex inkluża fost il-kundizzjonijiet għat-telf tad-dritt ta’ reċess fil-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 ta’ dik id-Direttiva, u b’hekk tinħoloq inċertezza dwar il-possibbiltà għall-konsumaturi li jinvokaw il-punt (b)(iii) tal-Artikolu 14(4) meta jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra previsti fil-punt (b) tal-Artikolu 14(4) u b’riżultat ta’ dan jintilef id-dritt ta’ reċess skont il-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16.
Il-kundizzjoni prevista fil-punt (b)(iii) tal-Artikolu 14(4) jenħtieġ għalhekk li tiżdied mal-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 sabiex il-konsumatur ikun jista’ jeżerċita d-dritt ta’ reċess meta dik il-kundizzjoni ma tkunx issodisfata u b’hekk jitlob id-drittijiet previsti fl-Artikolu 14(4).
- = -
(45) Il-kummerċjanti jistgħu jippersonalizzaw il-prezz tal-offerti tagħhom għal konsumaturi speċifiċi jew kategoriji speċifiċi ta’ konsumatur abbażi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat u tfassil tal-profil tal-imġiba tal-konsumatur li jippermetti lill-kummerċjanti jivvalutaw il-kapaċità tal-akkwist tal-konsumatur.
Għalhekk, il-konsumaturi jenħtieġ li jkunu infurmati b’mod ċar meta l-prezz ippreżentat lilhom ikun personalizzat fuq il-bażi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat, sabiex dawn ikunu jistgħu jqisu r-riskji potenzjali fid-deċiżjoni tagħhom li jakkwistaw.
Konsegwentement, jenħtieġ li jiżdied rekwiżit ta’ informazzjoni speċifiku fid-Direttiva 2011/83/UE biex il-konsumatur jiġi infurmat meta l-prezz ikun personalizzat, abbażi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat.
Dan ir-rekwiżit ta’ informazzjoni jenħtieġ li ma japplikax għal tekniki bħal ipprezzar “dinamiku” jew “f’ħin reali” li jinvolvu bidla fil-prezz b’mod flessibbli ħafna u ta’ malajr b’rispons għad-domandi tas-suq meta dawk it-tekniki ma jkunux jinvolvu l-personalizzazzjoni abbażi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat.
Dan ir-rekwiżit ta’ informazzjoni huwa mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679, li jipprovdi, fost oħrajn, għad-dritt tal-individwu li ma jkunx soġġett għal teħid ta’ deċiżjonijiet individwali awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta’ profili.
- = -
(47) Il-konsumaturi qegħdin jistrieħu dejjem aktar fuq ir-reċensjonijiet u l-approvazzjonijiet tal-konsumaturi meta jieħdu deċiżjonijiet rigward xiri.
Għalhekk, meta l-kummerċjanti jipprovdu aċċess għal reċensjonijiet tal-konsumatur dwar il-prodotti, dawn jenħtieġ li jinfurmaw lill-konsumaturi jekk hemmx proċessi jew proċeduri fis-seħħ biex jiżguraw li r-reċensjonijiet ippubblikati joriġinaw minn konsumaturi li fil-fatt użaw jew xtraw il-prodotti.
Jekk dawn il-proċessi jew proċeduri jkunu fis-seħħ, jenħtieġ li l-kummerċjanti jipprovdu informazzjoni dwar kif isiru l-verifiki u jipprovdu informazzjoni ċara lill-konsumaturi dwar kif jiġu pproċessati r-reċensjonijiet, pereżempju jekk jintwerewx ir-reċensjonijiet kollha, kemm pożittivi kif ukoll negattivi, jew jekk dawk ir-reċensjonijiet ikunux ġew sponsorjati jew influwenzati minn relazzjoni kuntrattwali ma’ kummerċjant.
Barra minn hekk, jenħtieġ li għalhekk titqies li hija prattika kummerċjali żleali li l-konsumaturi jiġu mqarrqa billi jiġi ddikjarat li reċensjonijiet dwar prodott ġew sottomessi minn konsumaturi li fil-fatt użaw jew xtraw dak il-prodott meta ma jkun ittieħed l-ebda pass raġonevoli u proporzjonat biex jiġi żgurat li dawn joriġinaw minn tali konsumaturi.
Tali miżuri jistgħu jinkludu mezzi tekniċi biex tiġi vverifikata l-affidabbiltà tal-persuna li tagħmel ir-reċensjoni, pereżempju, billi tintalab informazzjoni biex jiġi vverifikat li l-konsumatur ikun fil-fatt uża jew xtara l-prodott.
- = -
(49) Jenħtieġ ukoll li l-kummerċjanti jiġu pprojbiti milli jippreżentaw reċensjonijiet u approvazzjonijiet tal-konsumatur foloz, bħal “likes” fuq il-midja soċjali, jew milli jikkummissjonaw lil oħrajn biex jagħmlu dan sabiex jippromwovu l-prodotti tagħhom, kif ukoll milli jimmanipulaw ir-reċensjonijiet u l-approvazzjonijiet tal-konsumatur, bħall-pubblikazzjoni ta’ reċensjonijiet pożittivi biss u t-tħassir ta’ dawk negattivi.
Tali prattika tista’ wkoll isseħħ permezz tal-estrapolazzjoni ta’ approvazzjonijiet soċjali, fejn l-interazzjoni pożittiva tal-utent ma’ ċertu kontenut online tiġi marbuta jew trasferita għal kontenut differenti iżda relatat, u b’hekk tinħoloq l-illużjoni li dak l-utent ikun iqis ukoll b’mod pożittiv il-kontenut relatat.
- = -
(54) Filwaqt li bejgħ lil hinn mill-post tan-negozju huwa mezz leġittimu ta’ bejgħ u stabbilit sew, bħal bejgħ fi stabbiliment kummerċjali tal-kummerċjant u bħall-bejgħ mill-bogħod, xi prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ta’ bejgħ partikolarment aggressivi jew qarrieqa fil-kuntest ta’ żjarat f’dar ta’ konsumatur jew ta’ vjaġġi promozzjonali kif imsemmi fil-punt (8) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE jistgħu jpoġġu lill-konsumaturi taħt pressjoni biex jixtru oġġetti jew servizzi li huma kieku ma kinux jixtru jew ma kinux jixtru bi prezzijiet eċċessivi, li spiss jinvolvu ħlas immedjat.
Tali prattiki spiss ikunu mmirati lejn anzjani jew konsumaturi vulnerabbli oħra.
Xi Stati Membri jqisu li dawk il-prattiċi mhumiex mixtieqa u jemmnu li huwa meħtieġ li ċerti forom u aspetti ta’ bejgħ lil hinn mill-post tan-negozju jiġu ristretti fis-sens tad-Direttiva 2011/83/UE, bħall-kummerċjalizzazzjoni aggressiva u qarrieqa jew il-bejgħ ta’ prodott fil-kuntest ta’ żjarat mhux mitluba fid-dar tal-konsumatur jew ta’ vjaġġi promozzjonali.
Fejn tali restrizzjonijiet jiġu adottati għal raġunijiet oħra minbarra l-protezzjoni tal-konsumatur, bħall-interess pubbliku jew rispett tal-ħajja privata tal-konsumaturi kif protett mill-Artikolu 7 tal-Karta, dawn jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE.
- = -
(55) B’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u biex jiġi ffaċilitat l-infurzar, jenħtieġ li jiġi ċċarat li d-Direttiva 2005/29/KE hija mingħajr preġudizzju għal-libertà tal-Istati Membri li jadottaw dispożizzjonijiet nazzjonali biex jipproteġu aktar l-interessi leġittimi tal-konsumaturi kontra prattiki kummerċjali żleali fir-rigward ta’ żjarat mhux mitluba li jsiru fid-djar tagħhom minn kummerċjant biex joffri jew ibiegħ prodotti jew vjaġġi promozzjonali organizzati minn kummerċjant bil-għan jew bl-effett li jiġu promossi jew jinbiegħu prodotti lill-konsumaturi fejn tali dispożizzjonijiet huma ġġustifikati għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur.
Kwalunkwe tali dispożizzjoni jenħtieġ li tkun proporzjonata u mhux diskriminatorja u jenħtieġ li ma tipprojbixxix dawk il-mezzi ta’ bejgħ bħala tali.
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati mill-Istati Membri jistgħu, pereżempju, jiddefinixxu l-ħin tal-ġurnata li fih ma jkunux permessi ż-żjarat fid-djar tal-konsumaturi mingħajr it-talba espliċita tagħhom jew jipprojbixxu tali żjarat meta l-konsumatur ikun indika b’mod ċar li tali żjarat mhumiex aċċettabbli jew jippreskrivu l-proċedura ta’ ħlas.
Barra minn hekk, tali dispożizzjonijiet jistgħu jistabbilixxu regoli aktar protettivi fl-oqsma armonizzati mid-Direttiva 2011/83/UE.
Id-Direttiva 2011/83/UE jenħtieġ għalhekk li tiġi emendata biex tippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri nazzjonali biex jipprovdu perjodu itwal għad-dritt ta’ reċess u jidderogaw minn eċċezzjonijiet speċifiċi mid-dritt ta’ reċess.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa li jinnotifikaw kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali adottata f’dan ir-rigward lill-Kummissjoni biex din tkun tista’ tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-partijiet interessati kollha u tissorvelja n-natura proporzjonata u l-legalità ta’ dawk il-miżuri.
- = -
(60) Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri ta’ infurzar u modernizzar aħjar tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-karattru mifrux mal-Unjoni tal-problema, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,
- = -