(7) Biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni aktar konsistenti tal-penali, b’mod partikolari f’każijiet ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni, każijiet ta’ ksur mifruxa u każijiet ta’ ksur mifruxa b’dimensjoni tal-Unjoni kif iddefiniti fir-Regolament (UE) 2017/2394, jenħtieġ li jiġu introdotti, fid-Direttivi 93/13/KEE, 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE, kriterji komuni mhux eżawrjenti u indikattivi għall-applikazzjoni ta’ penali.
Jenħtieġ li dawn il-kriterji jinkludu, pereżempju, in-natura, il-gravità, l-iskala u t-tul ta’ żmien tal-ksur, u kwalunkwe rimedju pprovdut mill-kummerċjant lill-konsumaturi għall-ħsara kkawżata.
Ksur ripetut min-naħa tal-istess awtur juri tendenza għat-twettiq ta’ tali ksur u għalhekk ikun indikazzjoni sinifikanti tal-gravità tal-aġir u, għaldaqstant, tal-ħtieġa li jiżdied il-livell tal-penali biex tinkiseb deterrenza effettiva.
Il- benefiċċji finanzjarji miksuba, jew telf evitat, minħabba l-ksur jenħtieġ li jitqiesu jekk tkun disponibbli d-data rilevanti.
Jistgħu jitqiesu fatturi aggravanti jew mitiganti oħrajn applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ.
- = -
(8) Dawk il-kriterji mhux eżawrjenti u indikattivi komuni għall-applikazzjoni ta’ penali jistgħu ma jkunux rilevanti fid-deċiżjoni dwar penali fir-rigward ta’ kull każ ta’ ksur, b’mod partikolari fir-rigward ta’ ksur mhux serju.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw ukoll prinċipji ġenerali oħrajn tal-liġi applikabbli għall-impożizzjoni ta’ penali, bħal pereżempju l-prinċipju ta’ non bis in idem.
- = -
(14) Jenħtieġ li jiġu inklużi regoli dwar il-penali fid-Direttiva 93/13/KEE bil-ħsieb li jissaħħaħ l-effett ta’ deterrent tagħha.
L-Istati Membri huma liberi li jiddeċiedu dwar il-proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja għall-applikazzjoni ta’ penali għall-ksur ta’ dik id-Direttiva.
B’mod partikolari, l-awtoritajiet amministrattivi jew il-qrati nazzjonali jistgħu jimponu penali meta jistabbilixxu n-natura inġusta ta’ termini kuntrattwali, inkluż abbażi ta’ proċedimenti ġuridiċi mibdija minn awtorità amministrattiva.
Il-penali jistgħu jiġu imposti wkoll minn awtoritajiet amministrattivi jew qrati nazzjonali meta l-bejjiegħ jew il-fornitur juża termini kuntrattwali li huma b’mod espliċitu definiti bħala inġusti fiċ-ċirkostanzi kollha fid-dritt nazzjonali kif ukoll meta l-bejjiegħ jew il-fornitur juża termini kuntrattwali li jkunu nstabu li huma inġusti permezz ta’ deċiżjoni vinkolanti finali.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-awtoritajiet amministrattivi għandhom ukoll id-dritt li jistabbilixxu n-natura inġusta ta’ termini kuntrattwali.
L-awtoritajiet amministrattivi jew il-qrati nazzjonali jistgħu jimponu penali wkoll permezz tal-istess deċiżjoni li biha tiġi stabbilita n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali.
L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-mekkaniżmi adatti ta’ koordinazzjoni għal azzjonijiet fil-livell nazzjonali fir-rigward tar-rimedju individwali u l-penali.
- = -
(16) Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm rimedji disponibbli għal konsumaturi li jsofru dannu minn prattiki kummerċjali żleali biex jiġu eliminati l-effetti kollha ta’ dawk il-prattiki żleali.
Qafas ċar għal rimedji individwali jkun jiffaċilita l-infurzar privat.
Il-konsumatur jenħtieġ li jkollu aċċess għal kumpens għad-danni u, fejn rilevanti, għal tnaqqis fil-prezz jew terminazzjoni tal-kuntratt, b’mod proporzjonat u effettiv.
L-Istati Membri jenħtieġ li ma jkunux preklużi milli jżommu jew jintroduċu drittijiet għal rimedji oħrajn bħat-tiswija jew is-sostituzzjoni għall-konsumaturi li jsofru minn prattiċi kummerċjali żleali biex tiġi żgurata t-tneħħija sħiħa tal-effetti ta’ tali prattiki.
Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jinżammux milli jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u l-effetti tar-rimedji għall-konsumaturi.
Fl-applikazzjoni tar-rimedji, jistgħu, fejn xieraq, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità u n-natura tal-prattika kummerċjali żleali, id-dannu mġarrab mill-konsumatur u ċirkostanzi rilevanti oħrajn, bħall-kondotta ħażina tal-kummerċjant jew il-ksur tal-kuntratt.
- = -