(1) L-Artikolu 169(1), u l-punt (a) tal-Artikolu 169(2), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedu li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ ħarsien għall-konsumatur permezz ta’ miżuri adottati skont l-Artikolu 114 TFUE.
L-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-unjoni Ewropea (“il-Karta”) jistipula li l-politiki tal-unjoni għandhom jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.
- = -
(2) Jenħtieġ li l-liġi għall-ħarsien tal-konsumatur tiġi applikata b’mod effettiv fl-Unjoni kollha.
Madankollu, il-Kontroll tal-Idoneità komprensiv tal-liġi dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fl-2016 u fl-2017 fil-qafas tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) ikkonkluda li l-effettività tal-liġi ta’ protezzjoni tal-konsumatur tal-unjoni hija kompromessa minn nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni kemm fost il-kummerċjanti kif ukoll fost il-konsumaturi u li mezzi eżistenti ta’ rimedju jistgħu jiġu sfruttati aktar ta’ spiss.
- = -
(4) Id-Direttivi 98/6/KE (5), 2005/29/KE u 2011/83/UE (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jinkludu rekwiżiti li l-Istati Membri jipprovdu għal penali effettivi, proporzjonati u dissważivi biex jindirizzaw il-ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu dawk id-Direttivi.
Barra minn hekk, l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jesiġi li l-Istati Membri jieħdu miżuri ta’ infurzar, inkluża l-impożizzjoni ta’ penali, b’mod effettiv, effiċjenti u kkoordinat biex jitwaqqfu jew jiġu pprojbiti każijiet ta’ ksur mifruxa jew każijiet ta’ ksur mifruxa b’dimensjoni tal-unjoni.
- = -
(5) Ir-regoli nazzjonali attwali dwar il-penali jvarjaw b’mod sinifikanti madwar l-Unjoni.
B’mod partikolari, mhux l-Istati Membri kollha jiżguraw li multi effettivi, proporzjonati u dissważivi jistgħu jiġu imposti fuq kummerċjanti li huma responsabbli għal każijiet ta’ ksur mifruxa jew każijiet ta’ ksur mifruxa b’dimensjoni tal-unjoni.
Għalhekk, jenħtieġ li r-regoli eżistenti dwar il-penali tad-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE jitjiebu u, fl-istess ħin, jenħtieġ li jiġu introdotti regoli ġodda dwar il-penali fid-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE (8).
- = -
(7) Biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni aktar konsistenti tal-penali, b’mod partikolari f’każijiet ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni, każijiet ta’ ksur mifruxa u każijiet ta’ ksur mifruxa b’dimensjoni tal-unjoni kif iddefiniti fir-Regolament (UE) 2017/2394, jenħtieġ li jiġu introdotti, fid-Direttivi 93/13/KEE, 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE, kriterji komuni mhux eżawrjenti u indikattivi għall-applikazzjoni ta’ penali.
Jenħtieġ li dawn il-kriterji jinkludu, pereżempju, in-natura, il-gravità, l-iskala u t-tul ta’ żmien tal-ksur, u kwalunkwe rimedju pprovdut mill-kummerċjant lill-konsumaturi għall-ħsara kkawżata.
Ksur ripetut min-naħa tal-istess awtur juri tendenza għat-twettiq ta’ tali ksur u għalhekk ikun indikazzjoni sinifikanti tal-gravità tal-aġir u, għaldaqstant, tal-ħtieġa li jiżdied il-livell tal-penali biex tinkiseb deterrenza effettiva.
Il- benefiċċji finanzjarji miksuba, jew telf evitat, minħabba l-ksur jenħtieġ li jitqiesu jekk tkun disponibbli d-data rilevanti.
Jistgħu jitqiesu fatturi aggravanti jew mitiganti oħrajn applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ.
- = -
(9) Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2017/2394, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati mill-azzjoni koordinata għandhom fil-ġurisdizzjoni tagħhom jieħdu l-miżuri ta’ infurzar kollha meħtieġa kontra l-kummerċjant responsabbli għall-ksur mifrux jew għall-ksur mifrux b’dimensjoni tal-unjoni biex jitwaqqaf jew jiġi pprojbit dak il-ksur.
Fejn adatt, huma għandhom jimponu penali, bħal multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali fuq il-kummerċjant responsabbli għall-ksur mifrux jew għall-ksur mifrux b’dimensjoni tal-unjoni.
Għandhom jittieħdu miżuri ta’ infurzar b’mod effettiv, effiċjenti u kkoordinat biex jitwaqqaf jew jiġi pprojbit il-ksur mifrux jew il-ksur mifrux b’dimensjoni tal-unjoni.
L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata għandhom jippruvaw jieħdu miżuri ta’ infurzar b’mod simultanju fl-Istati Membri kkonċernati minn dak il-ksur.
- = -
(10) Biex ikun żgurat li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jimponu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fir-rigward tal-każijiet ta’ ksur mifruxa u tal-każijiet ta’ ksur mifruxa b’dimensjoni tal-unjoni li jkunu soġġetti għal miżuri kkoordinati ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/2394, jenħtieġ li jiġu introdotti multi bħala element ta’ penali għal tali ksur.
Biex jiġi żgurat li l-multi jkollhom effett dissważiv, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu fid-dritt nazzjonali tagħhom il-multa massima għal tali ksur f’livell li jkun mill-inqas 4 % tal-fatturat annwali tal-kummerċjant fl-Istat Membru kkonċernat jew Stati Membri kkonċernati.
F’ċerti każijiet, il-kummerċjant jista’ jkun ukoll grupp ta’ kumpaniji.
- = -
(11) Kif stabbilit fl-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) 2017/2394, meta jiġu imposti penali jenħtieġ tingħata konsiderazzjoni dovuta, kif adatt, lin-natura, il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-każ ta’ ksur inkwistjoni.
L-impożizzjoni ta’ penali jenħtieġ tkun proporzjonata u jenħtieġ tikkonforma mal-liġi tal-unjoni u dik nazzjonali, inkluż ma’ salvagwardji proċedurali applikabbli u mal-prinċipji tal-Karta.
Fl-aħħar nett, il-penali imposti jenħtieġ ikunu adegwati għan-natura u għall-ħsara effettiva jew potenzjali b’mod ġenerali tal-ksur tal-liġijiet tal-unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumatur.
Is-setgħa li jiġu imposti penali għandha tiġi eżerċitata jew direttament mill-awtoritajiet kompetenti taħt l-awtorità tagħhom stess, jew, fejn ikun adatt, bl-assistenza ta’ awtoritajiet kompetenti oħra jew awtoritajiet pubbliċi oħra, jew billi jingħataw istruzzjonijiet lil korpi nominati, jekk applikabbli, jew b’rikors lill-qrati kompetenti biex jagħtu d-deċiżjoni meħtieġa, inkluż, fejn xieraq, b’appell, jekk ir-rikors biex tingħata d-deċiżjoni meħtieġa jiġi miċħud.
- = -
(12) Fejn, bħala riżultat tal-azzjoni koordinata taħt ir-Regolament (UE) 2017/2394, awtorità kompetenti waħda fis-sens ta’ dak ir-Regolament timponi multa fuq il-kummerċjant responsabbli għall-ksur mifrux jew għall-ksur mifrux b’dimensjoni tal-unjoni, jenħtieġ li hija tkun tista’ timponi multa ta’ mill-inqas 4 % tal-fatturat annwali tal-kummerċjant fl-Istati Membri kollha kkonċernati minn azzjoni ta’ infurzar koordinata.
- = -
(13) Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jiġux preklużi milli jżommu jew jintroduċu fid-dritt nazzjonali tagħhom multi ogħla bbażati fuq il-fatturat massimu għal każijiet ta’ ksur mifruxa u każijiet ta’ ksur mifruxa b’dimensjoni tal-unjoni.
Jenħtieġ ikun possibbli wkoll li l-Istati Membri jibbażaw tali multi fuq il-fatturat dinji tan-negozjant, jew li jestendu r-regoli dwar multi għal ksur ieħor mhux kopert mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva relatat mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2017/2394.
Ir-rekwiżit li jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa f’livell ta’ mhux inqas minn 4 % tal-fatturat annwali tal-kummerċjant jenħtieġ li ma japplika għal ebda regola addizzjonali tal-Istati Membri dwar il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, bħal multi ta’ kuljum, għal nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe deċiżjoni, ordni, miżura interim, impenn tal-kummerċjant jew miżura oħra bil-għan li jitwaqqaf il-ksur.
- = -
(17) Il-Kontroll tal-Idoneità tal-liġi dwar il-konsumaturi u l-kummerċjalizzazzjoni u l-evalwazzjoni parallela tad-Direttiva 2011/83/UE identifikaw ukoll numru ta’ oqsma fejn ir-regoli eżistenti tal-unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur jenħtieġ li jiġu mmodernizzati.
Fid-dawl tal-iżvilupp kontinwu tal-għodod diġitali, huwa meħtieġ l-aġġustament tal-liġi tal-unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.
- = -
(27) Il-fornituri tas-swieq online jenħtieġ li jinfurmaw lill-konsumaturi jekk parti terza li toffri oġġetti, servizzi jew kontenut diġitali tkunx kummerċjant jew le, abbażi tad-dikjarazzjoni li saret lilhom mill-parti terza.
Meta l-parti terza li toffri l-oġġetti, is-servizzi jew il-kontenut diġitali tiddikjara li l-istatus tagħha mhuwiex ta’ kummerċjant, il-fornituri tas-swieq online jenħtieġ li jipprovdu dikjarazzjoni qasira li turi li d-drittijiet tal-konsumatur li jirriżultaw mil-liġi tal-unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur ma japplikawx għall-kuntratt konkluż.
Barra minn hekk, il-konsumaturi jenħtieġ li jiġu infurmati dwar kif l-obbligi relatati mal-kuntratt huma kondiviżi bejn il-partijiet terzi li joffru l-oġġetti, is-servizzi jew il-kontenut diġitali u l-fornituri tas-swieq online.
Jenħtieġ li l-informazzjoni tingħata b’mod ċar u komprensibbli u mhux biss fit-termini u kundizzjonijiet standard jew dokumenti kuntrattwali simili.
Jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal fornituri tas-swieq online jkunu proporzjonati.
Dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li joħolqu bilanċ bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetittività tal-fornituri tas-swieq online.
Jenħtieġ li fornituri tas-swieq online ma jkollhomx bżonn jelenkaw drittijiet speċifiċi tal-konsumaturi meta jinfurmaw lill-konsumaturi dwar in-nonapplikabbiltà tagħhom.
Dan huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-konsumatur previsti fid-Direttiva 2011/83/UE, u b’mod partikolari fl-Artikolu 6(1) tagħha.
L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta dwar ir-responsabbiltà għall-iżgurar tad-drittijiet tal-konsumatur tiddependi fuq l-arranġamenti kuntrattwali bejn il-fornituri tas-swieq online u l-kummerċjanti rilevanti ta’ terzi persuni.
Il-fornitur tas-suq online jista’ jindika li kummerċjant terz huwa unikament responsabbli biex ikunu żgurati d-drittijiet tal-konsumatur, jew jista’ jiddeskrivi r-responsabbiltajiet speċifiċi tiegħu stess fejn dak il-fornitur jassumi r-responsabbiltà għal ċerti aspetti tal-kuntratt, pereżempju, għall-kunsinna jew matul l-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess.
- = -
(51) L-Artikolu 16 tal-Karta jiggarantixxi l-libertà tal-intrapriża skont id-dritt tal-unjoni u l-liġijiet u l-prattiki nazzjonali.
Madankollu, il-kummerċjalizzazzjoni madwar l-Istati Membri ta’ oġġetti bħala identiċi meta fir-realtà jkunu differenti b’mod sinifikanti fil-kompożizzjoni jew karatteristiċi li jistgħu jqarrqu bil-konsumaturi u jwassluhom biex jieħdu deċiżjoni tranżazzjonali li ma kinux jieħdu f’sitwazzjoni oħra.
- = -
(52) Tali prattika tista’ għalhekk tkun ikkunsidrata bħala li tmur kontra d-Direttiva 2005/29/KE, abbażi ta’ valutazzjoni każ b’każ ta’ elementi rilevanti.
Biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-liġi tal-unjoni eżistenti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-konsumatur u l-ikel, ingħatat gwida dwar l-applikazzjoni tar-regoli attwali tal-unjoni għal sitwazzjonijiet ta’ kwalità dupliċi tal-ikel fl-Avviż tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Settembru 2017“dwar l-applikazzjoni tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-ikel minħabba kwistjonijiet ta’ differenzi fil-kwalità tal-istess prodotti – Il-każ speċifiku tal-ikel”.
F’dan il-kuntest, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni ppreżenta, fil-25 ta’ April 2018, “Qafas għall-għażla u l-ittestjar ta’ prodotti tal-ikel sabiex jiġu evalwati l-karatteristiċi relatati mal-kwalità: metodoloġija ta’ ittestjar armonizzat tal-UE”.
- = -
(53) Madankollu, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita, l-esperjenza ta’ infurzar uriet li jista’ ma jkunx ċar għall-konsumaturi, kummerċjanti u awtoritajiet nazzjonali kompetenti liema prattiki kummerċjali jistgħu jmorru kontra d-Direttiva 2005/29/KE.
Għalhekk, jenħtieġ li dik id-Direttiva tiġi emendata biex tiġi żgurata ċertezza legali kemm għall-kummerċjanti kif ukoll għall-awtoritajiet tal-infurzar billi tiġi indirizzata b’mod espliċitu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ oġġett bħala identiku għal oġġett ikkumerċjalizzat fi Stati Membri oħra, fejn dak l-oġġett ikun differenti b’mod sinifikanti fil-kompożizzjoni jew il-karatteristiċi.
Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw u jindirizzaw fuq bażi ta’ każ b’każ tali prattiki skont id-Direttiva 2005/29/KE, kif emendata minn din id-Direttiva.
Fit-twettiq tal-valutazzjoni tagħha, l-awtorità kompetenti jenħtieġ li tqis jekk tali differenzazzjoni tkunx faċilment identifikabbli mill-konsumaturi, id-dritt ta’ kummerċjant li jadatta għal oġġetti tal-istess marka fi swieq ġeografiċi differenti minħabba fatturi leġittimi u oġġettivi, bħal liġi nazzjonali, disponibbiltà jew l-istaġunalità tal-materja prima jew strateġiji volontarji bil-għan li jtejbu l-aċċess għal ikel tajjeb għas-saħħa u nutrittiv, kif ukoll id-dritt tal-kummerċjanti li joffru oġġetti tal-istess marka f’pakketti ta’ piż jew volum differenti fi swieq ġeografiċi differenti.
L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jivvalutaw jekk tali differenzazzjoni hijiex faċilment identifikabbli mill-konsumaturi billi jħarsu lejn id-disponibbiltà u l-adegwatezza tal-informazzjoni.
Huwa importanti li l-konsumaturi jiġu infurmati dwar id-differenzazzjoni tal-oġġetti minħabba fatturi leġittimi u oġġettivi.
Il-kummerċjanti jenħtieġ li jkunu liberi li jipprovdu din l-informazzjoni b’modi differenti li jippermettu lill-konsumaturi jkollhom aċċess għall-informazzjoni meħtieġa.
Il-kummerċjanti jenħtieġ li ġeneralment jippreferu alternattivi għall-għoti ta’ informazzjoni fuq it-tikketta tal-oġġetti.
Ir-regoli settorjali rilevanti tal-unjoni u r-regoli dwar il-moviment liberu tal-oġġetti jenħtieġ li jiġu rispettati.
- = -
(60) Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri ta’ infurzar u modernizzar aħjar tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-karattru mifrux mal-Unjoni tal-problema, jinkisbu aħjar fil-livell tal-unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,
- = -