(3) L-Unjoni diġà ħadet għadd ta’ miżuri biex ittejjeb l-għarfien fost il-konsumaturi, il-kummerċjanti u l-prattikanti legali dwar id-drittijiet tal-konsumatur u biex jitjiebu l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur u r-rimedju għall-konsumatur.
Madankollu, għad fadal xi lakuni fil-liġi nazzjonali fir-rigward ta’ penali verament effettivi u proporzjonati biex jiskoraġġixxu u jissanzjonaw ksur fi ħdan l-Unjoni, rimedji individwali insuffiċjenti għal konsumaturi li jkunu ġarrbu danni minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u nuqqasijiet fir-rigward tal-proċedura ta’ inġunzjoni taħt id-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).
Ir-reviżjoni tal-proċedura tal-inġunzjoni jenħtieġ li tiġi indirizzata minn strument separat li jemenda u jissostitwixxi d-Direttiva 2009/22/KE.
- = -
(11) Kif stabbilit fl-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) 2017/2394, meta jiġu imposti penali jenħtieġ tingħata konsiderazzjoni dovuta, kif adatt, lin-natura, il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-każ ta’ ksur inkwistjoni.
L-impożizzjoni ta’ penali jenħtieġ tkun proporzjonata u jenħtieġ tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, inkluż ma’ salvagwardji proċedurali applikabbli u mal-prinċipji tal-Karta.
Fl-aħħar nett, il-penali imposti jenħtieġ ikunu adegwati għan-natura u għall-ħsara effettiva jew potenzjali b’mod ġenerali tal-ksur tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumatur.
Is-setgħa li jiġu imposti penali għandha tiġi eżerċitata jew direttament mill-awtoritajiet kompetenti taħt l-awtorità tagħhom stess, jew, fejn ikun adatt, bl-assistenza ta’ awtoritajiet kompetenti oħra jew awtoritajiet pubbliċi oħra, jew billi jingħataw istruzzjonijiet lil korpi nominati, jekk applikabbli, jew b’rikors lill-qrati kompetenti biex jagħtu d-deċiżjoni meħtieġa, inkluż, fejn xieraq, b’appell, jekk ir-rikors biex tingħata d-deċiżjoni meħtieġa jiġi miċħud.
- = -
(12) Fejn, bħala riżultat tal-azzjoni koordinata taħt ir-Regolament (UE) 2017/2394, awtorità kompetenti waħda fis-sens ta’ dak ir-Regolament timponi multa fuq il-kummerċjant responsabbli għall-ksur mifrux jew għall-ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni, jenħtieġ li hija tkun tista’ timponi multa ta’ mill-inqas 4 % tal-fatturat annwali tal-kummerċjant fl-Istati Membri kollha kkonċernati minn azzjoni ta’ infurzar koordinata.
- = -
(21) Ir-rekwiżiti tat-trasparenza fir-rigward tal-parametri ewlenin li jiddeterminaw il-klassifikazzjoni huma rregolati wkoll bir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).
Ir-rekwiżiti ta’ trasparenza taħt dak ir-Regolament ikopru firxa wiesgħa ta’ intermedjarji online, inklużi swieq online, iżda japplikaw biss bejn il-kummerċjanti u l-intermedjarji online.
Għalhekk jenħtieġ li jiġu introdotti rekwiżiti tat-trasparenza simili fid-Direttiva 2005/29/KE biex tiġi żgurata trasparenza adegwata għall-konsumaturi, ħlief fil-każ ta’ fornituri ta’ magni tat-tiftix online, li diġà huma mitluba minn dak ir-Regolament li jistabbilixxu l-parametri prinċipali li b’mod individwali jew kollettiv huma l-aktar sinifikanti biex jiddeterminaw l-ikklassifikar u l-importanza relattiva ta’ dawk il-parametri prinċipali, billi jipprovdu deskrizzjoni aċċessibbli faċilment u disponibbli għall-pubbliku mfassla b’lingwaġġ sempliċi u intelliġibbli dwar il-magni tat-tiftix online ta’ dawk il-fornituri.
- = -
(31) Il-kontenut diġitali u s-servizzi diġitali spiss jiġu fornuti online permezz ta’ kuntratti li taħthom il-konsumatur ma jħallasx prezz iżda jipprovdi data personali lill-kummerċjant.
Id-Direttiva 2011/83/UE diġà tapplika għal kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli (jiġifieri l-forniment ta’ kontenut diġitali online) irrispettivament minn jekk il-konsumatur iħallasx prezz fi flus jew jipprovdi data personali.
Madankollu, dik id-Direttiva tapplika biss għal kuntratti ta’ servizz, inklużi l-kuntratti għal servizzi diġitali, li jipprevedu li l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas prezz.
Konsegwentement, dik id-Direttiva ma tapplikax għal kuntratti għal servizzi diġitali fejn il-konsumatur jipprovdi data personali lill-kummerċjant mingħajr ma jħallas prezz.
Minħabba x-xebh ta’ bejniethom u l-interkambjabbiltà ta’ servizzi diġitali mħallsa u s-servizzi diġitali pprovdut bi skambju għal data personali, dawn jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-istess regoli taħt dik id-Direttiva.
- = -
(35) Jenħtieġ li d-Direttiva 2011/83/UE ma tapplikax lanqas għal sitwazzjonijiet biss fejn il-kummerċjant jiġbor il-metadata, bħal informazzjoni li tikkonċerna l-apparat tal-konsumatur jew l-istorja tal-ibbrawżjar, ħlief meta din is-sitwazzjoni titqies li tkun kuntratt taħt il-liġi nazzjonali.
Jenħtieġ li ma tapplikax lanqas għal sitwazzjonijiet li fihom il-konsumatur, mingħajr ma jkun ikkonkluda kuntratt mal-kummerċjant, ikun espost għal reklamar esklużivament biex jikseb aċċess għal kontenut diġitali jew servizz diġitali.
Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jestendu l-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva għal tali sitwazzjonijiet, jew inkella li jirregolaw sitwazzjonijiet bħal dawn, li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva.
- = -
(40) Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni taħt l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29/KE jinkludu l-għoti ta’ informazzjoni lill-konsumatur dwar il-politika ta’ ġestjoni tal-ilmenti tal-kummerċjant.
Il-konklużjonijiet tal-Kontroll tal-Idoneità tal-liġi dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni juru li dik l-informazzjoni hija l-aktar rilevanti fl-istadju prekuntrattwali, li huwa regolat mid-Direttiva 2011/83/UE.
Ir-rekwiżit li tiġi pprovduta dik l-informazzjoni fi stediniet għax-xiri fl-istadju ta’ reklamar taħt id-Direttiva 2005/29/KE għandu għalhekk jiħassar.
- = -
(42) Il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/83/UE jipprovdi għal eċċezzjoni mid-dritt ta’ reċess fir-rigward tal-kuntratti ta’ servizz wara l-eżekuzzjoni totali tas-servizz jekk l-eżekuzzjoni tkun inbdiet, bil-kunsens minn qabel tal-konsumatur u bir-rikonoxximent li huwa jitlef id-dritt tiegħu ta’ reċess ladarba tkun saret l-eżekuzzjoni totali tal-kuntratt min-naħa tal-kummerċjant.
B’kuntrast, l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 8(8) ta’ dik id-Direttiva, li jittrattaw l-obbligi tal-kummerċjant f’sitwazzjonijiet fejn l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tkun ġiet mibdija qabel ma jiskadi l-perjodu tad-dritt ta’ reċess, jirrikjedu biss li l-kummerċjanti jiksbu l-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur, iżda mhux rikonoxximent li d-dritt ta’ reċess se jintilef meta l-prestazzjoni tkun kompluta.
Biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet, huwa meħtieġ li jiżdied obbligu fl-Artikolu 7(3) u fl-Artikolu 8(8) għall-kummerċjant biex jikseb ukoll ir-rikonoxximent mingħand il-konsumatur li d-dritt ta’ reċess jintilef meta l-eżekuzzjoni tkun kompluta, fil-każ li l-kuntratt ipoġġi lill-konsumatur taħt l-obbligu li jħallas.
Barra minn hekk, il-formulazzjoni tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 jenħtieġ li tiġi emendata sabiex tieħu inkunsiderazzjoni t-tibdil fl-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 8(8) fejn ir-rekwiżit għall-kummerċjanti li jiksbu l-kunsens espliċitu minn qabel u r-rikonoxximent tal-konsumatur japplika biss għal kuntratti ta’ servizz li jpoġġu lill-konsumatur f’obbligu li jħallas.
Madankollu, l-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw l-għażla li ma japplikawx ir-rekwiżit li jinkiseb r-rikonoxximent mill-konsumatur li d-dritt ta’ reċess jintilef meta l-eżekuzzjoni tkun kompluta fil-każ ta’ kuntratti ta’ servizzi fejn il-konsumatur ikun talab speċifikament żjara mill-kummerċjant bil-għan li jagħmel tiswijiet.
Il-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 ta’ dik id-Direttiva jipprovdi għal eċċezzjoni mid-dritt ta’ reċess fir-rigward ta’ kuntratti dwar il-forniment ta’ oġġetti magħmula skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur jew personalizzati b’mod ċar.
Dik l-eċċezzjoni tkopri, pereżempju, il-manifattura u l-installazzjoni ta’ għamara personalizzata fid-dar tal-konsumatur meta tiġi pprovduta taħt kuntratt ta’ bejgħ uniku.
- = -
(44) L-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/83/UE jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom, fil-każ li jeżerċita d-dritt ta’ reċess, il-konsumatur ma għandux iġarrab l-ispejjeż għall-eżekuzzjoni ta’ servizzi, għall-provvista ta’ utilitajiet pubbliċi u għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli.
Meta kwalunkwe waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tiġi ssodisfata, il-konsumatur ma jkollux għalfejn iħallas il-prezz tas-servizz, l-utilitajiet pubbliċi jew kontenut diġitali li jaslu qabel l-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess.
Fir-rigward tal-kontenut diġitali, waħda minn dawk il-kundizzjonijiet mhux kumulattivi, jiġifieri taħt il-punt (b)(iii) tal-Artikolu 14(4), hija nuqqas li tiġi pprovduta l-konferma tal-kuntratt, li tinkludi l-konferma tal-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur biex tinbeda l-eżekuzzjoni tal-kuntratt qabel ma jiskadi l-perjodu tad-dritt ta’ reċess u rikonoxximent li d-dritt ta’ reċess jintilef bħala riżultat ta’ dan.
Madankollu, dik il-kundizzjoni mhijiex inkluża fost il-kundizzjonijiet għat-telf tad-dritt ta’ reċess fil-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 ta’ dik id-Direttiva, u b’hekk tinħoloq inċertezza dwar il-possibbiltà għall-konsumaturi li jinvokaw il-punt (b)(iii) tal-Artikolu 14(4) meta jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra previsti fil-punt (b) tal-Artikolu 14(4) u b’riżultat ta’ dan jintilef id-dritt ta’ reċess skont il-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16.
Il-kundizzjoni prevista fil-punt (b)(iii) tal-Artikolu 14(4) jenħtieġ għalhekk li tiżdied mal-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 sabiex il-konsumatur ikun jista’ jeżerċita d-dritt ta’ reċess meta dik il-kundizzjoni ma tkunx issodisfata u b’hekk jitlob id-drittijiet previsti fl-Artikolu 14(4).
- = -
(54) Filwaqt li bejgħ lil hinn mill-post tan-negozju huwa mezz leġittimu ta’ bejgħ u stabbilit sew, bħal bejgħ fi stabbiliment kummerċjali tal-kummerċjant u bħall-bejgħ mill-bogħod, xi prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ta’ bejgħ partikolarment aggressivi jew qarrieqa fil-kuntest ta’ żjarat f’dar ta’ konsumatur jew ta’ vjaġġi promozzjonali kif imsemmi fil-punt (8) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE jistgħu jpoġġu lill-konsumaturi taħt pressjoni biex jixtru oġġetti jew servizzi li huma kieku ma kinux jixtru jew ma kinux jixtru bi prezzijiet eċċessivi, li spiss jinvolvu ħlas immedjat.
Tali prattiki spiss ikunu mmirati lejn anzjani jew konsumaturi vulnerabbli oħra.
Xi Stati Membri jqisu li dawk il-prattiċi mhumiex mixtieqa u jemmnu li huwa meħtieġ li ċerti forom u aspetti ta’ bejgħ lil hinn mill-post tan-negozju jiġu ristretti fis-sens tad-Direttiva 2011/83/UE, bħall-kummerċjalizzazzjoni aggressiva u qarrieqa jew il-bejgħ ta’ prodott fil-kuntest ta’ żjarat mhux mitluba fid-dar tal-konsumatur jew ta’ vjaġġi promozzjonali.
Fejn tali restrizzjonijiet jiġu adottati għal raġunijiet oħra minbarra l-protezzjoni tal-konsumatur, bħall-interess pubbliku jew rispett tal-ħajja privata tal-konsumaturi kif protett mill-Artikolu 7 tal-Karta, dawn jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE.
- = -
(56) Fir-rigward ta’ prattiki aggressivi u qarrieqa fil-kuntest ta’ avvenimenti organizzati f’postijiet differenti mill-bini tal-kummerċjant, id-Direttiva 2005/29/KE hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kundizzjoni ta’ stabbiliment jew ta’ reġimi ta’ awtorizzazzjoni li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq il-kummerċjanti.
Barra minn dan, dik id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt kuntrattwali nazzjonali u, b’mod partikolari, għar-regoli dwar il-validità, il-forma u l-effetti ta’ kuntratt.
Il-prattiki aggressivi u qarrieqa fil-kuntest ta’ avvenimenti organizzati f’postijiet differenti mill-bini tal-kummerċjant jistgħu jiġu pprojbiti abbażi ta’ valutazzjoni każ b’każ taħt l-Artikoli 5 sa 9 ta’ dik id-Direttiva.
Barra minn hekk, l-Anness I għal dik id-Direttiva jinkludi projbizzjoni ġenerali ta’ prattiki fejn il-kummerċjant joħloq l-impressjoni li l-kummerċjant mhuwiex qed jaġixxi għal skopijiet relatati mal-professjoni tal-kummerċjant, u ta’ prattiki li joħolqu l-impressjoni li l-konsumatur ma jistax jitlaq mill-bini qabel ma jiġi konkluż kuntratt.
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk ir-regoli attwali jipprovdux livell adegwat ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u għodod adegwati biex l-Istati Membri jindirizzaw tali prattiki b’mod effettiv.
- = -