(16) Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm rimedji disponibbli għal konsumaturi li jsofru dannu minn prattiki kummerċjali żleali biex jiġu eliminati l-effetti kollha ta’ dawk il-prattiki żleali.
Qafas ċar għal rimedji individwali jkun jiffaċilita l-infurzar privat.
Il-konsumatur jenħtieġ li jkollu aċċess għal kumpens għad-danni u, fejn rilevanti, għal tnaqqis fil-prezz jew terminazzjoni tal-kuntratt, b’mod proporzjonat u effettiv.
L-Istati Membri jenħtieġ li ma jkunux preklużi milli jżommu jew jintroduċu drittijiet għal rimedji oħrajn bħat-tiswija jew is-sostituzzjoni għall-konsumaturi li jsofru minn prattiċi kummerċjali żleali biex tiġi żgurata t-tneħħija sħiħa tal-effetti ta’ tali prattiki.
Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jinżammux milli jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u l-effetti tar-rimedji għall-konsumaturi.
Fl-applikazzjoni tar-rimedji, jistgħu, fejn xieraq, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità u n-natura tal-prattika kummerċjali żleali, id-dannu mġarrab mill-konsumatur u ċirkostanzi rilevanti oħrajn, bħall-kondotta ħażina tal-kummerċjant jew il-ksur tal-kuntratt.
- = -
(21) Ir-rekwiżiti tat-trasparenza fir-rigward tal-parametri ewlenin li jiddeterminaw il-klassifikazzjoni huma rregolati wkoll bir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).
Ir-rekwiżiti ta’ trasparenza taħt dak ir-Regolament ikopru firxa wiesgħa ta’ intermedjarji online, inklużi swieq online, iżda japplikaw biss bejn il-kummerċjanti u l-intermedjarji online.
Għalhekk jenħtieġ li jiġu introdotti rekwiżiti tat-trasparenza simili fid-Direttiva 2005/29/KE biex tiġi żgurata trasparenza adegwata għall-konsumaturi, ħlief fil-każ ta’ fornituri ta’ magni tat-tiftix online, li diġà huma mitluba minn dak ir-Regolament li jistabbilixxu l-parametri prinċipali li b’mod individwali jew kollettiv huma l-aktar sinifikanti biex jiddeterminaw l-ikklassifikar u l-importanza relattiva ta’ dawk il-parametri prinċipali, billi jipprovdu deskrizzjoni aċċessibbli faċilment u disponibbli għall-pubbliku mfassla b’lingwaġġ sempliċi u intelliġibbli dwar il-magni tat-tiftix online ta’ dawk il-fornituri.
- = -
(44) L-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/83/UE jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom, fil-każ li jeżerċita d-dritt ta’ reċess, il-konsumatur ma għandux iġarrab l-ispejjeż għall-eżekuzzjoni ta’ servizzi, għall-provvista ta’ utilitajiet pubbliċi u għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli.
Meta kwalunkwe waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tiġi ssodisfata, il-konsumatur ma jkollux għalfejn iħallas il-prezz tas-servizz, l-utilitajiet pubbliċi jew kontenut diġitali li jaslu qabel l-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess.
Fir-rigward tal-kontenut diġitali, waħda minn dawk il-kundizzjonijiet mhux kumulattivi, jiġifieri taħt il-punt (b)(iii) tal-Artikolu 14(4), hija nuqqas li tiġi pprovduta l-konferma tal-kuntratt, li tinkludi l-konferma tal-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur biex tinbeda l-eżekuzzjoni tal-kuntratt qabel ma jiskadi l-perjodu tad-dritt ta’ reċess u rikonoxximent li d-dritt ta’ reċess jintilef bħala riżultat ta’ dan.
Madankollu, dik il-kundizzjoni mhijiex inkluża fost il-kundizzjonijiet għat-telf tad-dritt ta’ reċess fil-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 ta’ dik id-Direttiva, u b’hekk tinħoloq inċertezza dwar il-possibbiltà għall-konsumaturi li jinvokaw il-punt (b)(iii) tal-Artikolu 14(4) meta jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra previsti fil-punt (b) tal-Artikolu 14(4) u b’riżultat ta’ dan jintilef id-dritt ta’ reċess skont il-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16.
Il-kundizzjoni prevista fil-punt (b)(iii) tal-Artikolu 14(4) jenħtieġ għalhekk li tiżdied mal-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 sabiex il-konsumatur ikun jista’ jeżerċita d-dritt ta’ reċess meta dik il-kundizzjoni ma tkunx issodisfata u b’hekk jitlob id-drittijiet previsti fl-Artikolu 14(4).
- = -
(53) Madankollu, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita, l-esperjenza ta’ infurzar uriet li jista’ ma jkunx ċar għall-konsumaturi, kummerċjanti u awtoritajiet nazzjonali kompetenti liema prattiki kummerċjali jistgħu jmorru kontra d-Direttiva 2005/29/KE.
Għalhekk, jenħtieġ li dik id-Direttiva tiġi emendata biex tiġi żgurata ċertezza legali kemm għall-kummerċjanti kif ukoll għall-awtoritajiet tal-infurzar billi tiġi indirizzata b’mod espliċitu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ oġġett bħala identiku għal oġġett ikkumerċjalizzat fi Stati Membri oħra, fejn dak l-oġġett ikun differenti b’mod sinifikanti fil-kompożizzjoni jew il-karatteristiċi.
Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw u jindirizzaw fuq bażi ta’ każ b’każ tali prattiki skont id-Direttiva 2005/29/KE, kif emendata minn din id-Direttiva.
Fit-twettiq tal-valutazzjoni tagħha, l-awtorità kompetenti jenħtieġ li tqis jekk tali differenzazzjoni tkunx faċilment identifikabbli mill-konsumaturi, id-dritt ta’ kummerċjant li jadatta għal oġġetti tal-istess marka fi swieq ġeografiċi differenti minħabba fatturi leġittimi u oġġettivi, bħal liġi nazzjonali, disponibbiltà jew l-istaġunalità tal-materja prima jew strateġiji volontarji bil-għan li jtejbu l-aċċess għal ikel tajjeb għas-saħħa u nutrittiv, kif ukoll id-dritt tal-kummerċjanti li joffru oġġetti tal-istess marka f’pakketti ta’ piż jew volum differenti fi swieq ġeografiċi differenti.
L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jivvalutaw jekk tali differenzazzjoni hijiex faċilment identifikabbli mill-konsumaturi billi jħarsu lejn id-disponibbiltà u l-adegwatezza tal-informazzjoni.
Huwa importanti li l-konsumaturi jiġu infurmati dwar id-differenzazzjoni tal-oġġetti minħabba fatturi leġittimi u oġġettivi.
Il-kummerċjanti jenħtieġ li jkunu liberi li jipprovdu din l-informazzjoni b’modi differenti li jippermettu lill-konsumaturi jkollhom aċċess għall-informazzjoni meħtieġa.
Il-kummerċjanti jenħtieġ li ġeneralment jippreferu alternattivi għall-għoti ta’ informazzjoni fuq it-tikketta tal-oġġetti.
Ir-regoli settorjali rilevanti tal-Unjoni u r-regoli dwar il-moviment liberu tal-oġġetti jenħtieġ li jiġu rispettati.
- = -