(18) Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax il-liġi nazzjonali sal-punt li l-kwistjonijiet ikkonċernati mhumiex irregolati minn din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-legalità tal-oġġetti, id-danni u aspetti ġenerali relatati mal-liġi kuntrattwali bħall-formazzjoni, il-validità, in-nullità jew l-effetti tal-kuntratti.
L-istess jenħtieġ li japplika b’relazzjoni mal-konsegwenzi tat-terminazzjoni tal-kuntratt u għal ċerti aspetti dwar it-tiswija u s-sostituzzjoni, li mhumiex irregolati f’din id-Direttiva.
Fir-regolamentazzjoni tad-drittijiet tal-partijiet biex iżommu t-twettiq tal-obbligi tagħhom jew parti minnhom sa ma l-parti l-oħra twettaq l-obbligi tagħha, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jirregolaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet dwar iż-żamma tal-ħlas tal-prezz mill-konsumatur.
Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jirregolaw id-dritt tal-konsumatur għal kumpens għad-danni mġarrba b’konsegwenza ta’ ksur ta’ din id-Direttiva min-naħa tal-bejjiegħ.
Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli nazzjonali li ma jikkonċernawx b’mod speċifiku l-kuntratti tal-konsumatur u li jipprovdu għal rimedji speċifiċi għal ċerti tipi ta’ difetti li ma kinux immanifestaw ruħhom fil-mument li ġie konkluż il-kuntratt tal-bejgħ, jiġifieri dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jistabbilixxu regoli speċifiċi għar-responsabbiltà tal-bejjiegħ għal kwalunkwe difett moħbi.
Jenħtieġ ukoll li din id-Direttiva ma taffettwax il-liġijiet nazzjonali li jipprevedu rimedji mhux kuntrattwali għall-konsumatur, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, kontra persuni f’ħoloq preċedenti tal-katina ta-tranżazzjonijiet, pereżempju l-manifatturi, jew persuni oħra li jissodisfaw l-obbligi ta’ tali persuni.
- = -
(34) Għadd kbir ta’ oġġetti għandhom jiġu installati qabel ma l-konsumatur ikun jista’ jagħmel użu effettiv minnhom.
Barra minn hekk, fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, l-installazzjoni tal-kontenut jew is-servizz diġitali normalment tkun neċessarja biex il-konsumatur ikun jista’ juża tali l-oġġetti f’konformità mal-iskop maħsub tagħhom.
Għalhekk, kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jirriżulta mill-installazzjoni ħażina tal-oġġetti, inkluż mill-installazzjoni ħażina tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporati jew interkonnessi mal-oġġetti, jenħtieġ li jitqies bħala nuqqas ta’ konformità meta l-installazzjoni tkun twettqet mill-bejjiegħ jew taħt il-kontroll tiegħu.
Meta l-oġġetti kienu maħsuba sabiex jiġu installati mill-konsumatur, jenħtieġ li n-nuqqas ta’ konformità li tirriżulta minn installazzjoni ħażina titqies bħala nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, irrispettivament minn jekk l-installazzjoni tkunx saret mill-konsumatur jew minn parti terza taħt ir-responsabbiltà tal-konsumatur, jekk l-installazzjoni ħażina kinitx dovuta għal nuqqasijiet fl-istruzzjonijiet tal-installazzjoni, bħal nuqqas ta’ kompletezza jew nuqqas ta’ ċarezza li jagħmlu l-istruzzjonijiet tal-installazzjoni diffiċli biex jintużaw mill-konsumatur medju.
- = -