search


keyboard_tab Contratti di vendita di beni conformi 2019/0771 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2019/0771 MT cercato: 'ieħor' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl
 

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“kuntratt ta’ bejgħ” tfisser kull kuntratt li bih il-bejjiegħ jittrasferixxi jew jimpenja ruħu li jittrasferixxi sjieda ta’ oġġetti lil konsumatur, u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz tagħhom;

(2)

“konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika, li, b’rabta ma’ kuntratti koperti minn din id-Direttiva, qed taġixxi għal skopijiet li jmorru lil hinn mill-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni ta’ dik il-persuna;

(3)

“bejjiegħ” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, irrispettivament mill-fatt jekk hijiex ta’ sjieda privata jew pubblika, li qed taġixxi, inkluż permezz ta’ kwalunkwe persuna oħra li taġixxi f’isem dik il-persuna fiżika jew ġuridika jew għan-nom ta’ dik il-persuna, għal skopijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni ta’ dik il-persuna, fir-rigward ta’ kuntratti koperti minn din id-Direttiva;

(4)

“produttur” tfisser manifattur tal-oġġetti, importatur tal-oġġetti fl-Unjoni jew kwalunkwe persuna li ssostni li hija produttur billi tqiegħed isimha, it-trademark jew sinjal distintiv ieħor fuq l-oġġetti;

(5)

“oġġetti” tfisser:

(a)

kwalunkwe oġġett tanġibbli mobbli; l-ilma, il-gass u l-elettriku għandhom jitqiesu bħala oġġetti fis-sens ta’ din id-Direttiva meta jitpoġġew għall-bejgħ f’volum limitat jew fi kwantità fissa;

(b)

kwalunkwe oġġett tanġibbli mobbli li jinkorpora jew li huwa interkonness ma’ kontenut diġitali jew servizz diġitali b’tali mod li l-assenza ta’ dak il-kontenut diġitali jew servizz diġitali ma tippermettix li l-oġġett iwettaq il-funzjonijiet tiegħu (“oġġetti b’elementi diġitali”);

(6)

“kontenut diġitali” tfisser data li tiġi prodotta u pprovduta f’forma diġitali;

(7)

“servizz diġitali” tfisser:

(a)

servizz li jippermetti lill-konsumatur joħloq, jipproċessa, jaħżen jew li jkollu aċċess għal data f’forma diġitali; jew

(b)

servizz li jippermetti l-kondiviżjoni ta’ data f’format diġitali jew il-kondiviżjoni magħha, li tkun imtellgħa jew maħluqa mill-konsumatur jew utenti oħra ta’ dak is-servizz;

(8)

“kompatibbiltà” tfisser il-kapaċità tal-oġġetti li jiffunzjonaw b’hardware jew software li normalment jintużaw magħhom oġġetti tal-istess tip, mingħajr il-bżonn li l-oġġetti, hardware jew software jiġu kkonvertiti;

(9)

“funzjonalità” tfisser il-kapaċità tal-oġġetti li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fid-dawl tal-iskop tagħhom;

(10)

“interoperabbiltà” tfisser il-kapaċità tal-oġġetti li jiffunzjonaw b’hardware jew software differenti minn dawk li magħhom normalment jintużaw oġġetti tal-istess tip;

(11)

“mezz durabbli” tfisser kwalunkwe strument li jippermetti li l-konsumatur jew il-bejjiegħ jaħżen informazzjoni indirizzata personalment lil dik il-persuna b’mod li hu aċċessibbli għal referenza futura, għal perjodu ta’ żmien adegwat għall-iskopijiet tal-informazzjoni, u li jippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula tal-informazzjoni maħżuna;

(12)

“garanzija kummerċjali” tfisser kull impenn mill-bejjiegħ jew minn produttur (il-garanti) lill-konsumatur, flimkien mal-obbligu legali tal-bejjiegħ dwar il-garanzija ta’ konformità, ta’ rimborż tal-prezz imħallas jew ta’ sostituzzjoni, tiswija jew manutenzjoni ta’ oġġetti bi kwalunkwe mod jekk ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet jew kull rekwiżit ieħor mhux relatat mal-konformità, stipulati fid-dikjarazzjoni tal-garanzija jew fir-reklamar relevanti disponibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, jew qablu;

(13)

“durabbiltà” tfisser il-kapaċità tal-oġġetti li jżommu l-funzjonijiet u l-prestazzjoni tagħhom f’użu normali;

(14)

“mingħajr ħlas” tfisser ħielsa mill-ispejjeż neċessarji magħmula sabiex l-oġġetti jinġiebu f’konformità, b’mod partikolari l-ispejjeż tal-posta, tal-ġarr, tax-xogħol jew tal-materjali;

(15)

“irkant pubbliku” tfisser metodu ta’ bejgħ fejn oġġetti u servizzi jkunu offruti minn bejjiegħ lill-konsumaturi, li jattendu jew jingħataw il-possibbiltà li jattendu l-irkant fiżikament, permezz ta’ proċedura ta’ offerti trasparenti u kompetittiva mmexxija minn irkantatur u fejn l-offerent rebbieħ ikun obbligat li jixtri l-oġġetti jew is-servizzi.

Artikolu 4

Livell ta’ armonizzazzjoni

L-Istati Membri ma għandhomx jippreservaw jew jintroduċu, fil-liġi nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet diverġenti minn dawk stipulati f’din id-Direttiva, fosthom dispożizzjonijiet aktar jew inqas strinġenti biex jiżguraw livell differenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur, sakemm din id-Direttiva ma tipprevedix mod ieħor.

Artikolu 11

Oneru tal-provi

1.   Kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jimmanifesta ruħu fi żmien sena mill-mument li fih ikunu ġew konsenjati l-oġġetti għandu jkun preżunt li kien jeżisti fil-mument tal-konsenja, sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor jew din il-preżunzjoni tkun inkompatibbli man-natura tal-oġġetti jew man-natura tan-nuqqas ta’ konformità. Dan il-paragrafu għandu japplika għal oġġetti b’elementi diġitali wkoll.

2.   Minflok il-perjodu ta’ sena stabbilit fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu perjodu ta’ sentejn mill-mument tal-konsenja tal-oġġetti.

3.   F’każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali meta l-kuntratt tal-bejgħ jipprevedi provvista kontinwa tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali fuq perjodu ta’ żmien, l-oneru tal-provi fir-rigward ta’ jekk il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali kienx konformi fil-perjodu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 10(2) għandu jkun fuq il-bejjiegħ għal nuqqas ta’ konformità li jimmanifesta ruħu fil-perjodu imsemmi f’dak l-Artikolu.

Artikolu 13

Rimedji għal nuqqas ta’ konformità

1.   Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, il-konsumatur għandu jkun intitolat li jkollu l-oġġetti miġjuba f’konformità jew li jirċievi tnaqqis proporzjonat fil-prezz, jew li jittermina l-kuntratt, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Sabiex l-oġġetti jinġiebu f’konformità, il-konsumatur jista’ jagħżel bejn tiswija u sostituzzjoni, sakemm ir-rimedju magħżul, ma jkunx impossibbli jew, meta mqabbel mar-rimedju l-ieħor, jimponi spejjeż sproporzjonati fuq il-bejjiegħ meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha, inklużi:

(a)

il-valur li l-oġġetti kien ikollhom kieku ma kien hemm l-ebda nuqqas ta’ konformità;

(b)

is-sinifikat tan-nuqqas ta’ konformità; u

(c)

jekk ir-rimedju alternattiv jistax jiġi pprovdut mingħajr inkonvenjent sinifikanti għall-konsumatur.

3.   Il-bejjiegħ jista’ jirrifjuta li jġib l-oġġetti f’konformità jekk it-tiswija u s-sostituzzjoni jkunu impossibbli jew jimponu spejjeż sproporzjonati fuqu, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha inklużi dawk imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2.

4.   Il-konsumatur għandu jkollu d-dritt għal tnaqqis proporzjonat fil-prezz f’konformità mal-Artikolu 15 jew għat-terminazzjoni tal-kuntratt tal-bejgħ f’konformità mal-Artikolu 16 fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

il-bejjiegħ ma jkunx lesta t-tiswija jew is-sostituzzjoni jew, jekk applikabbli, ma jkunx lesta t-tiswija jew is-sostituzzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(2) u (3), jew il-bejjiegħ ikun irrifjuta li jġib l-oġġetti f’konformità skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

jitfaċċa nuqqas ta’ konformità minkejja li l-bejjiegħ ikun ipprova jġib l-oġġetti f’konformità;

(c)

in-nuqqas ta’ konformità tant ikun ta’ natura serja li jiġġustifika tnaqqis immedjat fil-prezz jew it-terminazzjoni tal-kuntratt tal-bejgħ; jew

(d)

il-bejjiegħ ikun iddikjara, jew ikun ċar miċ-ċirkustanzi, li l-bejjiegħ ma jkunx se jġib l-oġġetti f’konformità fi żmien raġonevoli, jew mingħajr inkonvenjent sinifikanti għall-konsumatur.

5.   Il-konsumatur ma għandux ikollu d-dritt jittermina l-kuntratt jekk in-nuqqas ta’ konformità jkun biss wieħed minuri. Il-bejjiegħ għandu jkollu l-oneru tal-provi fir-rigward ta’ jekk in-nuqqas ta’ konformità jkunx wieħed minuri.

6.   Il-konsumatur għandu jkollu d-dritt li ma jħallas l-ebda parti pendenti mill-prezz jew biċċa minnu sakemm il-bejjiegħ ikun issodisfa l-obbligi tiegħu skont din id-Direttiva. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet biex il-konsumatur jeżerċita d-dritt li jżomm il-pagament.

7.   L-Istati Membri jistgħu jirregolaw jekk u kemm il-kontribut tal-konsumatur għan-nuqqas ta’ konformità jaffettwax id-dritt tal-konsumatur għal rimedju.

Artikolu 16

Terminazzjoni tal-kuntratt tal-bejgħ

1.   Il-konsumatur għandu jeżerċita d-dritt li jittermina l-kuntratt tal-bejgħ permezz ta’ dikjarazzjoni lill-bejjiegħ li fiha jesprimi d-deċiżjoni tiegħu li jittermina l-kuntratt tal-bejgħ.

2.   Meta n-nuqqas ta’ konformità jkun jirrigwarda biss xi wħud mill-oġġetti kkonsenjati skont il-kuntratt tal-bejgħ u jkun hemm raġuni għat-terminazzjoni tal-kuntratt tal-bejgħ skont l-Artikolu 13, il-konsumatur jista’ jittermina l-kuntratt tal-bejgħ biss b’rabta ma’ dawk l-oġġetti u b’rabta ma’ kwalunkwe oġġett ieħor li l-konsumatur ikun akkwista flimkien mal-oġġetti mhux konformi jekk il-konsumatur ma jistax ikun raġonevolment mistenni jaċċetta li jżomm biss l-oġġetti konformi.

3.   Meta l-konsumatur jittermina kuntratt tal-bejgħ sħiħ jew, skont il-paragrafu 2, fir-rigward ta’ xi wħud mill-oġġetti kkonsenjati taħt il-kuntratt tal-bejgħ:

(a)

il-konsumatur għandu jirritorna l-oġġetti lill-bejjiegħ bi spejjeż għal dan tal-aħħar; u

(b)

il-bejjiegħ għandu jrodd lura lill-konsumatur il-prezz imħallas għall-oġġetti meta jirċievi l-oġġetti jew l-evidenza pprovduta mill-konsumatur li jkun bagħat l-oġġetti lura.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw l-modalitajiet għar-ritorn u r-rimborż.

Artikolu 21

Natura obbligatorja

1.   Sakemm mhux previst mod ieħor f’din id-Direttiva, kwalunkwe ftehim kuntrattwali li, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludi l-applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, jidderoga minnhom, jew ivarja l-effetti tagħhom, qabel ma l-konsumatur jiġbed l-attenzjoni tal-bejjiegħ dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, ma għandux ikun vinkolanti fuq il-konsumatur.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex timpedixxi lill-bejjiegħ milli joffri lill-konsumatur arranġamenti kuntrattwali li jmorru lil hinn mill-protezzjoni prevista f’din id-Direttiva.


whereas









keyboard_arrow_down