search


keyboard_tab Contratti di vendita di beni conformi 2019/0771 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2019/0771 MT cercato: 'qabel' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl
 

Artikolu 7

Rekwiżiti oġġettivi għall-konformità

1.   Minbarra li jikkonforma ma’ kwalunkwe rekwiżit soġġettiv għall-konformità, l-oġġetti għandhom:

(a)

ikunu adattati għall-iskopijiet li għalihom normalment jintużaw oġġetti tal-istess tip, b’kont meħud, jekk applikabbli, ta’ kwalunkwe liġi tal-Unjoni u nazzjonali eżistenti, ta’ kwalunkwe standard tekniku jew, fin-nuqqas ta’ tali standards tekniċi, il-kodiċi ta’ kondotta industrijali speċifiċi għas-settur applikabbli;

(b)

fejn applikabbli, ikunu ta’ kwalità tal-kampjun jew il-mudell li l-bejjiegħ ikun qiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni tiegħu;

(c)

jekk applikabbli, jiġu pprovduti flimkien ma’ tali aċċessorji, li jinkludu l-imballaġġ, l-istruzzjonijiet għall-installazzjoni jew struzzjonijiet oħra, kif il-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jirċievi; u

(d)

jikkorrispondu għall-kwantità u jkollhom il-kwalitajiet u karatteristiċi oħrajn, inkluż f’termini ta’ durabbiltà, funzjonalità, kompatibbiltà u sigurtà, normali għal oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna fid-dawl tan-natura tal-oġġetti u ta’ kull dikjarazzjoni pubblika magħmula minn jew f’isem il-bejjiegħ jew persuni oħra f’ħoloq aktar preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet, inkluż il-produttur, partikolarment fir-reklamar jew fuq it-tikkettar.

2.   Il-bejjiegħ ma għandux ikun marbut b’dikjarazzjonijiet pubbliċi, kif imsemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 1 jekk il-bejjiegħ juri li:

(a)

il-bejjiegħ ma kienx, u ma setax raġonevolment ikun, konxju tad-dikjarazzjoni pubblika inkwistjoni;

(b)

sal-mument li fih ikun ġie konkluż il-kuntratt, id-dikjarazzjoni pubblika kienet ġiet korretta bl-istess mod jew b’mod komparabbli bħal kif kienet saret; jew

(c)

id-deċiżjoni li jinxtraw l-oġġetti ma setgħetx ġiet influwenzata mid-dikjarazzjoni pubblika.

3.   F’każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, il-bejjiegħ għandu jiżgura li l-konsumatur jiġi infurmat bl-aġġornamenti u jiġi fornut bihom, inklużi l-aġġornamenti tas-sigurtà meħtieġa biex dawk l-oġġetti jinżammu f’konformità, għall-perjodu ta’ żmien:

(a)

li konsumatur jista’ raġonevolment jistenna, fid-dawl tat-tip u l-iskop tal-oġġetti u l-elementi diġitali, u b’kont meħud taċ-ċirkustanzi u n-natura tal-kuntratt, meta l-kuntratt tal-bejgħ jipprevedi att ta’ provvista wieħed għall-kontenut jew is-servizz diġitali; jew

(b)

indikat fl-Artikolu 10(2) jew (5), kif applikabbli, meta l-kuntratt tal-bejgħ jipprevedi l-forniment kontinwu tal-kontenut jew is-servizz diġitali fuq tul ta’ żmien.

4.   Jekk il-konsumatur jonqos milli jinstalla l-aġġornamenti pprovduti f’konformità mal-paragrafu 3 fi żmien raġonevoli, il-bejjiegħ ma għandu jkun responsabbli għall-ebda nuqqas ta’ konformità li jirriżulta biss min-nuqqas tal-aġġornament rilevanti, dment li:

(a)

il-bejjiegħ ikun informa lill-konsumatur dwar id-disponibbiltà tal-aġġornament u l-konsegwenzi tan-nuqqas tal-konsumatur li jinstallah; u

(b)

in-nuqqas tal-konsumatur li jinstalla jew l-installazzjoni ħażina mill-konsumatur tal-aġġornament ma kinux dovuti għal nuqqasijiet fl-istruzzjonijiet tal-installazzjoni pprovduti lilu.

5.   Ma għandu jkun hemm l-ebda nuqqas ta’ konformità fis-sens tal-paragrafu 1 jew 3 jekk, fil-mument meta jkun ġie konkluż il-kuntratt tal-bejgħ, il-konsumatur ikun ġie infurmat b’mod speċifiku li karatteristika partikolari tal-oġġetti kienet qed tiddevja mir-rekwiżiti oġġettivi għall-konformità stabbiliti fil-paragrafu 1 jew 3 u l-konsumatur aċċetta dik id-devjazzjoni espliċitament u separatament fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt tal-bejgħ.

Artikolu 14

Tiswija jew sostituzzjoni tal-oġġetti

1.   Tiswijiet jew sostituzzjonijiet għandhom jitwettqu:

(a)

bla ħlas;

(b)

fi żmien raġonevoli mill-mument li l-bejjiegħ ikun ġie infurmat mill-konsumatur dwar in-nuqqas ta’ konformità; u

(c)

mingħajr ebda inkonvenjent sinifikanti għall-konsumatur, filwaqt li jitqiesu n-natura tal-oġġetti u l-iskop li għalih il-konsumatur kellu bżonn l-oġġetti.

2.   Jekk in-nuqqas ta’ konformità għandu jiġi rimedjat minn tiswija jew sostituzzjoni tal-oġġetti, il-konsumatur għandu jqiegħed l-oġġetti għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ. Il-bejjiegħ għandu jieħu lura l-oġġetti sostitwiti bi spejjeż tal-bejjiegħ.

3.   Jekk tiswija tirrikjedi t-tneħħija ta’ oġġetti li jkunu ġew installati b’mod konsistenti man-natura u l-iskop tagħhom qabel ma jkun immanifesta ruħu n-nuqqas ta’ konformità, jew jekk tali oġġetti jridu jiġu sostitwiti, l-obbligu ta’ tiswija jew sostituzzjoni tal-oġġetti għandu jinkludi t-tneħħija tal-oġġetti mhux konformi, u l-installazzjoni ta’ oġġetti ta’ sostituzzjoni jew oġġetti msewwija, jew li jġorru l-ispejjeż ta’ dik it-tneħħija u l-installazzjoni.

4.   Il-konsumatur ma għandux ikun marbut li jħallas għall-użu normali tal-oġġetti matul il-perjodu qabel is-sostituzzjoni tagħhom.

Artikolu 17

Garanziji kummerċjali

1.   Kwalunkwe garanzija kummerċjali għandha tkun vinkolanti fuq il-garanti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dikjarazzjoni tal-garanzija kummerċjali u r-reklamar assoċjat disponibbli fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt jew qablu. Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni applikabbli oħra tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni, fejn produttur joffri lill-konsumatur garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà għal ċerti oġġetti għal perjodu ta’ żmien partikolari, il-produttur għandu jkun responsabbli direttament lejn il-konsumatur tul il-perjodu kollu tal-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà għat-tiswija jew is-sostituzzjoni tal-oġġetti skont l-Artikolu 14. Il-produttur jista’ joffri lill-konsumatur kundizzjonijiet aktar favorevoli fid-dikjarazzjoni tal-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà.

Jekk il-kundizzjonijiet stipulati fid-dikjarazzjoni tal-garanzija kummerċjali jkunu inqas vantaġġużi għall-konsumatur minn dawk stipulati fir-reklamar assoċjat, il-garanzija kummerċjali għandha tkun vinkolanti skont il-kundizzjonijiet stipulati fir-reklamar relatat mal-garanzija kummerċjali, sakemm, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, ir-reklamar assoċjat ma jkunx ġie kkoreġut bl-istess mod jew b’mod komparabbli bħalma jkun sar.

2.   Id-dikjarazzjoni tal-garanzija kummerċjali għandha tiġi pprovduta lill-konsumatur fuq mezz durabbli mhux aktar tard mill-mument tal-konsenja tal-oġġetti. Id-dikjarazzjoni tal-garanzija kummerċjali għandha tinkiteb b’lingwaġġ ċar u li jinftiehem. Għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

dikjarazzjoni ċara li l-konsumatur huwa intitolat bil-liġi għal rimedji mill-bejjiegħ bla ħlas fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti u li dawk ir-rimedji ma jkunux affettwati mill-garanzija kummerċjali;

(b)

l-isem u l-indirizz tal-garanti;

(c)

il-proċedura li trid tiġi segwita mill-konsumatur biex jikseb l-implimentazzjoni tal-garanzija kummerċjali;

(d)

l-indikazzjoni tal-oġġetti li l-garanzija kummerċjali tapplika għalihom; u

(e)

it-termini tal-garanzija kummerċjali.

3.   In-nuqqas ta’ konformità mal-paragrafu 2 ma jaffettwax in-natura vinkolanti tal-garanzija kummerċjali għall-garanti.

4.   Stati Membri jistgħu jistipulaw regoli dwar aspetti oħra li jikkonċernaw il-garanziji kummerċjali u li mhumiex irregolati f’dan l-Artikolu, fosthom regoli dwar il-lingwa jew il-lingwi li bihom għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur id-dikjarazzjoni tal-garanzija kummerċjali.

Artikolu 21

Natura obbligatorja

1.   Sakemm mhux previst mod ieħor f’din id-Direttiva, kwalunkwe ftehim kuntrattwali li, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludi l-applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, jidderoga minnhom, jew ivarja l-effetti tagħhom, qabel ma l-konsumatur jiġbed l-attenzjoni tal-bejjiegħ dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, ma għandux ikun vinkolanti fuq il-konsumatur.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex timpedixxi lill-bejjiegħ milli joffri lill-konsumatur arranġamenti kuntrattwali li jmorru lil hinn mill-protezzjoni prevista f’din id-Direttiva.

Artikolu 24

Traspożizzjoni

1.   Sal-1 ta’ Lulju 2021 l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippublikaw il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta’ Jannar 2022.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għal kuntratti konklużi qabel l-1 ta’ Jannar 2022.


whereas









keyboard_arrow_down