(12) Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika biss għal oġġetti mobbli tanġibbli li jikkostitwixxu oġġetti fis-sens stabbilit f’din id-Direttiva.
Għaldaqstant jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jirregolaw il-kuntratti għall-bejgħ ta’ proprjetà immobbli, bħal binjiet residenzjali, kif ukoll il-komponenti ewlenin li jkunu maħsuba bħala parti kbira minn tali proprjetà immobbli.
- = -
(34) Għadd kbir ta’ oġġetti għandhom jiġu installati qabel ma l-konsumatur ikun jista’ jagħmel użu effettiv minnhom.
Barra minn hekk, fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, l-installazzjoni tal-kontenut jew is-servizz diġitali normalment tkun neċessarja biex il-konsumatur ikun jista’ juża tali l-oġġetti f’konformità mal-iskop maħsub tagħhom.
Għalhekk, kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jirriżulta mill-installazzjoni ħażina tal-oġġetti, inkluż mill-installazzjoni ħażina tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporati jew interkonnessi mal-oġġetti, jenħtieġ li jitqies bħala nuqqas ta’ konformità meta l-installazzjoni tkun twettqet mill-bejjiegħ jew taħt il-kontroll tiegħu.
Meta l-oġġetti kienu maħsuba sabiex jiġu installati mill-konsumatur, jenħtieġ li n-nuqqas ta’ konformità li tirriżulta minn installazzjoni ħażina titqies bħala nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, irrispettivament minn jekk l-installazzjoni tkunx saret mill-konsumatur jew minn parti terza taħt ir-responsabbiltà tal-konsumatur, jekk l-installazzjoni ħażina kinitx dovuta għal nuqqasijiet fl-istruzzjonijiet tal-installazzjoni, bħal nuqqas ta’ kompletezza jew nuqqas ta’ ċarezza li jagħmlu l-istruzzjonijiet tal-installazzjoni diffiċli biex jintużaw mill-konsumatur medju.
- = -
(45) Jenħtieġ li għal perjodu ta’ sena jew, għal perjodu ta’ sentejn jekk l-Istati Membri jagħżlu li japplikaw perjodu ta’ sentejn, il-konsumatur ikun obbligat jipprova biss li l-oġġett mhuwiex f’konformità, bla ma jkollu wkoll jagħti prova li n-nuqqas ta’ konformità kien fil-fatt jeżisti fiż-żmien rilevanti għall-istabbiliment tal-konformità.
Sabiex jirribatti t-talba tal-konsumatur, il-bejjiegħ irid jipprova li n-nuqqas ta’ konformità ma kienx jeżisti f’dak il-mument.
Barra minn hekk, f’xi każijiet il-preżunzjoni li n-nuqqas ta’ konformità kien jeżisti fil-mument rilevanti għall-istabbiliment tal-konformità tista’ tkun inkompatibbli man-natura tal-oġġetti jew in-natura tan-nuqqas ta’ konformità.
Tal-ewwel jista’ jkun il-każ b’oġġetti li, min-natura tagħhom jiddeterjoraw, bħal prodotti li jitħassru, pereżempju fjuri, jew oġġetti maħsuba biex jintużaw darba biss.
Eżempju ta’ dan tal-aħħar jkun nuqqas ta’ konformità, li jista’ jkun biss riżultat ta’ azzjoni mill-konsumatur jew ta’ kawża esterna evidenti li tkun seħħet wara li l-oġġetti jkunu ġew ikkonsenjati lill-konsumatur.
F’każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali meta l-kuntratt jipprevedi provvista kontinwa tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, jenħtieġ li l-konsumatur ma jkollux għalfejn jagħti prova li l-kontenut jew is-servizz diġitali ma kienx f’konformità tul il-perjodu ta’ żmien rispettiv biex tiġi stabbilita l-konformità.
Sabiex jirribatti t-talba tal-konsumatur, il-bejjiegħ ikun irid jipprova li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali kien konformi tul dak il-perjodu.
- = -