(17) Għall-iskop taċ-ċarezza legali, din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi definizzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ u tiddefinixxi b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni relattiv.
L-iskop ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li tkopri wkoll kuntratti għall-oġġetti li jkunu għadhom iridu jiġu prodotti jew manifatturati, inkluż skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur.
Barra minn hekk, l-installazzjoni tal-oġġetti tista’ tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jekk l-installazzjoni tifforma parti mill-kuntratt tal-bejgħ u trid titwettaq mill-bejjiegħ jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
Meta kuntratt jinkludi elementi kemm ta’ bejgħ ta’ oġġetti kif ukoll ta’ għoti ta’ servizzi, għandu jitħalla f’idejn il-liġi nazzjonali biex jiġi determinat jekk il-kuntratt kollu jistax jiġi kklassifikat bħala kuntratt tal-bejgħ fis-sens ta’ din id-Direttiva.
- = -
(25) Sabiex tiġi pprovduta ċarezza dwar dak li konsumatur jista’ jistenna mill-oġġetti u dak li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-bejjiegħ f’każ li ma jitwassalx dak li jkun mistenni, huwa essenzjali li jiġu kompletament armonizzati r-regoli li jippermettu li jiġi determinat jekk l-oġġetti humiex f’konformità.
Jenħtieġ li kwalunkwe referenza għall-konformità f’din id-Direttiva tirreferi għall-konformità tal-oġġetti skont il-kuntratt tal-bejgħ.
Sabiex jitħarsu l-interessi leġittimi taż-żewġ partijiet f’kuntratt ta’ bejgħ, il-konformità jenħtieġ li tiġi vvalutata abbażi ta’ rekwiżiti għall-konformità soġġettivi kif ukoll oġġettivi.
- = -
(34) Għadd kbir ta’ oġġetti għandhom jiġu installati qabel ma l-konsumatur ikun jista’ jagħmel użu effettiv minnhom.
Barra minn hekk, fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, l-installazzjoni tal-kontenut jew is-servizz diġitali normalment tkun neċessarja biex il-konsumatur ikun jista’ juża tali l-oġġetti f’konformità mal-iskop maħsub tagħhom.
Għalhekk, kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jirriżulta mill-installazzjoni ħażina tal-oġġetti, inkluż mill-installazzjoni ħażina tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporati jew interkonnessi mal-oġġetti, jenħtieġ li jitqies bħala nuqqas ta’ konformità meta l-installazzjoni tkun twettqet mill-bejjiegħ jew taħt il-kontroll tiegħu.
Meta l-oġġetti kienu maħsuba sabiex jiġu installati mill-konsumatur, jenħtieġ li n-nuqqas ta’ konformità li tirriżulta minn installazzjoni ħażina titqies bħala nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, irrispettivament minn jekk l-installazzjoni tkunx saret mill-konsumatur jew minn parti terza taħt ir-responsabbiltà tal-konsumatur, jekk l-installazzjoni ħażina kinitx dovuta għal nuqqasijiet fl-istruzzjonijiet tal-installazzjoni, bħal nuqqas ta’ kompletezza jew nuqqas ta’ ċarezza li jagħmlu l-istruzzjonijiet tal-installazzjoni diffiċli biex jintużaw mill-konsumatur medju.
- = -
(40) Fejn l-oġġetti jirrikjedu l-installazzjoni mill-bejjiegħ, il-konsumatur f’ċertu każijiet ma jkunx kapaċi juża l-oġġetti jew jinnota difett qabel ma titlesta l-installazzjoni.
Għaldaqstant, jekk skont il-kuntratt tal-bejgħ l-oġġetti jridu jiġu installati mill-bejjiegħ jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu, jenħtieġ li l-oġġetti jitqiesu li ġew ikkonsenjati lill-konsumatur meta l-installazzjoni tkun lesta.
- = -