(15) Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għal kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, inkluż oġġetti b’elementi diġitali meta l-assenza tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness timpedixxi lill-oġġetti milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom u meta tali kontenut jew servizz diġitali jkun ipprovdut mal-oġġetti skont il-kuntratt tal-bejgħ li jikkonċerna dawn l-oġġetti.
Jenħtieġ li l-kwistjoni ta’ jekk il-provvista tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness tiffurmax parti mill-kuntratt tal-bejgħ mal-bejjiegħ tiddependi mill-kontenut ta’ dan il-kuntratt.
Dan jenħtieġ li jinkludi kontenut jew servizzi diġitali inkorporati jew interkonnessi li l-provvista tagħhom tkun meħtieġ b’mod espliċitu fil-kuntratt.
Jenħtieġ li jinkludi wkoll kuntratti ta’ bejgħ li jistgħu jiġu interpretati li jkopru l-provvista ta’ kontenut diġitali speċifiku jew servizz diġitali speċifiku għaliex ikunu normali f’oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jkunu hemm fid-dawl tan-natura tal-oġġetti u ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula mill-bejjiegħ, f’ismu jew minn persuni oħra f’ħoloq preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet, inkluż il-produttur.
Jekk, pereżempju, sett tat-televiżjoni intelliġenti jkun ġie reklamat bħala li jinkludi applikazzjoni partikolari tal-video, dik l-applikazzjoni tkun meqjusa bħala parti mill-kuntratt tal-bejgħ.
Dan jenħtieġ li japplika irrispettivament minn jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali jkunx installat minn qabel fl-oġġett innifsu jew jekk ikollux jitniżżel sussegwentement fuq apparat ieħor u jkun biss interkonness mal-oġġett.
Pereżempju, smartphone jista’ jinbiegħ b’applikazzjoni standardizzata installata minn qabel u pprovduta taħt il-kuntratt tal-bejgħ, pereżempju alarm jew kamera.
Eżempju ieħor possibbli huwa dak ta’ arloġġ intelliġenti.
tali każ, l-arloġġ stess ikun meqjus bħala l-oġġett b’elementi diġitali li jista’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu esklużivament b’applikazzjoni pprovduta skont il-kuntratt tal-bejgħ iżda li trid titniżżel mill-konsumatur fuq smartphone; l-applikazzjoni f’dan il-każ tkun l-element diġitali interkonness.
Jenħtieġ li dan japplika wkoll jekk il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness ma jkunx fornut mill-bejjiegħ innifsu iżda pprovdut, minn parti terza, taħt il-kuntratt tal-bejgħ.
Sabiex tiġi evitata l-inċertezza kemm għall-bejjiegħa kif ukoll għall-konsumaturi, f’każ ta’ dubju dwar jekk il-provvista tal-kontenut jew is-servizz diġitali tkunx parti mill-kuntratt tal-bejgħ, jenħtieġ li japplikaw ir-regoli ta’ din id-Direttiva.
Barra minn hekk, jenħtieġ li r-relazzjoni kuntrattwali bilaterali, bejn il-bejjiegħ u l-konsumatur, li tkopri l-provvista tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness ma tkunx affettwata mis-sempliċi fatt li l-konsumatur għandu jagħti l-kunsens tiegħu għal ftehim ta’ liċenzjar ma’ parti terza sabiex jibbenefika mill-kontenut jew is-servizz diġitali.
- = -
(16) B’kuntrast, jekk in-nuqqas tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness ma jwaqqafx lill-oġġetti milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom, jew jekk il-konsumatur jikkonkludi kuntratt għall-provvista ta’ kontenut jew servizz diġitali li ma jiffurmax parti minn kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, dak il-kuntratt jenħtieġ li ikun meqjus separat mill-kuntratt għal bejgħ tal-oġġetti, anki jekk il-bejjiegħ jaġixxi bħala intermedjarju ta’ dak it-tieni kuntratt mal-fornitur terz, u jista’ jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/770 jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tagħha.
Pereżempju, jekk il-konsumatur iniżżel logħba fuq l-ismartphone tiegħu, il-kuntratt għall-provvista ta’ dik l-applikazzjoni tkun separata mill-kuntratt għall-bejgħ tal-ismartphone innifsu.
Jenħtieġ li din id-Direttiva għalhekk tapplika biss għall-kuntratt tal-bejgħ tal-ismartphone, filwaqt li l-provvista tal-applikazzjoni tal-logħob jenħtieġ taqa’ taħt id-Direttiva (UE) 2019/770, jekk il-kondizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva jiġu ssodisfatti.
Eżempju ieħor huwa fejn jiġi miftiehem b’mod espliċitu li l-konsumatur jixtri smartphone mingħajr sistema operattiva speċifika u l-konsumatur sussegwentement jikkonkludi kuntratt għall-provvista ta’ sistema operattiva minn parti terza.
F’tali każ, il-provvista tas-sistema operattiva li tinxtara separatament ma tifformax parti mill-kuntratt tal-bejgħ u għalhekk ma taqax fl-ambitu tad-Direttiva (UE) 2019/770, iżda tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/770, jekk il-kondizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva jiġu ssodisfatti.
- = -
(17) Għall-iskop taċ-ċarezza legali, din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi definizzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ u tiddefinixxi b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni relattiv.
L-iskop ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li tkopri wkoll kuntratti għall-oġġetti li jkunu għadhom iridu jiġu prodotti jew manifatturati, inkluż skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur.
Barra minn hekk, l-installazzjoni tal-oġġetti tista’ tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jekk l-installazzjoni tifforma parti mill-kuntratt tal-bejgħ u trid titwettaq mill-bejjiegħ jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
Meta kuntratt jinkludi elementi kemm ta’ bejgħ ta’ oġġetti kif ukoll ta’ għoti ta’ servizzi, għandu jitħalla f’idejn il-liġi nazzjonali biex jiġi determinat jekk il-kuntratt kollu jistax jiġi kklassifikat bħala kuntratt tal-bejgħ fis-sens ta’ din id-Direttiva.
- = -
(22) Id-definizzjoni ta’ konsumatur jenħtieġ li tkopri l-persuni fiżiċi li jaġixxu barra l-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħhom.
Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu wkoll liberi li jiddeterminaw, f’każ ta’ kuntratti bi skop dupliċi, meta l-kuntratt ikun konkluż għal skopijiet li huma parzjalment fl-ambitu u parzjalment barra mill-ambitu tal-kummerċ ta’ persuna, u fejn l-iskop tal-kummerċ tant ikun limitat li ma jkunx predominanti fil-kuntest kumplessiv tal-kuntratt, jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, dik il-persuna jenħtieġ li titqies bħala konsumatur ukoll.
- = -
(23) Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għal kwalunkwe kuntratt fejn il-bejjiegħ jittrasferixxi jew jintrabat li jittrasferixxi s-sjieda ta’ oġġetti lill-konsumatur.
Il-fornituri ta’ pjattaformi jistgħu jitqiesu bħala bejjiegħa taħt din id-Direttiva jekk jaġixxu għal skopijiet relatati man-negozju tagħhom u bħala s-sieħeb kuntrattwali dirett tal-konsumatur għall-bejgħ tal-oġġetti.
L-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jestendu l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għal fornituri ta’ pjattaformi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti sabiex ikunu kkunsidrati bejjiegħa taħt din id-Direttiva.
- = -
(25) Sabiex tiġi pprovduta ċarezza dwar dak li konsumatur jista’ jistenna mill-oġġetti u dak li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-bejjiegħ f’każ li ma jitwassalx dak li jkun mistenni, huwa essenzjali li jiġu kompletament armonizzati r-regoli li jippermettu li jiġi determinat jekk l-oġġetti humiex f’konformità.
Jenħtieġ li kwalunkwe referenza għall-konformità f’din id-Direttiva tirreferi għall-konformità tal-oġġetti skont il-kuntratt tal-bejgħ.
Sabiex jitħarsu l-interessi leġittimi taż-żewġ partijiet f’kuntratt ta’ bejgħ, il-konformità jenħtieġ li tiġi vvalutata abbażi ta’ rekwiżiti għall-konformità soġġettivi kif ukoll oġġettivi.
- = -
(30) Minbarra aġġornamenti miftiehma kuntrattwalment, jenħtieġ li l-bejjiegħ jipprovdi wkoll aġġornamenti, fosthom aġġornamenti tas-sigurtà, sabiex jiġi żgurat li l-oġġetti b’elementi diġitali jibqgħu konformi.
Jenħtieġ li l-obbligu tal-bejjiegħ ikun limitat għall-aġġornamenti li huma meħtieġa biex tali oġġetti jżommu l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti oġġettivi u soġġettivi tal-konformità stabbiliti f’din id-Direttiva.
Sakemm il-partijiet ma jkunux ftehmu kuntrattwalment mod ieħor, jenħtieġ li l-bejjiegħ ma jkunx obbligat jipprovdi verżjonijiet aġġornati tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali tal-oġġetti jew li jtejjeb jew jestendi l-funzjonalitajiet tal-oġġetti apparti r-rekwiżiti relatati mal-konformità.
Jekk aġġornament ipprovdut mill-bejjiegħ jew minn parti terza li tipprovdi l-kontenut jew is-servizz diġitali taħt il-kuntratt tal-bejgħ jikkawża nuqqas ta’ konformità fl-oġġett b’elementi diġitali, jenħtieġ li l-bejjiegħ ikun responsabbli biex l-oġġett jerġa’ jinġieb f’konformità.
Il-konsumatur jenħtieġ li jibqa’ liberu li jagħżel jekk jinstallax l-aġġornamenti pprovduti.
Jekk il-konsumatur jiddeċiedi li ma jinstallax l-aġġornamenti meħtieġa għall-oġġetti b’elementi diġitali biex tinżamm il-konformità tagħhom, jenħtieġ li l-konsumatur, madankollu, ma jistenniex li tali oġġetti jibqgħu konformi.
Jenħtieġ li l-bejjiegħ jinforma lill-konsumatur li d-deċiżjoni tal-konsumatur li ma jinstallax l-aġġornamenti meħtieġa biex il-kontenut jew is-servizz diġitali jinżamm f’konformità, inklużi aġġornamenti tas-sigurtà, ser taffettwa r-responsabbiltà tal-bejjiegħ għall-konformità ta’ dawk il-karatteristiċi tal-kontenut jew is-servizz diġitali li l-aġġornamenti rilevanti suppost li jżommu f’konformità.
Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax l-obbligi li jiġu pprovduti l-aġġornamenti tas-sigurtà stabbiliti f’liġi oħra tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali.
- = -
(31) Bħala prinċipju, fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali fejn il-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporati fl-oġġetti, jew interkonnessi magħhom, ikunu pprovduti f’att ta’ provvista wieħed, il-bejjiegħ jenħtieġ li jkun responsabbli biss għan-nuqqas ta’ konformità eżistenti fil-mument tal-konsenja.
Madankollu, jenħtieġ li fl-obbligu li jingħataw aġġornamenti jirriflettu l-fatt li l-ambjent diġitali ta’ kwalunkwe oġġett bħal dan jinbidel kontinwament.
Għalhekk, l-aġġornamenti huma għodda meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-oġġetti jkunu jistgħu jiffunzjonaw bl-istess mod kif kienu fil-mument tal-konsenja.
Barra minn hekk, b’differenza minn oġġetti tradizzjonali, l-oġġetti b’elementi diġitali mhumiex kompletament separati mill-isfera tal-bejjiegħ peress li l-bejjiegħ, jew persuna terza li tipprovdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali taħt il-kuntratt tal-bejgħ, tista’ taġġorna l-oġġetti mill-bogħod, ġeneralment permezz tal-Internet.
Għalhekk, jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali jkunu fornuti permezz ta’ att uniku ta’ provvista, jenħtieġ li l-bejjiegħ ikun responsabbli li jipprovdi l-aġġornamenti meħtieġa biex l-oġġetti b’elementi diġitali jinżammu f’konformità fil-perjodu li l-konsumatur jista’ jistenna raġonevolment, anki jekk l-oġġetti kienu f’konformità fil-mument tal-konsenja.
Jenħtieġ li l-perjodu ta’ żmien li fih il-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jirċievi aġġornamenti jiġi vvalutat abbażi tat-tip u l-iskop tal-oġġetti u l-elementi diġitali, u filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi u n-natura tal-kuntratt tal-bejgħ.
Konsumatur normalment jistenna li jirċievi aġġornamenti għal mhux inqas mit-tul ta’ żmien li matulu l-bejjiegħ ikun responsabbli għal nuqqas ta’ konformità, waqt li f’xi każijiet l-istennija raġonevoli tal-konsumatur tista’ testendi lil hinn minn dak il-perjodu, kif jista’ jkun il-każ partikolarment fir-rigward tal-aġġornamenti tas-sigurtà.
F’każijiet oħra, pereżempju fir-rigward ta’ oġġetti b’elementi diġitali li l-għan tagħhom huwa limitat fiż-żmien, l-obbligu tal-bejjiegħ li jipprovdi aġġornamenti normalment ikun limitat għal dak iż-żmien.
- = -
(34) Għadd kbir ta’ oġġetti għandhom jiġu installati qabel ma l-konsumatur ikun jista’ jagħmel użu effettiv minnhom.
Barra minn hekk, fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, l-installazzjoni tal-kontenut jew is-servizz diġitali normalment tkun neċessarja biex il-konsumatur ikun jista’ juża tali l-oġġetti f’konformità mal-iskop maħsub tagħhom.
Għalhekk, kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jirriżulta mill-installazzjoni ħażina tal-oġġetti, inkluż mill-installazzjoni ħażina tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporati jew interkonnessi mal-oġġetti, jenħtieġ li jitqies bħala nuqqas ta’ konformità meta l-installazzjoni tkun twettqet mill-bejjiegħ jew taħt il-kontroll tiegħu.
Meta l-oġġetti kienu maħsuba sabiex jiġu installati mill-konsumatur, jenħtieġ li n-nuqqas ta’ konformità li tirriżulta minn installazzjoni ħażina titqies bħala nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, irrispettivament minn jekk l-installazzjoni tkunx saret mill-konsumatur jew minn parti terza taħt ir-responsabbiltà tal-konsumatur, jekk l-installazzjoni ħażina kinitx dovuta għal nuqqasijiet fl-istruzzjonijiet tal-installazzjoni, bħal nuqqas ta’ kompletezza jew nuqqas ta’ ċarezza li jagħmlu l-istruzzjonijiet tal-installazzjoni diffiċli biex jintużaw mill-konsumatur medju.
- = -
(40) Fejn l-oġġetti jirrikjedu l-installazzjoni mill-bejjiegħ, il-konsumatur f’ċertu każijiet ma jkunx kapaċi juża l-oġġetti jew jinnota difett qabel ma titlesta l-installazzjoni.
Għaldaqstant, jekk skont il-kuntratt tal-bejgħ l-oġġetti jridu jiġu installati mill-bejjiegħ jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu, jenħtieġ li l-oġġetti jitqiesu li ġew ikkonsenjati lill-konsumatur meta l-installazzjoni tkun lesta.
- = -
(62) Sabiex tiġi assigurata li hemm trasparenza, jenħtieġ li jiġu pprovduti ċerti rekwiżiti fir-rigward ta’ garanziji kummerċjali, flimkien mar-rekwiżiti għal informazzjoni prekuntrattwali dwar l-eżistenza u l-kundizzjonijiet tal-garanziji kummerċjali stabbiliti fid-Direttiva 2011/83/UE.
Barra minn hekk, sabiex titjieb iċ-ċertezza legali u jiġi evitat li l-konsumaturi jiġu żgwidati, din id-Direttiva jenħtieġ li tipprevedi, li jekk il-kundizzjonijiet tal-garanzija kummerċjali f’reklami assoċjati jkunu aktar favorevoli għall-konsumatur minn dawk inklużi fid-dikjarazzjoni tal-garanzija, jirbħu l-kundizzjonijiet l-aktar vantaġġużi.
Finalment, jenħtieġ li din id-Direttiva tipprevedi regoli dwar il-kontenut tad-dikjarazzjoni ta’ garanzija u dwar l-mod li bih jenħtieġ li titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi.
Pereżempju, jenħtieġ li d-dikjarazzjoni ta’ garanzija tinkludi t-termini tal-garanzija kummerċjali u tistqarr li l-garanzija legali tal-konformità mhix affettwata mill-garanzija kummerċjali, u tagħmilha ċara li t-termini tal-garanzija kummerċjali jikkostitwixxu l-impenn addizzjonali għall-garanzija legali tal-konformità.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jistabbilixxu regoli dwar aspetti oħra ta’ garanziji kummerċjali mhux koperti minn din id-Direttiva, pereżempju dwar assoċjazzjoni ta’ debituri għajr il-garanti mal-garanzija kummerċjali, sakemm dawk ir-regoli ma jżommux lill-konsumaturi mill-protezzjoni mogħtija lilhom mid-dispożizzjonijiet armonizzati ta’ din id-Direttiva dwar il-garanziji kummerċjali.
Waqt li l-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jitolbu li l-garanziji kummerċjali jiġu pprovduti mingħajr ħlas, jenħtieġ li jiżguraw li kwalunkwe impenn mill-bejjiegħ jew mill-produttur li jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ garanziji kummerċjali kif stabbilit f’din id-Direttiva jkun konformi mar-regoli armonizzati ta’ din id-Direttiva.
- = -