search


keyboard_tab Contratti di vendita di beni conformi 2019/0771 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2019/0771 MT cercato: 'pprovduti' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl
 

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-kuntratti ta’ bejgħ bejn konsumatur u bejjiegħ.

2.   Kuntratti bejn konsumatur u bejjiegħ għall-provvista ta’ oġġetti li jridu jiġu manifatturati jew prodotti għandhom jitqiesu wkoll bħala kuntratti ta’ bejgħ għall-iskop ta’ din id-Direttiva.

3.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti għall-provvista ta’ kontenut jew servizzi diġitali. Madankollu, għandha tapplika għal kontenut jew servizzi diġitali li jkunu inkorporati fl-oġġetti, jew interkonnessi magħhom, fis-sens tal-punt (5)(b) tal-Artikolu 2, u li jiġu pprovduti mal-oġġetti skont il-kuntratt tal-bejgħ, irrispettivament minn jekk tali kontenut jew servizz diġitali jkunx fornut mill-bejjiegħ jew minn parti terza. F’każ ta’ dubju dwar jekk il-provvista ta’ kontenut diġitali inkorporat jew interkonness jew servizz diġitali inkorporat jew interkonness jifformax parti mill-kuntratt tal-bejgħ, il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali għandu jkun preżunt li jkun kopert mill-kuntratt tal-bejgħ.

4.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal:

(a)

kwalunkwe mezz tanġibbli li jservi esklużivament bħala trasportatur għall-kontenut diġitali; jew

(b)

kwalunkwe oġġett mibjugħ b’eżekuzzjoni jew bl-awtorità tal-liġi.

5.   L-Istati jistgħu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva kuntratti għall-bejgħ ta’:

(a)

oġġetti użata mibjugħa b’subbasta; u

(b)

annimali ħajjin.

Fil-każ imsemmi fil-punt (a), għandha titqiegħed faċilment għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi informazzjoni ċara u komprensiva li d-drittijiet li joħorġu minn din id-Direttiva ma japplikawx.

6.   Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-libertà li l-Istati Membri jirregolaw l-aspetti tal-liġi ġenerali dwar il-kuntratti, bħar-regoli dwar it-tfassil, il-validità, in-nullità jew l-effetti tal-kuntratti, inklużi l-konsegwenzi tat-terminazzjoni ta’ kuntratt, dment li dawn ma jkunux regolati f’din id-Direttiva, jew id-dritt għal kumpens għad-danni.

7.   Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-libertà tal-Istati Membri li jippermettu lill-konsumaturi jagħżlu rimedju speċifiku, jekk in-nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti jsir evidenti f’perjodu wara l-konsenja, li ma jaqbiżx it-30 jum. Barra minn hekk, din id-Direttiva m’ għandhiex taffettwa r-regoli nazzjonali mhux speċifiċi għal kuntratti tal-konsumatur li jipprovdu rimedji speċifiċi għal ċerti tipi ta’ difetti li ma kinux jidhru fil-mument tal-għeluq tal-kuntratt tal-bejgħ.

Artikolu 7

Rekwiżiti oġġettivi għall-konformità

1.   Minbarra li jikkonforma ma’ kwalunkwe rekwiżit soġġettiv għall-konformità, l-oġġetti għandhom:

(a)

ikunu adattati għall-iskopijiet li għalihom normalment jintużaw oġġetti tal-istess tip, b’kont meħud, jekk applikabbli, ta’ kwalunkwe liġi tal-Unjoni u nazzjonali eżistenti, ta’ kwalunkwe standard tekniku jew, fin-nuqqas ta’ tali standards tekniċi, il-kodiċi ta’ kondotta industrijali speċifiċi għas-settur applikabbli;

(b)

fejn applikabbli, ikunu ta’ kwalità tal-kampjun jew il-mudell li l-bejjiegħ ikun qiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni tiegħu;

(c)

jekk applikabbli, jiġu pprovduti flimkien ma’ tali aċċessorji, li jinkludu l-imballaġġ, l-istruzzjonijiet għall-installazzjoni jew struzzjonijiet oħra, kif il-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jirċievi; u

(d)

jikkorrispondu għall-kwantità u jkollhom il-kwalitajiet u karatteristiċi oħrajn, inkluż f’termini ta’ durabbiltà, funzjonalità, kompatibbiltà u sigurtà, normali għal oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna fid-dawl tan-natura tal-oġġetti u ta’ kull dikjarazzjoni pubblika magħmula minn jew f’isem il-bejjiegħ jew persuni oħra f’ħoloq aktar preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet, inkluż il-produttur, partikolarment fir-reklamar jew fuq it-tikkettar.

2.   Il-bejjiegħ ma għandux ikun marbut b’dikjarazzjonijiet pubbliċi, kif imsemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 1 jekk il-bejjiegħ juri li:

(a)

il-bejjiegħ ma kienx, u ma setax raġonevolment ikun, konxju tad-dikjarazzjoni pubblika inkwistjoni;

(b)

sal-mument li fih ikun ġie konkluż il-kuntratt, id-dikjarazzjoni pubblika kienet ġiet korretta bl-istess mod jew b’mod komparabbli bħal kif kienet saret; jew

(c)

id-deċiżjoni li jinxtraw l-oġġetti ma setgħetx ġiet influwenzata mid-dikjarazzjoni pubblika.

3.   F’każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, il-bejjiegħ għandu jiżgura li l-konsumatur jiġi infurmat bl-aġġornamenti u jiġi fornut bihom, inklużi l-aġġornamenti tas-sigurtà meħtieġa biex dawk l-oġġetti jinżammu f’konformità, għall-perjodu ta’ żmien:

(a)

li konsumatur jista’ raġonevolment jistenna, fid-dawl tat-tip u l-iskop tal-oġġetti u l-elementi diġitali, u b’kont meħud taċ-ċirkustanzi u n-natura tal-kuntratt, meta l-kuntratt tal-bejgħ jipprevedi att ta’ provvista wieħed għall-kontenut jew is-servizz diġitali; jew

(b)

indikat fl-Artikolu 10(2) jew (5), kif applikabbli, meta l-kuntratt tal-bejgħ jipprevedi l-forniment kontinwu tal-kontenut jew is-servizz diġitali fuq tul ta’ żmien.

4.   Jekk il-konsumatur jonqos milli jinstalla l-aġġornamenti pprovduti f’konformità mal-paragrafu 3 fi żmien raġonevoli, il-bejjiegħ ma għandu jkun responsabbli għall-ebda nuqqas ta’ konformità li jirriżulta biss min-nuqqas tal-aġġornament rilevanti, dment li:

(a)

il-bejjiegħ ikun informa lill-konsumatur dwar id-disponibbiltà tal-aġġornament u l-konsegwenzi tan-nuqqas tal-konsumatur li jinstallah; u

(b)

in-nuqqas tal-konsumatur li jinstalla jew l-installazzjoni ħażina mill-konsumatur tal-aġġornament ma kinux dovuti għal nuqqasijiet fl-istruzzjonijiet tal-installazzjoni pprovduti lilu.

5.   Ma għandu jkun hemm l-ebda nuqqas ta’ konformità fis-sens tal-paragrafu 1 jew 3 jekk, fil-mument meta jkun ġie konkluż il-kuntratt tal-bejgħ, il-konsumatur ikun ġie infurmat b’mod speċifiku li karatteristika partikolari tal-oġġetti kienet qed tiddevja mir-rekwiżiti oġġettivi għall-konformità stabbiliti fil-paragrafu 1 jew 3 u l-konsumatur aċċetta dik id-devjazzjoni espliċitament u separatament fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt tal-bejgħ.

Artikolu 8

Installazzjoni ħażina tal-oġġetti

Kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jirriżulta mill-installazzjoni ħażina tal-oġġetti għandu jitqies bħala nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti jekk:

(a)

l-installazzjoni tifforma parti mill-kuntratt tal-bejgħ u tkun saret mill-bejjiegħ jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu; jew

(b)

l-installazzjoni, maħsuba biex titwettaq mill-konsumatur, tkun saret mill-konsumatur u l-installazzjoni ħażina kienet dovuta għal nuqqasijiet fl-istruzzjonijiet għall-installazzjoni pprovduti mill-bejjiegħ jew, fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, provdut mill-bejjiegħ jew mill-fornitur tal-kontenut jew is-servizz diġitali.


whereas









keyboard_arrow_down