(9) Filwaqt li l-bejgħ online ta’ oġġetti jikkostitwixxi l-maġġoranza assoluta tal-bejgħ transfruntier fl-Unjoni, id-differenzi fil-liġijiet kuntrattwali nazzjonali jaffettwaw kemm lill-bejjiegħa bl-imnut li jużaw kanali tal-bejgħ mill-bogħod kif ukoll lill-bejjiegħa bl-imnut li jbigħu wiċċ imb wiċċ u jżommuhom milli jespandu lil hinn mill-fruntieri.
Jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri l-kanali tal-bejgħ kollha, biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għan-negozji kollha li jbigħu oġġetti lill-konsumaturi.
Permezz ta’ regoli uniformi bejn il-kanali tal-bejgħ, jenħtieġ li din id-Direttiva tevita kwalunkwe diverġenza li toħloq piżijiet sproporzjonati għan-numru dejjem akbar ta’ bejjiegħa bl-imnut omni-channel fl-Unjoni.
Il-ħtieġa li jinżammu regoli konsistenti dwar il-bejgħ u l-garanziji għall-kanali tal-bejgħ kollha ġiet ikkonfermata fil-Kontroll tal-Idoneità tal-Kummissjoni tal-liġi dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni ppubblikata fid-29 ta’ Mejju 2017, li kopriet anki d-Direttiva 1999/44/KE.
- = -
(30) Minbarra aġġornamenti miftiehma kuntrattwalment, jenħtieġ li l-bejjiegħ jipprovdi wkoll aġġornamenti, fosthom aġġornamenti tas-sigurtà, sabiex jiġi żgurat li l-oġġetti b’elementi diġitali jibqgħu konformi.
Jenħtieġ li l-obbligu tal-bejjiegħ ikun limitat għall-aġġornamenti li huma meħtieġa biex tali oġġetti jżommu l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti oġġettivi u soġġettivi tal-konformità stabbiliti f’din id-Direttiva.
Sakemm il-partijiet ma jkunux ftehmu kuntrattwalment mod ieħor, jenħtieġ li l-bejjiegħ ma jkunx obbligat jipprovdi verżjonijiet aġġornati tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali tal-oġġetti jew li jtejjeb jew jestendi l-funzjonalitajiet tal-oġġetti apparti r-rekwiżiti relatati mal-konformità.
Jekk aġġornament ipprovdut mill-bejjiegħ jew minn parti terza li tipprovdi l-kontenut jew is-servizz diġitali taħt il-kuntratt tal-bejgħ jikkawża nuqqas ta’ konformità fl-oġġett b’elementi diġitali, jenħtieġ li l-bejjiegħ ikun responsabbli biex l-oġġett jerġa’ jinġieb f’konformità.
Il-konsumatur jenħtieġ li jibqa’ liberu li jagħżel jekk jinstallax l-aġġornamenti pprovduti.
Jekk il-konsumatur jiddeċiedi li ma jinstallax l-aġġornamenti meħtieġa għall-oġġetti b’elementi diġitali biex tinżamm il-konformità tagħhom, jenħtieġ li l-konsumatur, madankollu, ma jistenniex li tali oġġetti jibqgħu konformi.
Jenħtieġ li l-bejjiegħ jinforma lill-konsumatur li d-deċiżjoni tal-konsumatur li ma jinstallax l-aġġornamenti meħtieġa biex il-kontenut jew is-servizz diġitali jinżamm f’konformità, inklużi aġġornamenti tas-sigurtà, ser taffettwa r-responsabbiltà tal-bejjiegħ għall-konformità ta’ dawk il-karatteristiċi tal-kontenut jew is-servizz diġitali li l-aġġornamenti rilevanti suppost li jżommu f’konformità.
Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax l-obbligi li jiġu pprovduti l-aġġornamenti tas-sigurtà stabbiliti f’liġi oħra tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali.
- = -
(33) Skont din id-Direttiva, jenħtieġ li l-bejjiegħ ikun obbligat jikkonsenja oġġetti li jkunu f’konformità fil-mument tal-konsenja.
Huwa possibbli li l-bejjiegħa jużaw spare parts sabiex jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jsewwu l-oġġetti f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità eżistenti fil-mument tal-konsenja.
Din id-Direttiva, filwaqt li jenħtieġ li ma timponix l-obbligu li l-bejjiegħa jiżguraw id-disponibbiltà ta’ spare parts tul perjodu ta’ żmien bħala rekwiżit oġġettiv ta’ konformità, jenħtieġ li ma taffettwax dispożizzjonijiet oħra fil-liġi nazzjonali li tobbliga lill-bejjiegħ, il-produttur jew persuni oħra li jikkostitwixxu ħolqa fil-katina tat-tranżazzjonijiet, li jiżguraw li l-ispare parts huma disponibbli jew li l-konsumaturi jiġu infurmati b’din id-disponibbiltà.
- = -
(38) Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tirregolax it-tifsira ta’ “konsenja”, li jenħtieġ li titħalla għal-liġi nazzjonali, b’mod partikolari, rigward il-kwistjoni dwar x’għandu jagħmel il-bejjiegħ sabiex jissodisfa l-obbligu tal-bejjiegħ li jforni l-oġġetti.
Barra minn hekk, referenzi għall-mument tal-konsenja f’din id-Direttiva jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar it-trasferiment tar-riskju kif previst fid-Direttiva 2011/83/UE u implimentat f’dan is-sens fil-liġi tal-Istati Membri.
- = -
(41) Sabiex tiġi żgurata li jkun hemm ċertezza legali għall-bejjiegħa u l-fiduċja ġenerali tal-konsumaturi fix-xiri transfruntier, hemm bżonn li jiġi previst perjodu li fih il-konsumatur ikun intitolat għar-rimedji għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità eżistenti fil-mument rilevanti biex tiġi stabbilita l-konformità.
Peress li, meta implimentaw id-Direttiva 1999/44/KE, il-maġġoranza kbira tal-Istati Membri pprevedew perjodu ta’ sentejn, u fil-prattika dak il-perjodu huwa meqjus raġonevoli mill-parteċipanti fis-suq, jenħtieġ li dak il-perjodu jinżamm.
Jenħtieġ li l-istess perjodu japplika fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali.
Madankollu, jekk il-kuntratt jipprevedi l-provvista kontinwa għal aktar minn sentejn, jenħtieġ li l-konsumatur ikollu d-dritt jitlob rimedju għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità tal-kontenut jew is-servizz diġitali li jseħħ jew jimmanifesta ruħu fil-perjodu li matulu l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali irid ikun fornut skont il-kuntratt.
Sabiex tiġi żgurata li jkun hemm l-flessibbiltà għall-Istati Membri biex iżidu l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-liġi nazzjonali tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jipprevedu limiti ta’ żmien itwal għar-responsabbiltà tal-bejjiegħ minn dawk stipulati f’din id-Direttiva.
- = -