(6) Ir-regoli tal-Unjoni applikabbli għall-bejgħ ta’ oġġetti għadhom frammentati għalkemm ir-regoli dwar il-kundizzjonijiet tal-konsenja u, fir-rigward ta’ kuntratti mill-bogħod u barra mill-post tan-negozju, ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali u d-dritt tal-irtirar diġà kienu armonizzati b’mod sħiħ fid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).
Elementi kuntrattwali prinċipali oħra bħall-kriterji ta’ konformità, ir-rimedji għal nuqqas ta’ konformità mal-kuntratt u l-modalitajiet prinċipali għall-eżerċitar tagħhom, fil-preżent huma soġġetti għal armonizzazzjoni minima fil-qafas tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).
L-Istati Membri tħallew imorru lil hinn mill-istandards tal-Unjoni u jintroduċu jew iżommu regoli li jiżguraw li jintlaħaq livell saħansitra ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur.
B’dan il-mod, huma ħadu azzjoni fuq elementi differenti u f’livelli differenti.
Għalhekk, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 1999/44/KE jvarjaw b’mod sinifikanti fuq elementi essenzjali, bħan-nuqqas jew l-eżistenza ta’ ġerarkija ta’ rimedji.
- = -
(10) Din id-Direttiva jenħtieġ li tkopri r-regoli applikabbli għall-bejgħ ta’ oġġetti, inkluż oġġetti b’elementi diġitali, fir-rigward biss tal-elementi kuntrattwali ewlenin meħtieġa sabiex jingħelbu l-ostakli relatati mal-liġi kuntrattwali fis-suq intern.
Għal dan il-għan jenħtieġ li r-regoli dwar ir-rekwiżiti għall-konformità, ir-rimedji għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi għal nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti mal-kuntratt u l-modalitajiet prinċipali għall-eżerċizzju tagħhom ikunu kompletament armonizzati, u li l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur, meta mqabbel mad-Direttiva 1999/44/KE, jiżdied.
Regoli kompletament armonizzati fir-rigward ta’ ċerti elementi essenzjali tal-liġi tal-kuntratti mal-konsumaturi għandhom jagħmluha aktar faċli għan-negozji, speċjalment għall-SMEs, biex joffru l-prodotti tagħhom fi Stati Membri oħra.
Permezz tal-armonizzazzjoni kompleta tar-regoli ewlenin, il-konsumaturi jibbenefikaw minn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u titjib fil-benesseri.
- = -
(70) Minħabba li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tikkontribwixxi għall-funzjonament tas-suq intern billi tindirizza b’mod konsistenti l-ostakli marbutin mal-liġi dwar il-kuntratti għall-bejgħ transfruntier ta’ oġġetti fl-Unjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, minħabba l-fatt li kull Stat Membru individwalment mhuwiex f’pożizzjoni li jindirizza l-qafas legali frammentat eżistenti billi jiżgura l-koerenza tal-liġi tiegħu mal-liġijiet tal-Istati Membri l-oħra, iżda jista’, billi jitneħħew l-ostakli prinċipali relatati mad-dritt tal-kuntratti permezz ta’ armonizzazzjoni sħiħa jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.
- = -