(8) Din id-Direttiva għandha tkopri s-servizzi online anċillari li joffru l-organizzazzjonijiet tax-xandir li għandhom rabta ċara u subordinata max-xandiriet tal-organizzazzjoni tax-xandir.
Dawk is-servizzi jinkludu s-servizzi li jagħtu aċċess għall-programmi tat-televiżjoni u tar-radju b'mod strettament lineari, b'mod simultanju għax-xandir, u s-servizzi li jagħtu aċċess, fi żmien definit wara x-xandira, għall-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li jkunu diġà xxandru mill-organizzazzjoni tax-xandir, l-hekk imsejħa “servizzi tar-ripetizzjoni”.
Barra minn hekk, is-servizzi online anċillari koperti minn din id-Direttiva jinkludu s-servizzi li jagħtu aċċess għal materjal li jarrekkixxi jew inkella jespandi l-programmi tat-televiżjoni u tar-radju mxandramill-organizzazzjoni tax-xandir, fosthom bi previżjoni, estensjoni, supplimentar jew reviżjoni tal-kontenut tal-programm rilevanti.
Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal servizzi online anċillari li huma pprovduti lill-utenti minn organizzazzjonijiet tax-xandir flimkien mas-servizz tax-xandir.
Jenħtieġ lia tapplika wkoll għal servizzi online anċillari li, filwaqt li jkollhom relazzjoni ċara u subordinata max-xandira, ikunu jistgħu jiġu aċċessati mill-utenti b'mod separat mis-servizz tax-xandir mingħajr ma jkun hemm prekundizzjoni għall-utent li jkollu jikseb aċċess għal dak is-servizz tax-xandir, pereżempju permezz ta' abbonament.
Dan ma jaffetwax il-libertà tal-organizzazzjonijiet tax-xandir li joffru dawn is-servizzi online anċillari bla ħlas jew permezz tal-ħlas. L-għoti tal-aċċess għal xogħol individwali jew materjal protett ieħor li jkun inkorporat fi programm tat-televiżjoni jew tar-radju, jew għal xogħlijiet jew materjal protett ieħor li ma jkunu relatati ma' ebda xandira ta' programmi mill-organizzazzjoni tax-xandir, bħalma huma s-servizzi li jagħtu aċċess għal xogħlijiet mużikali jew awdjoviżivi individwali, albums tal-mużika jew vidjos, pereżempju servizzi ta' video-on-demand, jenħtieġ li ma jaqax fl-ambitu tas-servizzi koperti minn din id-Direttiva.
- = -
(21) Meta l-organizzazzjonijiet tax-xandir jittrażmettu s-sinjali li jwasslu l-programm tagħhom direttament lill-pubbliku, u b'hekk iwettqu att inizjali ta' trażmissjoni, u b'mod simultanju wkoll jitrażmettu dawk is-sinjali lil organizzazzjonijiet oħra permezz tal-proċess tekniku ta' injezzjoni diretta, pereżempju biex tiġi żgurata l-kwalità tas-sinjali għall-finijiet ta' ritrażmissjoni, it-trażmissjonijiet minn dawk l-organizzazzjonijiet l-oħra jikkostitwixxu att separat ta' komunikazzjoni lill-pubbliku minn dak imwettaq mill-organizzazzjoni tax-xandir.
F'dawk is-sitwazzjonijiet jenħtieġ li japplikaw ir-regoli dwar it-trażmissjonijiet mill-ġdid stabbiliti f'din id-Direttiva u fid-Direttiva 93/83/KEE, kif emendata minn din id-Direttiva.
- = -
(23) Sabiex tkun evitata ċirkomvenzjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini permezz tal-estensjoni tal-perjodu taż-żmien tal-ftehimiet eżistenti dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati li huma rilevanti għall-forniment tas-servizzi anċillari online kif ukoll għall-aċċess għal jew għall-użu ta' dak is-servizz, huwa meħtieġ li l-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jiġi applikat ukoll għall-ftehimiet eżistenti iżda b'perjodu tranżitorju.
Matul dak il-perjodu transitorju, il-prinċipju jenħtieġ li ma japplikax għal dawk il-ftehimiet eżistenti, sabiex b'hekk jingħata l-ħin biex jiġu adattati, fejn huwa neċessarju, skont din id-Direttiva.
Huwa wkoll neċessarju li jiġi previst perjodu tranżitorju sabiex l-organizzazzjonijiet tax-xandir, id-distributuri tas-sinjali u d-detenturi tad-drittijiet jitħallew jadattaw ir-regoli ġodda dwar l-isfruttar ta' xogħlijiet u materjal protett ieħor permezz ta' injezzjoni diretta stabbiliti fid-dispożizzjonijiet f'din id-Direttiva dwar it-trażmissjoni ta' programmi permezz ta' injezzjoni diretta.
- = -